Mara, il-fidi tiegħek kbira

L-20 Ħadd ta’ Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra spiċċa b’dikjarazzjoni ta’ fidi mingħand l-appostli meta jagħrfu lil Ġesù bħala Iben Alla. Illum se nisimgħu dwar att ta’ fidi ieħor, din id-darba imma mhux biss mingħand xi ħadd li kien jaf lil Ġesù, iżda mingħand persuna li lanqas biss kienet Lhudija. Għall-bidu, dan l-Evanġelju jista’ jifxilna minħabba li meta din il-mara Kangħanija titlob għall-għajnuna, Ġesù għall-ewwel jinjorha u ma jwieġeb xejn. Hija bdiet tiġbed l-attenzjoni minħabba li leħinha kien jgħajjat u l-appostli riedu li Ġesù jgħidilha tiskot. Il-mara tkompli titlob bil-ħniena u Ġesù din id-darba jweġibha, iżda b’mod li mhux soltu nisimgħu lil Ġesù jitkellem. Hu juża l-kelma ‘ġriewi’. Dan kien kliem li jużaw il-Lhud biex juru l-ostilità tagħhom lejn il-pagani. Il-Lhud kienu jqisu lilhom nfushom bħala wlied Abraham u l-pagani bħala l-klieb tal-familja. Għalhekk il-ħobż kien bi dritt għall-ulied il-familja u mhux għall-ġriewi. Il-mara ma taqtax qalbha, tifhem il-paragun li uża Ġesù, u b’umiltà tibqa’ tinsisti. B’fidi kbira twieġeb li l-frak li jaqa’ jistgħu jikluh il-klieb. U Ġesù jagħtiha dak li tixtieq, jiġifieri il-fejqan tat-tifla tagħha.

Il-kliem ta’ Ġesù jista’ jixxukkjana. Madanakollu rridu niftakru wkoll li qed naqraw mill-Evanġelju ta’ San Mattew li nkiteb primarjament għal udjenza Lhudija. Il-Lhud kienu jemmnu li l-Messija kellu jsalva lilhom għax huma kienu l-poplu magħżul. Ma kinitx aċċettata li s-salvazzjoni kienet għal kulħadd. Għalhekk l-appostli li kienu Lhud ma jridux li Ġesù jilqa’ t-talba ta’ din il-mara. Il-mara, min-naħa l-oħra, tammetti li l-Lhud kellhom dritt għall-ħniena ta’ Alla iżda emmnet ukoll li l-ħniena ta’ Alla kienet kbira biżżejjed biex twassal u tilqa’ t-talba tagħha wkoll.

Din il-ġrajja għandha fuq kollox turina li qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla li hija abbundanti u għal kulħadd. Dan il-qari, imissilna wkoll il-kuxjenza. Bħall-appostli, xi drabi aħna niġġudikaw malajr wisq. L-appostli riedu li Ġesù jeħles minn din il-mara li kienet qed titlob l-attenzjoni. Kemm ġieli aħna stess dawwarna wiċċna jew ma tajniex kas ta’ dawk ta’ madwarna li xtaqu li nieqfu ftit magħhom, forsi biex nagħtuhom kelma ta’ nkoraġġament, jew nagħtu ftit mill-ħin tagħna biex ngħinuhom. Kemm forsi kkundannajna nies għax rajnihom fitti u nsistenti fit-talb tagħhom?

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 15, 21-28) 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu 
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ġieli ħassejt li Ġesù mhux qed jisma’ t-talb tiegħek? Bqajt titolbu b’insistenza u b’umiltà jew qtajt qalbek?
  4. Kemm temmen li Ġesù qiegħed jisma’ t-talba tiegħek?
  5. Ġieli ma offrejtx l-għajnuna tiegħek minħabba ġudizzju li għaddejt fuq individwi oħra?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a) Bibbja bil-qari minn San Mattew (15, 21-28)
    b) Xemgħa mixgħula
    c) Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d) Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu dwar mara li intom se tifhmuha żgur!

  • Ġesù jixtieq li nemmnu li Alla jisma’ t-talb tagħna
  • Fit-talb nitkellmu ma’ Alla dwar il-bżonnijiet tagħna u tal-oħrajn
  • Kartonċina
  • Kuluri
  • Lapes
  • Imqass
  • Single punch
  • Żigarella

Smajtuha tfal lil din il-mara? Riedet lil Ġesù jfejjaq lit-tifla tagħha imma għall-ewwel Ġesù qisu ma tax kasha u wara qisu qalilha li ma ridtx jgħinha! Għeżież tfal, qatt kien hemm xi darba li ridtu xi ħaġa, xi ġugarell, jew xi ħaġa li kellhom sħabkom u intom ma kellkomx? 

Jekk iwieġbu iva (jiġifieri li ma kellhomx xi ħaġa li l-ħbieb tagħhom kellhom), nistaqsuhom: X’għamiltu? Qtajtu qalbkom u aċċettajtu li ma jistax ikollkom dak li tixtiequ? (iwieġbu t-tfal)

Din il-mara ma waqfitx tistaqsi lil Ġesù, baqgħet tiffittaħ, għax kienet taf li dak li xtaqet kien tajjeb u Ġesù seta’ jagħtiha dak li xtaqet: ifejjaq lit-tifla tagħha. 

Nistaqsu:

Intom stennejtu li Ġesù, lil din il-mara, ma jgħidilhiex mal-ewwel li se jfejjaq lit-tifla tagħha? 

Meta l-mara tibqa’ titolbu, it-tifla tagħha tfieq?

Lil din il-mara, Ġesù jfaħħarha għall-fidi kbira tagħha. Tiftakru xi tfisser fidi? (li tafda)

Ġesù, permezz ta’ din il-mara, illum qiegħed jgħallimna dwar it-talb. Meta nitolbu Ġesù dejjem jismagħna. Ġesù jixtieq li meta nitolbu nemmnu li hu qiegħed jismagħna. Irid li nkunu moħħna hemm u mhux moħħna f’affarijiet oħra. Ġesù jrid li nitgħallmu li għalkemm dejjem jisma’ t-talb tagħna mhux dejjem se jagħtina dak li nitolbu għalih u jista’ wkoll jagħtina dak li nixtiequ iżda mhux bilfors fil-ħin li rridu aħna. Ġesù jrid li ma nitolbuhx għalina biss, imma nitolbu għall-oħrajn ukoll.

Mhux dejjem inkunu nafu għal min se nitolbu, għalhekk din l-attività se tgħinna biex niftakru.

Nagħmlu idejn it-tfal fuq il-kartonċina u għal kull tifel u tifla npinġu l-forma ta’ idejhom fuq il-kartonċina għal sitt darbiet. Naqtgħuhom u npoġġuhom fuq xulxin biex jaqblu (jiġifieri, is-seba’ ż-żgħir nagħmluh fuq l-ieħor). Nagħmlu toqba bis-single punch fuq kantuniera minnhom (fil-pala tal-id). 

Fuq l-ewwel waħda ngħinu lit-tfal biex jiktbu Illum jien se nitlob għal

It-tieni waħda: Jagħtu l-kulur lis-subgħa l-kbir u fil-pala tal-id ipinġu dawk li huma jħobbu (familja, ħbieb). Nistgħu wkoll ngħinuhom jiktbu: Nitlob għal dawk li nħobb.

It-tielet waħda: jagħtu l-kulur lill-werrej u jpinġu dawk in-nies li jgħallmuhom (għalliema, katekisti, saċerdoti). L-istess nistgħu ngħinuhom jiktbu: Nitlob għal dawk li jgħallmuni u għinuni.

Ir-raba’ waħda: jagħtu l-kulur is-subgħa tan-nofs u jpinġu nies li għandhom awtorità bħal Papa Franġisku, mexxejja tal-pajjiż, headteachers, pulizija. Niktbu: Nitlob għal dawk li għandhom kull tip ta’ awtorità

Il-ħames waħda: jagħtu l-kulur is-subgħa taċ-ċurkett. Dan is- subgħa huwa dgħajjef komparat mas-swaba l-oħra. Għalhekk ifakkarna fil-morda u foqra. Wara li jpinġu nistgħu niktbu: Nitolbu għall-morda u foqra.

Is-sitt waħda: jagħtu l-kulur is-subgħa ż-żgħir. Ipinġu lilhom infushom u jiktbu: Nitlob għalija nnifsi.

Meta jkunu lesti, nagħmlu l-idejn wara xulxin u naqduhom billi ngħaddu ż-żigarella minn ġot-tobqa u nagħmlu ċoff. Ma nissikkawx iż-żejjed biex l-idejn (li issa qishom paġni ta’ ktieb) ikunu jistgħu jqallbuhom. Dawn l-idejn iħalluhom ħdejn is-sodda tagħhom u qabel ma’ jorqdu bħala parti mit-talba, jagħżlu waħda mill-idejn u jitolbu għal dik il-kategorija ta’ nies jew għalihom infushom.Waqt din l-attività nistgħu nisimgħu: He’s got the whole world in his hands, għax Alla jieħu ħsieb lil kulħadd.

Bħala talba kulħadd jagħżel waħda minn l-idejn u jitlob għal dawn in-nies.

Illum irridu nisimgħu l-Evanġelju b’attenzjoni kbira għax mhux se jkun qari li faċli nifmuh mill-ewwel.

  • Alla jħobb lil kulħadd
  • Ġesù miet fuq is-salib biex isalva lil kulħadd
  • Aħna fid-dmir li nwasslu l-Kelma ta’ Alla lill-oħrajn
  • Alla jieħu gost bit-talb tagħna
  • Pakketti tal-ħelu għal kuħadd, jew xi ħaġa oħra li tista’ tinqasam mal-oħrajn.
  • Kartonċina
  • Lapes

Inqasmu l-pakketti tal-ħelu, imma ma nagħtux lil kulħadd; jiġifieri jekk qegħdin erba’ nagħtu pakkett lil tnejn u mhux lit-tnejn l-oħra (naraw li dawk li jibqgħu mingħajr il-ħelu jkunu t-tfal).

Nistaqsu lil dawk li baqgħu mingħajr ħelu:

Kif qed iħossuhom li baqgħu mingħajr ħelu u li l-oħrajn ħadu?

Fl-Evanġelju tal-lum, il-mara kienet Kangħanija, ma kinitx Lhudija bħal Ġesù u l-appostli. Kienet pagana, allura l-Lhud li kienu jemmnu li Alla se jsalva lilhom biss, lill-pagani ma kienux ħbieb magħhom. Din il-mara kellha t-tifla tagħha maħkuma mix-xitan u riedet lil Ġesù jfejjaqha. Minħabba l-mod kif Ġesù jweġibha għall-bidu, jista’ jkun li hi ħassitha kif qed tħossukom intom li bqajtu mingħajr ħelu, ‘Hemm ħelu għall-oħrajn iżda mhux għalija!’ Ġesù għall-ewwel jgħidilha li hu kien iżjed interessat fil-Lhud milli fiha, li ma kienitx Lhudija. Madanakollu, din il-mara baqgħet tinsisti.

Għeżież tfal, intom tafu xi tfisser tinsisti. Ftakru meta ridtu xi ħaġa, xi logħba, ħwejjeg, li toħorġu ma’ sħabkom jew tmorru sleep over għandhom u staqsejtu lill-mama u qaltilkom le. X’għamiltu? Aċċettajtu r-risposta tal-mama jew bqajtu tiffittawha u forsi anke tlabtu l-għajnuna tal-papa, tan-nanna, ta’ ħutkom biex tikkonvinċuha u tbiddel il-ħsieb? Hekk tagħmel din il-mara. Hi tibqa’ tiffitta lil Ġesù, għax temmen li kellha raġun titolbu biex ifejjaq lit-tifla tagħha. 

Dan l-Evanġelju ilu ħafna, ħafna snin li nkiteb u dak iż-żmien il-Lhud kienu jemmnu li huma kienu l-Poplu Magħżul minn Alla u huma biss kienu se jsalvaw. Huwa vera li l-poplu Lhudi kien il-Poplu Magħżul. Minkejja dan, Alla m’għażilx lil Lhud biex isalva lilhom biss. Huwa ried li l-Lhud jemmnu fih, biex imbagħad iwasslu l-Kelma tiegħu lill-oħrajn u dawn isalvaw ukoll.

Dawk li ħadu l-ħelu ma għandhomx ħelwa waħda biss, iżda għandhom pakkett sħiħ. Issa huma għandhom għażla, jistgħu jżommu l-pakkett kollu għalihom u jagħmlu kif kienu jagħmlu l-Lhud ta’ żmien Ġesù u jaħsbu li l-Kelma ta’ Alla kienet għalihom biss, jew jistgħu jaqsmuh mal-oħrajn li ma ħadu xejn u jagħmlu kif xtaq Alla, li l-Lhud jaqsmu l-Aħbar it-Tajba mal-oħrajn.

Jingħataw il-pakketti tal-ħelu, lil dawk li ma ħadux fil-bidu u ngħidu ‘Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lil kulħadd. Aħna kollha magħżulin minnu. Alla qiegħed jafdana biex dak li nafu dwaru ngħadduh lill-oħrajn. Alla jrid li aħna ngħixu ħajja tajba biex inkunu ta’ eżempju tajjeb għall-oħrajn.’

Ħaġa oħra li nitgħallmu hija li Alla jrid li nduru lejh fil-bżonnijiet tagħna. Din il-mara talbet fuq li talbet u aħna rridu nagħmlu bħalha. Dan it-tip ta’ talb kif għamlet din il-mara jsejħulu talb ta’ petizzjoni. Hemm erbgħa forom oħra ta’ talb ewlenin.

Dawn huma l-ħames forom ta’ talb prinċipali:

  • Talb ta’ tifħir lil Alla
  • Talb ta’ ringrazzjament
  • Talb ta’ maħfra
  • Talb ta’ petizzjoni jew interċessjoni
  • Talb għal bżonnijiet personali

Fuq il-kartonċina nagħmlu forma tal-id. Fuq kull saba niktbu waħda minn dawn il-forom ta’ talb. Jekk jixtiequ t-tfal jistgħu jpinġuha u jiddekorawha skont kif jixtiequ. Naqtgħu din il-forma u t-tfal iħalluha ħdejn is-sodda biex qabel ma jorqdu jużaw waħda jew aktar minn dawn il-forom ta’ talb.Waqt li tkun qed issir din l-attività nisimgħu Never give up, biex niftakru li qatt ma għandna naqtgħu qalbna, bħal mara mill-Kangħanija għandna dejjem nibqgħu nduru lejn Alla.

Bħala talba kulħadd jagħżel waħda mill-forom ta’ talb u jgħid talba (jekk qegħdin anqas minn ħamsa kull persuna tgħid aktar minn talba waħda).

Dan jista’ jkun ta’ għajnuna biex nippreparaw dan it-talb:

Tifħir lil Alla – infaħħru lil Alla għall-għajnuna tiegħu, għall-imħabba tiegħu, għall-ħolqien.
Ringrazzjament – ngħid grazzi lil Alla għal xi ħaġa li ġratli llum.
Maħfra – nitlob skuża għal xi ħaġa li jien għamilt ħażin (inkunu speċifiċi, per eżempju: nitlob maħfra lill-Mulej għax meta oħti bdiet tinkini, jiena tajtha daqqa u weġġajtha).
Petizzjoni – nitolbu għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ xi ħadd.
Bżonnijiet personali – inkunu speċifiċi f’dak li nitolbu, per eżempju, Mulej jien għandi bżonn l-għajnuna tiegħek biex nieqaf nigdeb.

Ir-rakkont tal-Evanġelju tal-jum jindikalna li Ġesù kien sejjer f’żewġt ilbiet li San Mattew isemmi. Liema kienu dawn l-ibliet?

Correct! Wrong!

San Mattew jirrakkonta li waħda mara ġiet titlob l-għajnuna lil Ġesù biex jeħles lil xi ħadd li kien jiġi minnha, mill-ħakma tax-xitan. Kif kienet tiġi minn din il-mara, il-persuna maħkuma?

Correct! Wrong!

Il-mara li talbet l-għajnuna lil Ġesù kienet ġejja minn post partikolari. Minn liema reġjun kienet ġejja?

Correct! Wrong!

Fid-djalogu li din il-mara kellha ma’ Ġesù, wara li hu qalilha li kien ġie biex jieħu ħsieb in-nies ta’ Israel, hija għamlitlu talba sabiħa u profonda ħafna. X’kienet din it-talba?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.