Santa Eliżabetta tal-Ungerija

17 ta' Novembru

Santa Eliżabetta twieldet l-Ungerija nhar is-7 ta’ Lulju 1207.  Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija u ommha kienet ir-Reġina Gertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdità.

Meta kellha biss erba’ snin, ġie rranġat żwieġ bejn il-ġenituri tagħha u l-ġenituri ta’ Ludoviku IV, nobbli Ġermaniż minn Turinġja, fil-Ġermanja. F’età żgħira, ittieħdet fil-qorti ta’ Turinġja għall-edukazzjoni tagħha biex tkun maġenb ir-raġel futur tagħha.

Meta kellha sitt snin, Eliżabetta għaddiet mill-ewwel esperjenza traġika ta’ ħajjitha, meta ommha nqatlet, x’aktarx minn nobbli Ungeriżi.  Hija reġgħet sabet il-ferħ meta żżewġet lil Ludoviku li issa kienet saret tħobbu. Hija kellha erbatax-il sena u hu wieħed u għoxrin. Iż-żwieġ tagħhom kien wieħed feliċi. 

Għalkemm kienet il-mara ta’ wieħed mill-mexxejja sinjuri u setgħana ta’ Turinġja, u kienet tagħmel parti mill-Qorti Rjali, kienet tgħix ħajja sempliċi, iddedikata għat-talb, il-penitenza u l-opri tal-karità. Kuljum kienet tieħu l-ħobż u l-ħwejjeġ lill-foqra. Xi nobbli saħansitra akkużawha li kienet qed tieħu l-oġġetti mill-palazz biex tqassamhom lil dawk fil-bżonn, iżda Ludwig appoġġja l-ħidma tal-karità tagħha.

Fl-1223, il-patrijiet Franġiskani waslu f’Turinġja. Eliżabetta setgħet tidentifika ruħha mal-ideali Franġiskani tal-faqar u l-karità lejn dawk fil-bżonn, hekk kif kienet tistinka biex tfassal ħajjitha fuq dik ta’ San Franġisk. Meta fl-1226 Turinġja ntlaqtet minn ġuħ kbir, mard u għargħar, Eliżabetta stess ħadet ħsieb il-vittmi, tant li saħansitra ordnat li jinbena sptar qrib il-palazz.

Fl-1227, Ludoviku akkumpanja lill-Imperatur Federiku II fi Kruċjata lejn il-Palestina, bi tweġiba għas-sejħa tal-Papa biex jirkupra territorji fl-Art Imqaddsa mingħand il-Musulmani. Madankollu, hu marad bil-pesta u miet fi triqtu lejn Otranto. Eliżabetta rċeviet l-aħbar ftit wara li kienet għadha kif welldet it-tielet wild tagħha. Kienet għadha kemm għalqet għoxrin sena.

Wara l-mewt ta’ Ludoviku il-ħajja ta’ Eliżabetta nbidlet ħafna.  Hija ġiet akkużata minn ħuh li ma kinetx kompetenti li tiggverna; iddikjara ukoll li hu kien l-eredi ta’ Ludoviku.  Eliżabetta ġiet miżmuma li tiret dak li kien dovut lilha wara l-mewt ta’ żewġha.

Eliżabetta sabet il-kenn fil-Kastell tal-familja. Hija bdiet taħdem ta’ ħajjata u kompliet tieħu ħsieb il-fqar u l-morda.  F’dan iż-żmien it-tfal tagħha ttieħdu mingħandha, bi skuża li ma kinetx f’pożizzjoni li tieħu ħsiebhom.

Fl-1228, hija ssieħbet fit-Tielet Ordni ta’ San Franġisk, imwaqqfa minn San Franġisk għal-lajċi li xtaqu jsegwu l-ideal Franġiskan mingħajr ma jsiru patrijiet jew sorijiet. Meta fl-aħħar irċeviet il-flus li kien imissha mid-dota tagħha, qassmet parti minnhom lill-foqra u bil-bqija waqqfet sptar f’ġieħ San Franġisk, fejn hija stess kienet tieħu ħsieb il-morda bl-enerġija kollha tagħha.

Santa Eliżabetta mietet fl-eta ta’ 24 sena.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

M

Minkejja l-ġid u l-pożizzjoni soċjali għolja tagħha, Santa Eliżabetta tat prijorità

l-bżonnijiet tal-morda u tal-foqra.  Hija serviethom għall-imħabba ta’ Alla u

mhux għal xi gwadann personali tagħha.

  • Ejja nħeġġu lit-tfal biex jaqdu lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xejn lura. Minbarra li jsaħħaħ l-istima tagħhom infushom hekk kif jirrikonoxxu l-ħiliet tagħhom fit-twettiq tal-kompiti, dan jgħinhom ma jibqgħux jaħsbu biss fihom infushom.
  • Iddiskuti mat-tfal kif jistgħu jaqdu lill-oħrajn b’ġesti żgħar, kemm id-dar, l-iskola jew f’sitwazzjonijiet oħra: billi jgħinu biex ilestu l-mejda u jneħħu minn fuqha mingħajr ma jintalbu jagħmlu dan; billi joffru li jagħmlu xi xogħol tad-dar jew tal-iskola; jew billi jżuru xi qarib imdaħħal fiż-żmien jew ġar li jħossu waħdu u jeħdulu xi kejk jew gallettini li jkunu għenu biex iħejjuhom, jew inkella karta ta’ awguru personalizzata u mżejna bi tpinġija.

Santa Eliżabetta għażlet li tgħix ħajja ta’ sempliċità.

      Ejjew ninkoraġġixxu t-tfal biex jgħixu ħajja sempliċi.  Inħeġġuhom biex irabbu mentalità fejn jaħsbu x’vera għandhom bżonn meta mmorru nixtru u meta nkunu qed niżbarazzaw u nneħħu dak li għandna żejjed.  Għinhom jaraw x’għandhom, li għadu tajjeb u li m’għandhomx bżonn iżjed biex jingħata lil minn hu fil-bżonn.

Ħin għat-Talb mal-Familja

      Mill-Bibbja aqraw l-episodju meta Ġesù ħasel saqajn l-Appostli fl-Aħħar Ċena.  Spjega li dawk iż-żmien, in-nies kienu jilbsu s-sandli jew kienu jimxu ħafjin.  Il-qaddej tad-dar kien jaħsel saqajn dawk li kienu jiġu minn barra.  Ġesù Bin Alla, hekk għamel, ħasel saqajn l-Appostli.  Staqsi lit-tfal għalfejn jaħsbu li Ġesù ħasel saqajn l-Appostli.

Il-Madonna marret tgħin lill-qariba tagħha, Santa Eliżabetta.  Tistgħu titolbu t-Tieni posta tar-Ruzarju tal-Ferħ.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.