Nimxu wara Ġesù

It-Tlettax-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Fl-Evanġelju tal-lum niltaqgħu ma’ Ġesù li hu ddeterminat li jagħmel dak li ġie mibgħut għalih. Għalhekk narawh sejjer lejn Ġerusalemm, “b’rieda sħiħa.” Il-ġranet tagħna mimlija daqs bajda. Iżda dan ma jfissirx li dak kollu li qed nagħmlu huwa ta’ ġid għalina. Bħala ġenituri, intom tinfluwenzaw ħafna kif it-tfal iqassmu l-ħin tagħhom u x’jagħmlu wara l-iskola. Dak kollu li qegħdin jidħlu għalih it-tfal, qiegħed jiswa ta’ ġid? 

Bħala ġenituri, tgħinu lit-tfal jagħmlu deċiżjonijiet u jiffaċċjaw konsegwenzi meta ma jagħmlux dak li għandhom jagħmlu. Kemm il-darba, per eżempju ssostnu li qabel ma jilgħabu jew jaraw xi programm favorit, iridu jlestu l-homework jew iridu jlestu xi xogħol tad-dar li huma kellhom jagħmlu? Dan huwa trawwim tajjeb għax it-tfal minn ċkunithom jitgħallmu jrażżnu lilhom infushom u jitgħallmu wkoll, li hemm konsegwenzi għad-deċiżjonijiet li jieħdu. Dan ukoll ser jeffettwa l-ħajja nisranija tagħhom. Ġesù huwa ċar ħafna. Ma nistgħux nimxu warajh u nkunu sieq ’l hawn u oħra ’l hemm. Jekk irridu nimxu wara Ġesù verament, irridu, kemm żgħar u kemm kbar, inpoġġuh bħala priorità fil-ħajja tagħna. 

Il-prijoritajiet fil-ħajja tal-ġenituri huma reali u konkreti. Ġenituri ma jistgħux jibqgħu bl-istess stil ta’ ħajja, bħalma kellhom qabel ma kellhom it-tfal. Minħabba t-trobbija tat-tfal u l-impenji tat-tfal stress, mhux l-ewwel darba li ġenituri jieqfu minn xi delizzju li jkollhom, pereżempju. U dan jagħmluh bil-qalb, għax lit-tfal iħobbuhom. Dan ma jagħmluhx għax ma għandhomx għażla oħra, iżda jagħmluh għax iridu, hija għażla libera. Ġesù, dan hu li qiegħed jitlob mingħandna. Kieku lit-tfal ma jħobbuhomx, kieku t-tfal mhumiex prijorità fil-ħajja tagħhom, il-ġenituri, mhumiex ser jagħmlu sagrifiċċji għalihom, ma humiex ser jiċċaħdu minn xi ħaġa, biex minflok jagħtu l-attenzjoni u l-ħin lit-tfal. Għalhekk jekk lil Ġesù, ma nafuhx, jekk lil Ġesù ma nħobbuhx, ma nistgħux inżommuh bħala l-ewwel priorità fil-ħajja tagħna. M’għandniex nagħmlu dak li jixtieq Ġesù ta’ bilfors jew għax m’għandniex triq oħra x’nagħżlu; nimxu wara Ġesù għax għalina dik hija l-unika għażla li nixtiequ nagħmlu. Ġesù qiegħed jitlobna nagħmlu għażliet li qabilna għamel hu. Ġesù kellu determinazzjoni kbira biex jagħmel dak li xtaq minnu l-Missier.  Fit-tweġibiet li Ġesù jagħti lil dawk it-tliet min-nies li qabel ma jimxu wara Ġesù riedu jagħmlu xi ħaġa oħra, jurina li l-għażla tad-dixxiplu mhijiex faċli u lanqas ma hija komda. Trid rieda sħiħa. Bl-ebda mod, Ġesù ma qiegħed jgħidilna li biex nimxu warajh irridu ninjoraw ir-responsabbiltajiet tagħna. Li rridu nagħmlu hu, li anke f’dawn ir-responsabbilitajiet, Ġesù jkollu prijorità.             

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 9, 51-62) 

Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.

Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Bħala ġenitur kif qed tgħin lit-tfal biex jimxu wara Ġesù? Kemm hi importanti l-quddiesa tal-Ħadd? X’importanza u x’attitudni għandek għat-tagħlim nisrani, kemm tat-tfal, kif ukoll laqgħat ta’ formazzjoni għalik? Titlob waħdek, u mal-familja?
  4. X’inhu l-akbar ostaklu bħalissa, li qiegħed jagħmililek diffiċli biex timxi wara Ġesù?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (9, 51-62)
    ii. Xemgħa kbira bajda
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
    v. Ikona jew stampa tat-Trinità
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt lagħbtu logħba jisimha ‘Follow the leader’? F’din il-logħba, ikun hemm xi ħadd fuq quddiem u dan ikun il-leader u l-oħrajn jimxu warajh u jagħmlu dak kollu li qiegħed jagħmel hu. Għalhekk jekk jaqbeż, jaqbżu huma, jekk jinżel kokka, jinżlu kokka huma wkoll, jekk iħokk rasu, iħokku rashom huma wkoll. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna biex nimxu warajh. Irid li hu jkun il-leader tagħna. Ejjew nisimgħu x’ser jgħidilna l-leader tagħna, Ġesù, illum.

Dalwaqt.

  • aħna nimxu wara Ġesù, meta nagħmlu dak li jixtieq hu
  • Printout tal-attività
  • Imqass
  • Kuluri
  • Tape

Il-mama jew il-papa qatt staqsewkom tagħmlu xi ħaġa, bdejtu tagħmluha u waqaftu għax bdejtu xi ħaġa oħra? Per eżempju tibdew tpoġġu t-toys f’posthom u f’ħin minnhom taqbdu tilgħabu xi logħba fuq it-tablet u t-toys jibqgħu fejn kienu! Għalfejn waqaftu tiġbru t-toys?

X’aktarx waqaftu tiġbru t-toys, għax kienet aktar interessanti għalikom li tilgħabu l-logħba! Dak il-ħin il-logħba kienet aktar importanti għalikom, milli tobdu lill-mama u lill-papa u tiġbru t-toys. Il-logħba aljenatkom minn dak li kontu qegħdin tagħmlu.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna li jekk aħna rridu nimxu warajh ma nistgħux inħallu affarijiet oħra jaljenawna. Ġesù jrid li aħna nimxu warajh u li din il-ħaġa tkun importanti ħafna għalina. 

Kif ser nimxu wara Ġesù?

Aħna nimxu wara Ġesù meta nagħmlu dak li jixtieq hu. Nimxu wara Ġesù meta nagħmlu dak li hu l-aktar importanti u mhux bilfors dak li jkollna aptit. Per eżempju li nobdu huwa importanti u Ġesù jrid li aħna nobdu. Għalhekk, meta waqafna milli niġbru t-toys u bdejna nilgħabu, din lil Ġesù ma għoġbitux. 

Kif ser inkunu nafu x’jixtieq Ġesù? Kif ser inkunu nafu x’inhi l-aktar ħaġa importanti li għandna nagħmlu?

L-aktar ħaġa importanti hi li nħobbu lil Ġesù u lill-oħrajn. Għalhekk qabel ma nagħmlu xi ħaġa, nistaqsu lilna nfusna jekk b’dak li ser nagħmlu, aħniex ser nuru mħabba. Meta nobdu lill-ġenituri tagħna, inkunu qed inħobbuhom. Xi drabi diffiċli li nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, għax inkunu qegħdin nieħdu gost nagħmlu xi ħaġa oħra. Per eżempju l-Ħadd qegħdin naraw programm favorit, u sar il-ħin biex immorru mal-mama u mal-papa għall-quddiesa. X’ser nagħmlu? 

Jekk jiena nieqaf mill-programm u mmur bil-kwiet mal-ġenituri tiegħi il-knisja, inkun qed nimxi wara Ġesù! 

X’nistgħu nagħmlu aktar biex nimxu wara Ġesù? 

Aħna nimxu wara Ġesù meta ngħinu u nħobbu lill-oħrajn, meta nitolbu, meta nitgħallmu dwaru, meta nagħmlu dak li jixtieq hu. Malajr nistgħu ninsew x’għandna nagħmlu, għax inħallu affarijiet oħra jaljenawna! Għalhekk ejjew nagħmlu l-attività ta’ din il-ġimgħa biex tfakkarna x’għandna nagħmlu biex nimxu wara Ġesù.

Agħtu l-kulur lill-istampa ta’ Ġesù. Wara, bl-għajnuna ta’ xi ħadd akbar minnkom, aqtgħu madwar il-forma tas-saqajn. F’dawn il-forom għandkom stampi differenti. Liema taħsbu li huma dawk l-azzjonijiet li għandna nagħmlu biex nimxu wara Ġesù? 

Bravi. Issa li sibtu l-istampi ta’ azzjonijiet importanti li għandna nagħmlu, flimkien mal-ġenituri tagħkom ser twaħħluhom f’post fejn jidher, per eżempju mal-fridge jew mal-bieb tal-kamra tas-sodda tagħkom jew mal-bieb tal-gwardarobba. L-ewwel waħħlu l-istampa ta’ Ġesù, imbagħad waħħlu l-istampi b’dawk l-azzjonijiet li għandkom tagħmlu.

Waqt li qegħdin tagħtu l-kulur l-istampa ta’ Ġesu, isimgħu, I have decided.

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù, għinna biex nagħmlu għażliet tajba. Inti taf li faċli nħallu affarijiet li nieħdu gost nagħmlu jaljenawna minn dawk l-affarijiet li għandna nagħmlu. Grazzi Ġesù, li inti dejjem tibqa’ magħna u tmexxina fit-triq it-tajba. Ammen.

Min huma dawk li jimxu wara Ġesù? Aħna qegħdin magħhom? Ejjew nisimgħu l-Evanġelju tal-lum, u naraw xi kwalitajiet għandhom ikollhom dawn in-nies.

Dalwaqt.

  • Biex nimxu wara Ġesù, ma nistgħux nagħmlu dak li jfettlilna u dak li jkollna aptit biss
  • Printout tal-attività, fuq kartonċina
  • Imqass
  • Tape 
  • Lapsijiet 

Xi jrid ikollok biex tkun ferħan? (it-tfal jingħataw iċ-ċans isemmu dawk l-affarijiet/attivitajiet li jagħmluhom ferħana)

Semmejtu ħafna affarijiet, imma tindunaw li biex nagħmel ċerta attivitajiet jew biex ikolli xi ħaġa jien irrid nagħmel għażla? Per eżempju jekk jien inħobb nilgħab il-football u qiegħed ma’ xi nursery, meta jkolli l-ħin tal-logħob, irrid nieqaf minn dak li qiegħed nagħmel u mmur għall-football. Fix-xitwa, fil-bard u l-kesħa, forsi ma tantx ikolli aptit noħroġ mid-dar u mmur! Iżda jekk jien ikkommettejt ruħi mat-team tiegħi, ma nagħmilx sew jew niddeċiedi li nibqa’ d-dar għas-sħana!

Dan huwa dak li qal Ġesù lil dawk it-tliet irġiel li qalulu li riedu jimxu warajh. Għalkemm huma riedu jkunu miegħu, riedu wkoll jagħmlu xi ħaġa oħra. Dak li riedu jagħmlu ma kienx xi ħaġa ħażina, iżda kellhom jagħmlu għażla. Ma setgħux jagħmlu ż-żewġ affarijiet f’salt. Biex nimxu wara Ġesù, aħna rridu nagħmlu ċerta għażliet u dan jista’ jfisser li jkollna ngħidu le għal xi ħaġa li jkollna aptit nagħmlu. 

Fix-xhur jew fis-snin li ġejjin, intom ser tiċċelebraw is-sagrament tal-Ġriżma tal-Isqof. Dan huwa s-sagrament meta ngħidu ‘iva’ lil Ġesù, u ngħidulu li aħna rridu nkunu dixxipli tiegħu, li aħna rridu nimxu warajh u nħajru oħrajn jimxu warajh ukoll. 

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jurina li ma nistgħux inkunu dixxipli ‘part-time’. Din hija deċiżjoni serja, għalhekk, dan is-sagrament tal-Konfermazzjoni, intom tippreparaw għalih, għaliex ser tieħdu deċiżjoni għall-bqija ta’ ħajjitkom. Din hija deċiżjoni fejn ser inwiegħdu li lil Ġesù ser inpoġġuh l-ewwel u li nimxu warajh. 

Xi tfisser li timxi wara Ġesù? L-attività tal-lum tgħinkom ikollkom idea aktar ċara ta’ xi tfisser li tkun dixxiplu. Aqtgħu l-forom tas-saqajn li għandkom fl-attività. F’kull waħda għandhom xi ħaġa li tistgħu tagħmlu, per eżempju li tħobbu. Fil-vojt, iktbu eżempji ta’ azzjonijiet li tistgħu tagħmlu biex turu l-imħabba tagħkom lejn l-oħrajn. Imlew il-forom kollha.

Nota lill-ġenituri. Agħmlu aktar minn kopja waħda u għamlu l-istess eżerċizzju mat-tfal.

Meta tkunu lesti, waħħluhom x’imkien fejn tistgħu tarawhom ta’ spiss – mal-bieb tal-kamra tagħkom, huwa post tajjeb. Hekk meta tarawhom, tiftakru f’dak li għandkom tagħmlu biex tkunu dixxipli ta’ Ġesù.

Waqt li qegħdin taqtgħu l-forom, isimgħu, Fixin’ my eyes on you.

Inroddu s-salib.

Għidu t-talba ta’ San Franġisk, li tesprimi l-mod li għandna ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek:
Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.

Mgħallem divin, la tħallix:
Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien,
Li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien,
Li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.

Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu,
Meta naħfru, aħna niġu maħfura;
Meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.