Ħobb lill-proxxmu

Il-15-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Fl-Evanġelju tal-lum għandna parabbola li min jaf kemm il-darba smajniha u għalhekk mhux ħaġa kbira, kif nindunaw li din smajnieha kemm il-darba, moħħna malajr itir fuq ħwejjeġ oħra u nitilfu liċ-ċans li nħallu lill-Mulej ikellimna. Il-parabbola tal-lum hija tas-Samaritan it-Tajjeb. Hija parabbola relevanti llum daqs kemm kienet fi żmien Ġesù, aktar minn elfejn sena ilu! 

Meta Papa Franġisku kiteb l-Enċiklika, Fratelli Tutti uża propju din il-parabbola biex ifiehem il-messaġġ tiegħu. Papa Franġisku jgħid, “Ġesù ppropona din il-parabbola biex iwieġeb għal mistoqsija: min hu l-proxxmu tiegħi? Il-kelma “proxxmu” fis-soċjetà ta’ żmien Ġesù kienet soltu tfisser min hu l-iżjed qrib. Kienu jifhmu li l-għajnuna kellek tagħtiha qabelxejn lil min hu mill-istess grupp tiegħek, mir-razza tiegħek. Samaritan għal xi Lhud ta’ dak iż-żmien, kien meqjus persuna li tistmerrha, imniġġsa, u għalhekk ma kienx meqjus fost il-qraba li lilhom kien imissek tgħin…

Il-proposta hi dik li nkunu hemm għall-persuna fil-ħtieġa tal-għajnuna, mingħajr ma noqogħdu naraw jekk din tagħmilx parti miċ-ċirku ta’ appartenenza tagħna. F’dan il-każ, is-Samaritan kien dak li sar proxxmu għal-Lhudi midrub. Biex ikun qrib tiegħu u preżenti għalih, qasam il-fruntieri kulturali u storiċi kollha. Il-konklużjoni ta’ Ġesù hija talba: “Mur u agħmel hekk int ukoll”. Jiġifieri, qed jisfidana biex inwarrbu għall-ġenb kull differenza u, quddiem it-tbatija, nersqu qrib ta’ kulħadd, ikun min ikun.” (FT 80-81)

Il-proxxmu tagħna, għalhekk, mhuwiex dak li naqbel miegħu, jew dak li jista’ jpatti lura dak li nagħmel miegħu. Il-proxxmu tiegħi huwa dak li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi. Fil-parabbola, Ġesù jurina b’mod ċar, kif għandha tkun din l-għajnuna li nagħtu. Is-samaritan kien ġeneruż b’mod assolut! Hu ma tax każ li hu kien Samaritan u l-ieħor Lhudi. Hu ta minn dak li kellu, uża ż-żejt u l-inbid. Dawn kienu għandu, għaliex ħass il-bżonn li kien ser ikollu bżonnhom matul il-vjaġġ. B’dan il-ġest, hu ma ħasibx fil-bżonnijiet tiegħu, minflok użhom għall-bżonnijiet aktar immedjati u urġenti tal-Lhudi. Dan ma kienx biżżejjed. Anke l-pjani tiegħu sfrattahom. Minflok baqa’ sejjer fi triqtu, għabba lir-raġel fuq il-bhima tiegħu u hu mexa t-triq kollha sakemm waslu f’lukanda fejn setgħu jibqgħu jieħdu ħsiebu. Il-ġenerożità tiegħu wasslitu wkoll biex jagħti l-flus lil tal-lukanda biex ikopri l-ispejjeż tal-Lhudi. 

Dak li qiegħed jitlob minna Ġesù mhuwiex faċli. L-ewwel reazzjoni tagħna għal xi ħadd li s-soltu jwarrabna hi li nwarrbuh aħna wkoll u miegħu ipattuha wkoll dawk li huma bħalu u jaħsbu bħalu! Is-Samaritan jagħmel l-oppost. Bħala ġenituri aħna ninfluwenzaw lit-tfal f’dan ir-rigward ukoll. Meta jiġu mill-iskola u jgħidulna li xi ħadd għamlilhom xi ħaġa, xi tkun it-tweġiba tagħna? X’nagħmlu? Nikkonfoffaw magħhom u noħolqu xi tip ta’ tpattija? Aħna ngħallmuhom mhux bil-kliem biss, imma wkoll bl-azzjonijiet tagħna. Aħna nagħtu karità? U jekk iva, x’tip ta’ karità hi? Imqanżha biex inserrħu l-kuxjenza? Kif inhi r-reazzjoni tagħna ma’ dawk li joffenduna? X’qegħdin ngħallmu lit-tfal f’dawn is-sitwazzjonijiet?

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 10, 25-37) 

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” 

U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum Ġesù jgħidilna, “Mur, u agħmel hekk int ukoll.” Irrifletti u aħseb, kienx hemm drabi meta inti għaddejt mal-ġenb u bqajt sejjer/sejra? Għalfejn għamilt hekk? Meta tgħin, tevita li tgħin ċerta nies? Għalfejn?
  4. Bħala eżami tal-kuxjenza wara li qrajna u smajna l-Evanġelju tal-lum, tajjeb li nirriflettu fuq l-Opri tal-Ħniena u naraw fejn qegħdin nonqsu. L-Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem huma: itma’ lil min hu bil-ġuħ; isqi lil min hu bil-għatx; libes lil min hu għeri; ilqa’ lil min hu bla dar; żur lill-morda’ żur lill-ħabsin; idefen lill-mejtin. L-Opri tal-Ħniena li jmissu r-ruħ huma: agħti parir tajjeb lill-ħosbenin; għallem lil min ma jafx; widdeb lill-midinbin; faraġ lill-imnikktin; aħfer il-ħtijiet; ħu sabar b’min idejjaqlek qalbek; itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Papa Franġisku jitlobna wkoll inżidu l-ħarsien tal-ambjent ma’ dawn l-Opri tal-Ħniena.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (10, 25-37)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum Ġesù ser jgħidilna parabbola oħra. Tiftakru x’inhi parabbola? Hija storja b’tagħlima. Ejjew nisimgħuha.

  • Ġesù jrid, li aħna ngħinu u nħobbu lil kulħadd
  • Printout tal-attività
  • Żebgħa li tista’ tintuża fuq l-idejn (ara l-attività aktar l-isfel)
  • Kuluri

Tiftakru xi staqsa dak l-għaref tal-Liġi lil Ġesù? 

L-ewwel staqsieh x’kellu jagħmel biex imur il-ġenna. U Ġesù qallu li kellu jħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħu. Imbagħad reġa’ staqsieh mistoqsija oħra. Qallu, “l-proxxmu tiegħi min hu?” Din id-darba minflok wieġbu, Ġesù qal il-parabbola ta’ dak ir-raġel li kien sejjer Ġeriko, kien hemm xi ħallelin li serquh u weġġgħuh. Għaddew tnejn, imma ma waqfux jgħinuh, imbagħad għadda xi ħadd ieħor, u mhux biss ħa ħsiebu dak il-ħin, imma wkoll ħadu f’lukanda biex jibqgħu jieħdu ħsiebu hemm. Fi żmien Ġesù, is-Samaritani u l-Lhud ma kienux ħbieb. Kien hemm ħafna mibgħeda bejniethom. Meta Ġesù fil-parabbola qal li Samaritan waqaf jgħin Lhudi, ried jagħmilha ċara ħafna, li aħna għandna ngħinu u nħobbu lil kulħadd. Ġesù ma jridx li nagħżlu lil min ngħinu. Għandna ngħinu lil kulħadd bl-aħjar mod li nistgħu. Għalhekk, l-iskola, per eżempju, il-proxxmu tagħna huma dawk it-tfal li fil-break ħadd ma jilgħab magħhom. Ġesù jrid li nistaqsuhom biex jilgħabu magħna. Nistgħu inġibu eżempju ieħor. Għadu kif kellek il-birthday u qlajt xi flus. Dawn ser iġġemmagħhom għax hemm xi ħaġa li tixtieq tixtrieha. Meta tkun il-knisja, fl-avviżi tisma’ li qed jinġabru flus għar-refuġjati li joqgħodu Malta. X’taħseb li jixtieq Ġesù? Dawn in-nies huma wkoll il-proxxmu tagħna. 

Alla tana jdejna biex nużawhom. X’nistgħu nagħmlu bihom?

B’idejna nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet, fosthom li ngħinu u nħobbu lill-oħrajn. Meta tgħannaq lill-ġenituri tiegħek, lil ħutek, lin-nanniet, tkun qed turihom li tħobbhom. Meta tpoġġi t-toys f’posthom, meta tgħin biex titlesta l-mejda għall-ikel, meta tmur tilgħab mal-ħabib tiegħek għax kiser saqajh u ma jistax joħroġ, ukoll tkun qed turi lil dawn in-nies li tħobbhom. Meta tagħti flus għall-karità, tkun qed tħobb ukoll. Bl-istess mod tista’ wkoll tagħti toys li għadhom tajbin, imma li ma għadekx tilgħab bihom, inkella wkoll, xi toy favorit tiegħek. Meta tagħmel hekk, lil Ġesù tkun qed tobdih, għax tkun qiegħed tħobb lill-proxxmu tiegħek.

L-attività tal-lum ser tfakkarna li għandna nħobbu u ngħinu lill-oħrajn. Għandkom il-printout bil-kliem, “Jien nuża jdejja biex ngħin u nħobb lill-oħrajn.” Dawn il-kliem agħtihom il-kulur. Fl-ispazju l-vojt, bl-għajnuna ta’ xi ħadd kbir, tista’ jew tagħmel il-forma ta’ jdejk biż-żebgħa, inkella tpoġġi jdejk fuq il-karta u xi ħadd idur max-xifer bil-lapes, biex tiġi l-forma ta’ jdejk. Jekk tagħmel hekk, tista’ tagħtiha l-kulur. Din il-karta poġġiha fejn taraha, biex tfakkrek fil-parabbola tal-lum, u f’dak li jixtieq Ġesù.
Waqt li qed tpinġi, isma’, Love one another.

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù agħtini l-qawwa u l-kuraġġ, biex ngħin u nħobb lill-oħrajn bħal dan is-samaritan. Ammen.

Kemm hemm kmandamenti? (10)

Illum fil-bidu tal-Evanġelju, Ġesù ser jiġbor dawn l-10 kmandamenti f’sentenza waħda! Wara jispjega min hu l-proxxmu, f’parabbola li tafuha żgur.

  • Ġesù jgħidilna li m’għandniex nagħżlu bejn persuna u oħra, għax kulħadd huwa l-proxxmu tagħna
  • Printout tal-weraq fuq kartonċina ħadra
  • Printout tal-id fuq kartonċin, kuluri differenti
  • Imqass
  • Lapsijiet 
  • Kebab sticks
  • Tape
  • Qasrija żgħira

Fil-parabbola tal-lum niltaqgħu ma’ erba’ karattri ewlenin u mal-ħallelin. Hemm ir-raġel li minn Ġerusalemm kien sejjer lejn Ġeriko. Fit-triq qabżu fuqu xi ħallelin, sawtuh u serquh. Għaddew tnejn min-nies, imma dawn ma waqfux jgħinuh. Ieħor li kien Samaritan, waqaf jgħinu. Din ma kinitx xi ħaġa li soltu ssir għax il-Lhud u s-Samaritani kienu għedewwa. Dan is-Samaritan, għen lil dan ir-raġel mill-aħjar mod li seta’. Fit-triq dewwieh u mbagħad ħadu f’lukanda u ħallas lis-sid biex jibqa’ jieħu ħsiebu. 

Aħna x’aktarx, xi darba jew oħra, konna wieħed minn dawn il-personaġġi. Qatt xi darba ġralna xi ħaġa u ħsibna li l-ħbieb tagħna ser jgħinuna u ħadd ma ta l-għajnuna tiegħu? Per eżempju kont ma tiflaħx u tlift numru tal-lezzjonijiet, u meta mort lura l-iskola ħadd mill-ħbieb ma sab ħin biex jiġi d-dar u jgħinek. Inkella bil-maqlub. Jista’ jkun li kont int, li ġibt ruħek bħall-qassis jew bħal-levita. Eżempju ieħor hu meta ġejjin in-nanniet jieklu għandkom il-Ħadd, il-mama u l-papa qamu ftit tard u mhux ser ilaħħqu jlestu l-ikel fil-ħin u inti, tibqa’ tilgħab jew tagħmel il-homework u ma tmurx tistaqsi kif tista’ tgħinhom. Min jaf kemm-il darba kien hemm xi ħadd li kellu bżonn l-għajnuna u għamilt ta’ bir-ruħek li ma ndunajtx u f’qalbek tgħid ‘u iva, issa jmur jgħinu xi ħadd ieħor!’ Min-naħa l-oħra tista’ wkoll tiltaqa’ ma’ Samaritan. Qed tilgħab il-football, xi ħadd iwaqqgħek u ħadd mit-team tiegħek ma jieqaf biex jgħinek, jiġi jgħinek xi ħadd mit-team l-ieħor. Tista’ wkoll tkun inti samaritan għal xi ħadd, per eżempju, xi ħadd fil-klassi jagħmilha ta’ bully, jiġrilu xi ħaġa u sħabek jibdew jgħajjruh u inti minflok tkompli magħhom, twaqqafhom. 

Ġesù jgħidilna li għandna nġibu ruħna mal-oħrajn kif nixtiequ li jġibu ruħhom magħna. Jekk nixtieq li ħaddieħor jgħinni, għandi nkun jien tal-ewwel li ngħin. Jekk irrid li sħabi jitkellmu b’mod tajjeb dwari, hekk għandi nagħmel jien ukoll. Meta aħna nħobbu lill-oħrajn, inkunu qegħdin inħobbu lil Alla wkoll.

Intom għandkom qsari d-dar? Kemm ikunu sbieħ, speċjalment meta jkunu bil-fjuri! Illum se nagħmlu qasrija u din ser tkun ħafna isbaħ minn dawk li għandkom, għax ser tkun mimlija bl-imħabba. Agħmlu l-printout tal-weraq u aqtgħuhom. Bit-tape waħħlu kull waħda ma’ kebab stick u poġġuhom fil-qasrija. Jekk il-kebab sticks twal, aqtgħulhom biċċa. Meta tlestu, aqtgħu il-forom tal-idejn. Agħmlu forom kemm tridu, aktar ma jkollkom, aktar ser tidher sabiħa l-qasrija u aktar ser tkunu qed tħobbu lill-oħrajn. Fuq kull forma, iktbu dawk l-azzjonijiet li tistgħu tagħmlu biex tgħinu u tħobbu lill-oħrajn, per eżempju tgħinu fit-tindif tad-dar, taqsmu l-logħob li għandkom mal-oħrajn, tmorru/iċċemplu xi ħbieb li tafu li huma waħedhom, tieħdu ħsieb il-pet, tagħtu flus /logħob/ħwejjeġ (li għadhom ġodda u tajbin) għall-karità, titolbu għall-morda, fqar, dawk li qegħdin fil-gwerra. Hemm ħafna u ħafna affarijiet li tistgħu tagħmlu. Meta tagħmlu xi ħaġa minn dak li ktibtu fuq il-forom tal-id, poġġuha fil-qasrija. Aktar ma tgħinu u tħobbu, il-qasrija aktar se timtela’ u ssir sabiħa.Meta tlestu, isimgħu s-song, Love your neighbour.

Inroddu s-salib.

Grazzi Ġesù, li inti tgħallimna b’mod li aħna nifhmuh. Għandna jdejna u inti trid li dawn nużawhom tajjeb u ma nużawhom biex inweġġgħu lil xi ħadd, iżda biex ngħinu u nħobbu lill-oħrajn. Għinna biex bħas-samaritan, aħna ma noqgħodux nagħżlu iżda ngħinu lil kulmin għandu bżonn l-għajnuna tagħna u nagħmlu dan bl-aħjar mod possibbli u bil-qalb. Ammen. 

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.