Hu qam tassew!

L-Għid il-Kbir

Il-Mulej qam tassew minn bejn l-imwiet. Hallelujah!

Il-lum niċċelebraw l-akbar festa tal-Knisja. Ġesù qam mill-mewt, huwa rebbiegħ u lilna qed jimliena bit-tama li aħna wkoll għad inqumu mill-mewt u ngawdu l-glorja tal-ġenna. Ħasra li l-pandemija, tista’ għal sena oħra ttellifna minn din it-tama. Snin oħra, l-Għid ġab miegħu għaqda, iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja u purċissjonijiet u ġiri bil-vara ta’ Kristu rxoxt, familji jiltaqgħu u jieklu flimkien, xiri ta’ rigali u preparazzjonijiet ta’ ħelu bħall-figolli u bajd tal-Għid. Din is-sena kollox ser isir b’restrizzjonijiet kbar. Minkejja dan, huwa sewwa li niftakru li fil-fatt, dak li qegħdin niċċelebraw illum ma nbidel xejn minnu. Ġesù huwa l-messaġġ ċentrali u l-ebda pandemija ma tista’ tbiddel dan. Fil-fatt jista’ jkun li hija grazzja, li minħabba li ma kellniex ħafna ġenn, ġiri u preparazzjonijiet, stajna ngħixu r-Randan b’mod forsi aktar sinifikattiv u llum nistgħu niċċelebraw l-Għid b’aktar twemmin.

Fl-Evanġelju tal-lum, skont San Ġwann, naraw id-diżappunt ta’ Marija ta’ Magdala, Pietru  u d-dixxiplu l-ieħor (li skont it-tradizzjoni, kien San Ġwann). Ġesù kien tkellem magħhom diversi drabi, li hu kien ser iqum mill-mewt, imma dan ma fehmuhx. Kieku fehemu, meta marru u sabu l-qabar vojt, kienu jwaqqgħu d-dinja bl-għajjat ta’ ferħ tagħhom. Minflok, infixlu! Jaraw il-faxex u l-maktur. X’jaqbdu jaħsbu? Jekk serqu l-ġisem ta’ Ġesù, qagħdu jneħħu l-faxex bil-galbu u jitwu l-maktur? L-Evanġelju jgħidilna li d-dixxiplu l-ieħor, ‘ra u emmen’. Imma x’emmen fil-fatt? 

Fil-qari tal-ġimgħat li ġejjin, ser naraw, kif anke, jekk dakinhar l-appostli kienu għadhom ma fehmux u ma emmnux li Ġesù qam mill-mewt, permezz ta’ dawk id-drabi li Ġesù reġa ltaqa’ magħhom qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema, huma neħħew kull dubju li qatt seta’ kellhom. Dan il-fatt, lilna jimliena bit-tama wkoll. Il-fidi hija rigal u biex tikber fina l-fidi irridu nikbru fl-għarfien tagħna ta’ Ġesù u tat-tagħlim tal-Knisja. L-appostli emmnu li Ġesù qam mill-mewt, meta wara li sabu l-qabar vojt, kellhom numru ta’ laqgħat oħra miegħu. Aħna wkoll, il-laqgħat personali tagħna ma’ Ġesù, ser ikabbru l-fidi tagħna. Aktar ma tikber u tissaħħaħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, aktar ser tikber il-fidi tagħna. Għalhekk, ma nemmnux għax smajna testimonjanza ta’ ħaddieħor biss, iżda nemmnu għax il-fiduċja tagħna f’Ġesù u l-wegħdiet tiegħu jsiru realtà.  Jekk ninterpretaw il-parti tal-Evanġelju tal-lum, “daħal hu wkoll, ra, u emmen” li fil-fatt dan id-dixxiplu emmen li Ġesù, qam mill-mewt, dak li għenu biex jemmen, kienet l-imħabba li kellu għal Ġesù. Din l-imħabba ġegħlitu jiġri aktar u jasal l-ewwel wieħed ħdejn il-qabar, u għenitu wkoll, biex jara u jemmen li Ġesù qam mill-mewt. 

Għalhekk, jekk inħossu li bħalissa l-fidi tagħna hija xi ftit dgħajfa, Ġesù qiegħed jerġa’ jagħtina opportunità oħra. Matul il-ġimgħat li ġejjin, jerġa’ jistedinna biex nimxu miegħu, biex inħalluh jidħol fil-ħajja tagħna u jagħtina t-tama. Matul dawn il-ġimgħat ngħaqqdu t-talba tagħna ma’ dik tal-missier li kellu lill-ibnu maħkum mix-xitan, u li talab hekk lil Ġesù: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.” (Mk 9, 24) Nilqgħu wkoll l-istedina li kien għamel Papa Franġisku: “Nistieden lil kull Nisrani, biex iġedded illum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, tal-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilu [lil Ġesù] jiltaqa’ miegħu.  M’hemm ebda raġuni għaliex wieħed għandu jaħseb li din l-istedina mhix għalih, għax ‘ħadd mhu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej’.” (Evangelii Gaudium, 3)

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 20, 1-9) 

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personament. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Xi tfisser għalik li Ġesù qam mill-mewt?
  4. Fit-Tridu tal-Għid, rajna lil Ġesù jaħsel saqajn il-ħbieb tiegħu, jagħti lilu nnifsu għalihom, ibati u jissallab għalihom. Ġesù ma għamilx dan għall-appostli biss, iżda għamel dan kollu għalina wkoll. Xi tfisser li tħalli lil Ġesù jaħsillek riġlejk? Xi tfisser għalik li fl-Ewkaristija Ġesù qiegħed jiġi għandek? Xi tfisser li Ġesù bata’ u miet mewta kiefra fuq salib, dan kollu minħabba fik? Ġesù jrid jurik li jaf xi tfisser li tbati, iridek tkun taf li hu qiegħed miegħek.
  5. Ġesù qam mill-mewt, u jridek tkun taf, li lilek ukoll għad iqajmek mill-mewt. Iżda qabel, qiegħed isejjaħlek, biex bħall-appostli, inti tkun xhud ta’ dan kollu mal-oħrajn. Iridek, l-ewwel u qabel kollox tkun xhud tal-imħabba tiegħu fil-familja tiegħek. Kif qed tkun xhud ta’ Ġesù?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (20, 1-9);
    ii. Xemgħa;
    iii. Fjuri, illum festa kbira, nirriflettu dan il-ferħ, permezz tat-tiżjin tal-mejda tat-talb ukoll
    iv. Stampa/ikona/statwa ta’ Kristu Rxox
    v. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad, jew kulur id-deheb (jekk ma għandkomx drapp kulur id-deheb, jista’ jkun li għandhom tinsel kulur id-deheb, li tintuża fil-Milied)
    vi. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja


Hallelujah! Hallelujah! Ġesù qam mill-mewt! Wow, x’festa kbira u sabiħa qegħdin niċċelebraw illum.  Vera li Ġesù bata ħafna u miet fuq is-salib, iżda Ġesù ma baqax mejjet! Huwa qam mill-mewt. Ġesù għamel wiegħda (promise) magħna, li aħna wkoll għad inqumu mill-mewt u ngħixu miegħu fil-ġenna. Dan infisser li jekk nafu nies li mietu, għalkemm aħna ma nistgħux narawhom u nkellmuhom, kif konna nagħmlu qabel, huma qegħdin jgħixu ma’ Ġesù. U xi darba nerġgħu niltaqgħu magħhom ukoll.

  • Ġesù qam mill-mewt
  • 12-il bajda tal-Għid
  • Karti
  • Lapes

Illum smajna kif il-ħabiba ta’ Ġesù, Marija ta’ Magdala (isimha jfisser li Marija kienet twieldet f’post jismu Magdala. Din kienet belt qrib il-Baħar tal-Galilea), il-Ħadd filgħodu kmieni ħafna, marret ħdejn il-qabar ta’ Ġesù. Niftakru li Ġesù kien miet il-Ġimgħa u difnuh f’qabar ġo għalqa. 

X’rat Marija meta resqet qrib tal-qabar? (il-ġebla l-kbira li kienet quddiem il-bieb tal-qabar kienet tneħħiet)

X’għamlet Marija kif rat li l-qabar kien miftuħ? (marret tiġri għand il-ħbieb l-oħra ta’ Ġesù biex tgħidilhom)

Tnejn minn dawn il-ħbieb, Pietru u ieħor, marru jiġru biex jaraw x’kienet rat Marija. Għalfejn taħsbu li marru jiġru? (aċċettaw kull tweġiba raġjonevoli li jagħtu t-tfal)

Pietru u l-ħabib l-ieħor ta’ Ġesù daħlu fil-qabar? (iva)

Ġesù kien għadu fil-qabar? (Le)

X’taħsbu li bdew jgħidu lil xulxin? (aċċettaw kull tweġiba raġjonevoli li jagħtu t-tfal)

Ġesù ma kienx għadu fil-qabar, għax hu kien qam mill-mewt. Ġesù ma kienx għadu mejjet! Dan miraklu kbir ħafna. Huwa miraklu li bħalu qatt ma seħħ fl-istorja kollha tad-dinja. Tiftakru x’inhu miraklu? (agħtu ċans lit-tfal iwieġbu)

Miraklu huwa meta tiġri xi ħaġa li ma tkunx skont kif is-soltu jsiru l-affarijiet taħt ir-regoli tan-natura. Meta ħadd ma jista’ jispjega kif ġrat, iżda fil-fatt tkun ġrat! Bħala eżempju nistgħu niftakru f’meta kien hemm raġel li kien għami u Ġesù għamel miraklu u dan ir-raġel beda jara! Alla biss jista’ jagħmel il-mirakli. Mirakli mhumiex maġija. Hawn nies li jitgħallmu kif jagħmlu l-maġijac u jagħmluha. Il-mirakli ħadd ma jista’ jitgħallem kif jagħmilhom u lanqas nifhmu kif isiru. Madanakollu aħna nemmnu li Alla jista’ jagħmel kollox u dan narawh fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

Tfal, għadna kemm bdejna żmien speċjali li nsejħulu Żmien il-Għid. Dan idum 50 ġurnata u huwa itwal minn żmien ir-Randan. Matul dan iż-żmien, ser nisimgħu kif wara li Ġesù qam mill-mewt, hu ltaqa’ ma’ dawn il-ħbieb tiegħu biex ikompli jgħallimhom u biex jgħinhom jifhmu li hu vera kien qam mill-mewt. Tfal, tiddejqux meta intom ma tifhmux kollox mal-ewwel. Bħal dawn il-ħbieb ta’ Ġesù, aħna nibqgħu nitgħallmu u b’hekk nifhmu aktar. 

Fiż-żmien tal-Għid, fil-ħwienet u fuq il-kartolini naraw ħafna fniek, flieles u fjuri. Dawn għalkemm mhumiex juru lil Ġesù li qam mill-mewt, qegħdin jirrappreżentaw il-ħajja u l-ħajja sabiħa. Għalkemm tajjeb li nieklu l-figolli u l-bajd tal-Għid, bil-qies, ma rridux ninsew li din mhux il-festa tal-ħelu u taċ-ċikkulata, imma hija l-festa ta’ meta Ġesù qam mill-mewt. 

Fl-attività tal-lum ser ikollkom tfittxija. Il-mama u l-papa ħbew 12-il bajda tal-Għid. Intom tfal, ser tmorru tfittxuhom. Dawn il-bajd tal-Għid nnumerati, minn 1 sa 12; tridu ssibuhom wara xulxin. Mela ser tagħmlu hekk: ser tibdew taraw il-video clip, He is risen. F’ċertu ħin il-video ser jitwaqqaf u tmorru tfittxu l-bajda b’numru wieħed. Tiġu lura biha u tkomplu taraw il-video, sakemm dan jerġa jitwaqqaf u tmorru tfittxu t-tieni waħda. Tibqgħu sejrin hekk sakemm issibu t-12-il waħda u taraw il-video clip kollu.

Nota lill-ġenituri: qabel ma tibdew, lestu l-bajd tal-Għid. Lestu wkoll 12-il strixxa tal-karti u iktbu hekk, (fil-parentesi hemm il-ħin meta tridu twaqqfu l-video, ma hemmx għalfejn tiktbuh wkoll):

  1. It-twelid ta’ Ġesù (4min)
  2. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla permezz tal-fejqan (7.22min)
  3. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla meta jitma’ lin-nies u jagħmel affarijiet tal-għaġeb (8.05min)
  4. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla permezz tat-tagħlim (10.10min)
  5. Ġesù jmut għalina biex isalvana (10.45min)
  6. Ġesù jidħol Ġerusalemm (10.57min)
  7. Ġesù jaħsel saqajn l-appostli (12.24min)
  8. Ġesù jitlob fil-ġnien (14.13min)
  9. Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù (16.19min)
  10. Il-passjoni ta’ Ġesù (17.07)
  11. Il-Ġimgħa l-Kbira (18.27)
  12. Ġesù jqum mill-mewt (19.45)

Aħbu l-bajd tal-Għid, bl-istrxxi tal-karti mwaħħla magħhom, jew poġġu l-karti ħdejn il-bajd tal-Għid. 

Meta taslu biex tagħmlu l-attività, araw il-video sa 4 minuti u waqqfuh. It-tfal imorru jfittxu l-bajda tal-Għid numru wieħed. Jiġu lura biha u tkomplu taraw il-video. Waqqfuh kif taslu 7.22-il minuta u jmorru jfittxu t-tieni waħda. Tibqgħu sejrin hekk, sakemm jinstabu t-12-il bajda u tispiċċaw taraw il-video kollu.

Inroddu s-salib.

Grazzi Mulej ta’ din il-ġurnata sabiħa, grazzi ta’ din il-festa kbira tal-Għid u li Ġesù qam mill-mewt. Grazzi ħafna ta’ dawn il-figolli, Easter eggs u ċikkulata tajba li għandna llum, biex nifirħu li Ġesù qam mill-mewt. Grazzi tal-familja u tal-ħbieb. Grazzi li inti tħobbna ħafna. Illum nixtiequ niftakru u nitolbu għal dawk it-tfal li mhux ser ikollhom figolli u Easter eggs. Ġesù, ibagħtilhom nies biex iħobbuhom u jgħidilhom li inti tħobbhom ukoll. Ġesù qam mill-mewt! Kemm aħna ferħanin!

Ejjew inkantaw u niżfnu flimkien, Jesus is alive.

Meta Alla ħalaq id-dinja, xtaq li kulħadd ikun ferħan u li kollox ikun sew. Madanakollu, n-nies bdew jagħmlu għażliet ħżiena u l-affarijiet ma baqgħux sbieħ kif xtaq Alla. Alla ddispjaċih ħafna. Alla xorta baqa’ jħobb lil kulħadd, għalhekk bagħat lil Ibnu Ġesù fid-dinja biex jgħallimna kif nistgħu nagħmlu għażliet tajba u kif nobdu lil Alla. Madanakollu xorta kien hemm nies li ma emmnux lil Ġesù u ma kienux iħobbuh u waslu biex qatluh fuq is-salib.

Minkejja dan, il-ġrajja ma tieqafx hemm! Wara tlett ijiem Ġesù qam mill-mewt! Ġesù jurina li hu ħafna aktar akbar mill-mewt u aktar b’saħħtu minn kull ħaġa ħażina li qatt tista’ tiġri.

  • Ġesù qam mill-mewt
  • Għalkemm meta qatlu lil Ġesù, din kienet xi ħaġa ħażina u kerha, Alla bidilha b’xi ħaġa tajba u sabiħa, permezz tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. 
  • 12-il bajda tal-Għid
  • Bibbja tat-tfal
  • Karti
  • Lapes

Għalkemm Ġesù kien tkellem mal-appostli u qalilhom li hu kien ser imut u jerġa jqum mill-mewt, huma ma fehmuhx. Meta rawh mejjet fuq is-salib, l-appostli tħawdu u tfixklu u anke beżgħu li s-suldati ser jaqbduhom u joqtluhom ukoll. 

Wara li Ġesù miet, tnejn mill-ħbieb tiegħu poġġew il-ġisem tiegħu ġo qabar. Dak iż-żmien kien ikun hemm ħofra fil-blat u kienu jpoġġu lill-mejjet ġo din il-ħofra u jgħattu din il-ħofra bi blata kbira. Marija ta’ Magdala, li kienet ħabiba ta’ Ġesù, marret ħdejn il-qabar. Hi stenniet li kulma ser tara kienet l-blata quddiem il-ħofra, imma minflok, issib li l-qabar kien miftuħ! Marret tiġri tgħid lill-ħbieb l-oħra ta’ Ġesù u huma marru jiġru lura magħha.

Meta raw il-qabar miftuħ u lil Ġesù ma rawhx, ma fehmux eżatt x’kien ġara. Intom ġieli ġralkom hekk? Ġieli kontu waqt il-laqgħa tad-duttrina, jew waqt il-lezzjoni tar-reliġjon u ma fhimtux eżatt dak li Ġesù kien qiegħed jgħidilkom permezz tal-katekisti u għalliema?

Jekk iva, tiddejqu xejn, għax l-appostli ġralhom l-istess bħalkom! Fil-ġimgħat li ġejjin, ser nisimgħu kif Ġesù ltaqa’ ma’ dawn il-ħbieb tiegħu biex jurihom li hu verament qam mill-mewt u biex ikompli jgħallimhom. Hekk jagħmel magħna. Ġesù jixtieq li aħna nibqgħu nitgħallmu dwaru u nifhmu dak li jixtieq jgħidilna u mbagħad ngħixu kif jixtieq hu, u nemmnu, li bħalu, aħna għad inqumu mill-mewt u mmorru miegħu fil-ġenna. Xejn ma hu impossibbli għal Alla! Hekk għamlu l-appostli wkoll, komplew jitgħallmu u jifhmu lil Ġesù u mbagħad marru jgħallmu lill-oħrajn.

Fl-attività tal-lum ser ikollkom tfittxija. Il-mama u l-papa ħbew 12-il bajda tal-Għid. Intom tfal, ser tmorru tfittxuhom. Dawn il-bajd tal-Għid nnumerati, minn 1 sa 12; tridu ssibuhom wara xulxin. Ma’ kull bajda ser ikun hemm abbinata ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù. Kif issibu l-ewwel bajda, morru lura ħdejn il-mama u l-papa u aqraw dik il-ġrajja mill-Bibbja. Tibqgħu sejrin hekk sakemm issibu t-12-il-bajda.

Nota lill-ġenituri: qabel ma tibdew, lestu l-bajd tal-Għid. Lestu wkoll 12-il strixxa tal-karti u iktbu hekk:

  1. It-twelid ta’ Ġesù 
  2. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla permezz tal-fejqan – il-fejqan tal-għaxar lebbrużi
  3. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla meta jitma’ lin-nies  – Ġesù jitma’ eluf ta’ nies
  4. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla meta jagħmel affarijiet tal-għaġeb – l-ewwel miraklu, fit-tieġ ta’ Kana
  5. Ġesù juri l-imħabba ta’ Alla permezz tat-tagħlim – Ġesù jgħallem fuq muntanja
  6. Ġesù jidħol Ġerusalemm
  7. Ġesù jaħsel saqajn l-appostli 
  8. L-Aħħar Ikla
  9. Ġesù jitlob fil-ġnien 
  10. Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù 
  11. Il-passjoni ta’ Ġesù 
  12. Ġesù jqum mill-mewt 

Aħbu l-bajd tal-Għid, bl-istrxxi tal-karti mwaħħla magħhom, jew poġġu l-karti ħdejn il-bajd tal-Għid. 

Minflok mat-tfal jaqraw il-ġrajjiet mill-Bibbja, tistgħu taraw video clip. Jekk tagħżlu li taraw il-video clip, morru fl-attività li hemm fis-sessjoni tat-tfal minn 4 sa 7 snin u għamlu lilha.

Irroddu s-salib.

Kemm aħna ferħanin li Ġesù qam mill-mewt! Grazzi Mulej ta’ dan ir-rigal hekk kbir. Nirringrazzjawk tal-ħajja li tajtna u tal-wegħda li aħna wkoll għad inqumu mill-mewt. Għinna biex ngħixu kif tixtieq inti, li nħobbu u ngħinu lill-oħrajn, li nirrispettaw lil kulħadd u naħfru lil min jimxi ħażin magħna. Dan nitolbuh permezz ta’ Ġesù ibnek. Ammen. Ġesù  qam mill-mewt! Hallelujah! Kemm aħna ferħanin!

Ejjew inkantaw u niżfnu flimkien, Everybody, Everywhere.

Coming soon.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.