Fl-Evanġelju tal-lum għandna parabbola li min jaf kemm il-darba smajniha u għalhekk mhux ħaġa kbira, kif nindunaw li din smajnieha kemm il-darba, moħħna malajr itir fuq ħwejjeġ oħra u nitilfu liċ-ċans li nħallu lill-Mulej ikellimna. Il-parabbola tal-lum hija tas-Samaritan it-Tajjeb. Hija parabbola relevanti llum daqs kemm kienet fi żmien Ġesù, aktar minn elfejn sena ilu!
Meta Papa Franġisku kiteb l-Enċiklika, Fratelli Tutti uża propju din il-parabbola biex ifiehem il-messaġġ tiegħu. Papa Franġisku jgħid, “Ġesù ppropona din il-parabbola biex iwieġeb għal mistoqsija: min hu l-proxxmu tiegħi? Il-kelma “proxxmu” fis-soċjetà ta’ żmien Ġesù kienet soltu tfisser min hu l-iżjed qrib. Kienu jifhmu li l-għajnuna kellek tagħtiha qabelxejn lil min hu mill-istess grupp tiegħek, mir-razza tiegħek. Samaritan għal xi Lhud ta’ dak iż-żmien, kien meqjus persuna li tistmerrha, imniġġsa, u għalhekk ma kienx meqjus fost il-qraba li lilhom kien imissek tgħin…
Il-proposta hi dik li nkunu hemm għall-persuna fil-ħtieġa tal-għajnuna, mingħajr ma noqogħdu naraw jekk din tagħmilx parti miċ-ċirku ta’ appartenenza tagħna. F’dan il-każ, is-Samaritan kien dak li sar proxxmu għal-Lhudi midrub. Biex ikun qrib tiegħu u preżenti għalih, qasam il-fruntieri kulturali u storiċi kollha. Il-konklużjoni ta’ Ġesù hija talba: “Mur u agħmel hekk int ukoll”. Jiġifieri, qed jisfidana biex inwarrbu għall-ġenb kull differenza u, quddiem it-tbatija, nersqu qrib ta’ kulħadd, ikun min ikun.” (FT 80-81)
Il-proxxmu tagħna, għalhekk, mhuwiex dak li naqbel miegħu, jew dak li jista’ jpatti lura dak li nagħmel miegħu. Il-proxxmu tiegħi huwa dak li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi. Fil-parabbola, Ġesù jurina b’mod ċar, kif għandha tkun din l-għajnuna li nagħtu. Is-samaritan kien ġeneruż b’mod assolut! Hu ma tax każ li hu kien Samaritan u l-ieħor Lhudi. Hu ta minn dak li kellu, uża ż-żejt u l-inbid. Dawn kienu għandu, għaliex ħass il-bżonn li kien ser ikollu bżonnhom matul il-vjaġġ. B’dan il-ġest, hu ma ħasibx fil-bżonnijiet tiegħu, minflok użhom għall-bżonnijiet aktar immedjati u urġenti tal-Lhudi. Dan ma kienx biżżejjed. Anke l-pjani tiegħu sfrattahom. Minflok baqa’ sejjer fi triqtu, għabba lir-raġel fuq il-bhima tiegħu u hu mexa t-triq kollha sakemm waslu f’lukanda fejn setgħu jibqgħu jieħdu ħsiebu. Il-ġenerożità tiegħu wasslitu wkoll biex jagħti l-flus lil tal-lukanda biex ikopri l-ispejjeż tal-Lhudi.
Dak li qiegħed jitlob minna Ġesù mhuwiex faċli. L-ewwel reazzjoni tagħna għal xi ħadd li s-soltu jwarrabna hi li nwarrbuh aħna wkoll u miegħu ipattuha wkoll dawk li huma bħalu u jaħsbu bħalu! Is-Samaritan jagħmel l-oppost. Bħala ġenituri aħna ninfluwenzaw lit-tfal f’dan ir-rigward ukoll. Meta jiġu mill-iskola u jgħidulna li xi ħadd għamlilhom xi ħaġa, xi tkun it-tweġiba tagħna? X’nagħmlu? Nikkonfoffaw magħhom u noħolqu xi tip ta’ tpattija? Aħna ngħallmuhom mhux bil-kliem biss, imma wkoll bl-azzjonijiet tagħna. Aħna nagħtu karità? U jekk iva, x’tip ta’ karità hi? Imqanżha biex inserrħu l-kuxjenza? Kif inhi r-reazzjoni tagħna ma’ dawk li joffenduna? X’qegħdin ngħallmu lit-tfal f’dawn is-sitwazzjonijiet?