Illum qegħdin niċċelebraw l-akbar festa għalina l-Insara: l-Għid il-Kbir. Din hija festa ta’ tama, li lkoll għad ingawdu l-ħajja ta’ dejjem. Permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù kisbilna ħajja ġdida.
Is-sena l-oħra, rriflettejna dwar Ir-rakkont minn San Ġwann. Għalhekk din is-sena, se naraw l-Evanġelju skont San Luqa. Dan ilaqqgħana man-nisa sejrin lejn il-qabar ta’ Ġesù biex jippreparawh għad-difna. Minħabba li s-Sibt huma ma setgħux ikollhom kuntatt ma’ ġisem mejjet, wara li Ġesù tniżżel minn fuq is-salib, tħalla fil-qabar, u d-dlik bi fwejjaħ, kellu jsir il-Ħadd. Din kienet ir-raġuni għalfejn in-nisa kienu sejrin lejn il-qabar.
Jista’ jkun li dan ir-rakkont, drajnieh, nafu x’ġara u moħħna malajr jimraħ fi ħsibijiet oħra. Għalhekk, tajjeb li nieqfu u nagħtu l-attenzjoni kollha tagħna għalih biex nifhmu iktar ir-raġuni li minħabba fiha niċċelebraw l-Għid. Dak li ġara lil dawk in-nisa, jista’ jiġri lilna. Dawn marru ħdejn il-qabar u stennew li jsibu kollox kif kienu ħallewh. Meta waslu u sabu l-ġebla mgerba u l-qabar vojt, huma tħawdu. Dawn kienu nisa li lil Ġesù kienu jafuh, kienu semgħuh jgħallem, kienu semgħuh jgħid li għalkemm hu kien se jmut, hu kien se jerġa’ jqum. Ma kienux fehmuh lil Ġesù u lanqas ma fehmu meta lil Ġesù ma sabuhx fil-qabar. Kieku konna hemm, x’konna nagħmlu aħna? Nemmnu? X’aktarx konna nitħawwdu wkoll…Qatt ħadd ma miet u reġa’ qam! L-istess ġara lill-appostli. Huma ma emmnux l-aħbar li tawhom in-nisa.
Aħna qed ngħixu aktar minn elfejn sena wara din il-ġrajja. Il-mistqosija tibqa’ xorta. Aħna nemmnu li Ġesù qam mill-mewt? Jekk ma nemmnux, fuqhiex hija bbażata l-fidi tagħna? San Pawl jgħidilna, “Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom.” (1 Kor 15, 14) Aħna ma konniex salvati permezz tal-mewt ta’ Ġesù, iżda permezz tal-mewt u qawmien tiegħu. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, tgħid, “il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet huwa l-qofol tal-fidi tagħna fi Kristu.” (KKK 638).
Meta Ġesù qam mill-mewt wriena li hu mhux biss bniedem iżda huwa wkoll Alla. Permezz tal-qawmien tiegħu, aħna għandna tama fil-ħajja ta’ dejjem. Nistgħu ngħidu, li Ġesù, għamel il-parti tiegħu, issa l-ballun qiegħed f’saqajna. Fil-magħmudija aħna mmutu u nqumu fi Kristu. Aħna nsalvaw skont kif ser ngħixu. Aħna rridu nagħmlu ħilitna biex ngħixu skont ma’ jitlob Alla minna. Alla dejjem jagħtina l-għajnuna, imma dak li mistenni minna rridu nagħmluh. Li mmutu fi Kristu jfisser li ma ngħixux skont ma jidhrilna jew skont kif inħossu li għandna nagħmlu. Irridu niffurmaw lilna nfusna u l-kuxjenza tagħna, biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla.
L-attitudni tagħna, għandna tkun bħal ta’ dawk in-nisa. L-Evanġelju jgħidilna li n-nisa emmnu u marru jagħtu din l-aħbar lill-appostli. In-nisa emmnu, minkejja li ma raw xejn. Huwa l-istess mod kif nemmnu aħna. Lanqas aħna ma rajna lil Kristu Rxoxt, madanakollu nemmnu, għax kif jgħid Papa Franġisku, “Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Hu jgħix u jridek ħaj! Hu jinsab fik, hu jinsab miegħek u qatt mhu ħa jitilqek. Titbiegħed kemm titbiegħed, biswitek dejjem hemm l-Irxoxt, li jsejjaħlek u jistenniek biex tista’ terġa’ tibda mill-ġdid. Meta tħoss li d-diqa, ir-rabja, il-biża’, id-dubji jew il-fallimenti xejħuk, sa ssib lilu hemm biex iroddlok il-qawwa u t-tama.” (Christus Vivit 1-2)