Fl-Evanġelju tal-lum niltaqgħu ma’ Ġesù li hu ddeterminat li jagħmel dak li ġie mibgħut għalih. Għalhekk narawh sejjer lejn Ġerusalemm, “b’rieda sħiħa.” Il-ġranet tagħna mimlija daqs bajda. Iżda dan ma jfissirx li dak kollu li qed nagħmlu huwa ta’ ġid għalina. Bħala ġenituri, intom tinfluwenzaw ħafna kif it-tfal iqassmu l-ħin tagħhom u x’jagħmlu wara l-iskola. Dak kollu li qegħdin jidħlu għalih it-tfal, qiegħed jiswa ta’ ġid?
Bħala ġenituri, tgħinu lit-tfal jagħmlu deċiżjonijiet u jiffaċċjaw konsegwenzi meta ma jagħmlux dak li għandhom jagħmlu. Kemm il-darba, per eżempju ssostnu li qabel ma jilgħabu jew jaraw xi programm favorit, iridu jlestu l-homework jew iridu jlestu xi xogħol tad-dar li huma kellhom jagħmlu? Dan huwa trawwim tajjeb għax it-tfal minn ċkunithom jitgħallmu jrażżnu lilhom infushom u jitgħallmu wkoll, li hemm konsegwenzi għad-deċiżjonijiet li jieħdu. Dan ukoll ser jeffettwa l-ħajja nisranija tagħhom. Ġesù huwa ċar ħafna. Ma nistgħux nimxu warajh u nkunu sieq ’l hawn u oħra ’l hemm. Jekk irridu nimxu wara Ġesù verament, irridu, kemm żgħar u kemm kbar, inpoġġuh bħala priorità fil-ħajja tagħna.
Il-prijoritajiet fil-ħajja tal-ġenituri huma reali u konkreti. Ġenituri ma jistgħux jibqgħu bl-istess stil ta’ ħajja, bħalma kellhom qabel ma kellhom it-tfal. Minħabba t-trobbija tat-tfal u l-impenji tat-tfal stress, mhux l-ewwel darba li ġenituri jieqfu minn xi delizzju li jkollhom, pereżempju. U dan jagħmluh bil-qalb, għax lit-tfal iħobbuhom. Dan ma jagħmluhx għax ma għandhomx għażla oħra, iżda jagħmluh għax iridu, hija għażla libera. Ġesù, dan hu li qiegħed jitlob mingħandna. Kieku lit-tfal ma jħobbuhomx, kieku t-tfal mhumiex prijorità fil-ħajja tagħhom, il-ġenituri, mhumiex ser jagħmlu sagrifiċċji għalihom, ma humiex ser jiċċaħdu minn xi ħaġa, biex minflok jagħtu l-attenzjoni u l-ħin lit-tfal. Għalhekk jekk lil Ġesù, ma nafuhx, jekk lil Ġesù ma nħobbuhx, ma nistgħux inżommuh bħala l-ewwel priorità fil-ħajja tagħna. M’għandniex nagħmlu dak li jixtieq Ġesù ta’ bilfors jew għax m’għandniex triq oħra x’nagħżlu; nimxu wara Ġesù għax għalina dik hija l-unika għażla li nixtiequ nagħmlu. Ġesù qiegħed jitlobna nagħmlu għażliet li qabilna għamel hu. Ġesù kellu determinazzjoni kbira biex jagħmel dak li xtaq minnu l-Missier. Fit-tweġibiet li Ġesù jagħti lil dawk it-tliet min-nies li qabel ma jimxu wara Ġesù riedu jagħmlu xi ħaġa oħra, jurina li l-għażla tad-dixxiplu mhijiex faċli u lanqas ma hija komda. Trid rieda sħiħa. Bl-ebda mod, Ġesù ma qiegħed jgħidilna li biex nimxu warajh irridu ninjoraw ir-responsabbiltajiet tagħna. Li rridu nagħmlu hu, li anke f’dawn ir-responsabbilitajiet, Ġesù jkollu prijorità.