Il-Missierna

Is-17-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Kieku xi ħadd kellu jistaqsik x’inhu t-talb, xi twieġeb? Issibha diffiċli li titlob? 

Id-dixxipli li kienu jqattgħu ħafna ħin ma’ Ġesù, rawh jagħmel ħafna ħwejjeġ kbar u tal-għaġeb, rawh jagħmel il-mirakli, rawh jgħallem u jżomm lin-nies attenti jisimgħu kull kelma li jgħid u rawh ukoll jitlob. Minn dawn l-affarijiet kollha, huma staqsewh biex jgħallimhom jitolbu. Jista’ jkun li ndunaw li għal Ġesù t-talb kien importanti ħafna u li t-talb tah il-kuraġġ, ir-rieda u l-qawwa biex jagħmel dak li ntbagħat jagħmel? Jekk għal Ġesù, it-talb kien essenzjali, nistgħu aħna ngħaddu mingħajru?

It-talb huwa komunikazzjoni ma’ Alla. Jekk hu komunikazzjoni, hu azzjoni bejn tal-anqas tnejn. Għalhekk anke t-talb personali tagħna ma għandux isir monologu. Fit-talb, nitkellmu aħna u Alla jisma’, imma mbagħad irridu nisimgħu lil Alla aħna wkoll. Lil Alla rridu nagħtuh ċans ikellimna. Dan isir meta l-ħin ta’ talb tagħna jinkludi wkoll ħin ta’ skiet. Kif għandu jkun it-talb tagħna? Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħtina l-ingredjenti neċessarji. L-ewwel jagħtina t-talba li lkoll tgħallimna meta konna tfal – il-Missierna. Jgħallimna fuq kollox li Alla huwa Missier – ħafna aqwa mill-aqwa missier tad-dinja. Min hu Alla għalik? Huwa l-bogħod minnek, tarah bħala mħallef u ġudikatur tal-azzjonijiet tiegħek? Jew inkella l-Missier kif jiddeskrivih Ġesù? Alla li jista’ kollox, Alla li nistgħu mmorru lejh u nsejħulu ‘Pa’. Alla li nsibuh kull ħin u kull post, Alla li dejjem jismagħna u jweġibna. Alla li jħobb, għalhekk it-tweġibiet tiegħu mhux dejjem ser ikunu kif nixtiequhom aħna. Bħalma aħna bħala ġenituri, fl-għerf tagħna ma nagħtux lit-tfal dak kollu li jistaqsu għalih, għal raġuni varji, hekk ukoll Alla mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna, skont dak li nitolbuh, u l-unika raġuni għalfejn jagħmel dan hi, għax Alla huwa mħabba. Fit-talba tal-Missierna, Ġesù jgħallimna li t-talb tagħna għandu jibda bit-tifħir lil Alla. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni li qegħdin fiha, lil Alla għandna dejjem infaħħruh. Nitolbu biex ‘tiġi Saltnatek.’ Is-Saltna ta’ Alla hija l-post fejn hemm l-imħabba, ġustizzja, ġenerożità, ħbiberija, paċi. Vera li qegħdin nitolbu biex fostna tirrenja s-Saltna ta’ Alla, imma vera wkoll li rridu nkunu aħna li nagħmluha possibbli. Jekk inħarsu lejn l-imġieba tagħna, kemm aħna nies li nħobbu, li naħdmu għall-ġustizzja? Kemm aħna ġenerużi bil-ġid tagħna, bil-ħin u talenti tagħna? Aħna ħbieb ta’ vera? Aħna naħdmu għall-paċi fil-familja, mal-ħbieb, fuq il-post tax-xogħol? It-talba tkompli, billi npoġġu quddiemu l-bżonnijiet tagħna u tal-oħrajn. Nitolbuh wkoll għall-ħniena tiegħu u għall-maħfra tiegħu għall-għażliet ħżiena tagħna. Fit-talba tal-Missierna, Ġesù jurina wkoll l-bżonn tagħna li insiru nies aħjar – “għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina.” 

It-talb tagħna għandu jkun persistenti. Jeħtieġ li nikbru fil-virtù tal-paċenzja. Ma naqtgħux qalbna, nibqgħu nduru lejn Alla fit-talb. It-talb għandu s-setgħa li jbiddel lilna. It-talb ikabbar it-tama tagħna f’Alla, ikabbar u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. 

Meta nitolbu rrid ikollna l-fidi. Nemmnu li Alla qiegħed jismagħna u li hu jista’ kollox. Nemmnu fl-imħabba, tjieba, ħniena u providenza tiegħu. Irid ikollna wkoll sens ta’ umiltà. Huwa Alla li jista’ kollox, aħna ma aħna xejn mingħajru. Nersqu lejn it-talb b’umiltà u mhux b’arroganza.    

“Il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” Il-Missier jagħtina l-akbar rigal – l-Ispirtu s-Santu u d-doni tiegħu – jagħtina dak li għandna bżonn, f’waqtu u jkabbar fina dawk il-kwalitajiet sbieħ u essenzjali biex insiru persuni aħjar li nħobbu lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd u lill-proxxmu tagħna, bħalma nħobbu lilna nfusna.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 11, 1-13) 

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib’”.

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih’. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik’. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kif titlob? Għalxiex titlob? Inbidel xejn it-talb tiegħek mit-talb li kont titlob meta kont tfal? Jekk tħoss li t-talb tiegħek huwa fqir, dur lejn Alla u staqsih, “Mulej, għallimni nitlob.”
  4. Bħala ġenituri, qegħdin trawmu lit-tfal fit-talb? It-tfal jarawk titlob?
  5. Matul din il-ġimgħa, ieqaf minn dak li qed tagħmel u bil-mod għid it-talba tal-Missierna. Sib ħin, biex fil-kwiet, tidħol aktar fil-fond ta’ dak li qed tgħid u titlob. 
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (11, 1-13)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom tafuha t-talba tal-Missierna? Intom tafu li din it-talba għallimielna Ġesù? L-Evanġelju tal-lum, huwa dwar meta Ġesù għallem il-Missierna lid-dixxipli.

  • Alla l-Missier dejjem jismagħna meta nitkellmu miegħu
  • Laptop / computer

Intom qatt ridtu xi ħaġa u tlabtu lill-mama u lill-papa biex jixtruhielkom? Jekk ma jixtruhielkomx, x’tagħmlu? Tibqgħu tgħidulhom u tinsistu biex jixtruhielkom? 

Għalfejn il-ġenituri jagħtukom dak li tixtiequ?

Illum Ġesù jgħidilna li aħna għandna papa fis-sema u lilu wkoll nistgħu nistaqsuh għal dak li rridu u ma niddejqux nibqgħu nistaqsuh. Ġesù wkoll qalilna kif għandna nistaqsu u għallimna talba li ngħiduha kull darba li mmorru l-quddies u għandna nitolbuha kuljum, waħedna jew mal-oħrajn. Din hija t-talba tal-Missierna. Ġesù jgħidilna li Alla l-Missier huwa l-papa tagħna kollha. Hu jħobbna u jieħu ħsiebna. Hu jagħtina dak li għandna bżonn (‘Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum’), Alla jagħtina r-rigali għax iħobbna. Hu wkoll jagħtina l-kuraġġ u l-qawwa biex nagħmlu għażliet tajba (‘la ddaħħalniex fit-tiġrib’).

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar it-talb. Meta aħna nitolbu nkunu qegħdin nitkellmu ma’ Alla. Meta titkellmu mal-familja jew mal-ħbieb, dwar xiex titkellmu?

Ma’ Alla aħna wkoll nistgħu nitkellmu dwar kollox … nistgħu ngħidulu dwar dak li għamilna matul il-ġurnata, dwar dak li jagħmilna ferħanin, dwar il-biżgħat tagħna, dwar ix-xewqat tagħna. U ħaġa oħra aqwa hi, li lil Alla nistgħu nitkellmu miegħu kull ħin anke meta kulħadd rieqed u aħna qomna minħabba xi ħolma kerha. Nistgħu ukoll inkellmu lil Alla kullimkien għax Hu qatt ma jorqod u qiegħed dejjem magħna. 

Illum Ġesù jgħidilna li għandna nitolbu ta’ spiss, anke jekk ngħidu l-istess affarijiet u nitolbu għall-istess affarijiet. Meta aħna nibqgħu niffittaw lill-mama jew lill-papa bl-istess mistoqsija, x’aktarx jgħidulna, ‘tergħuġx tistaqsu’, imma Alla qatt ma jgħidilna hekk. Nistgħu nibqgħu nitolbuh għall-istess ħaġa. Aħna għandna nemmnu li Alla dejjem jismagħna u jagħtina dak li hu tajjeb għalina għax iħobbna.  Xi drabi Alla mhux dejjem jagħtina dak li nkunu tlabna,  fil-ħin li nkunu tlabna għalih. Hu jaf dejjem x’inhu l-aħjar għalina, iktar minn dak li nafu aħna.

Aħna għanda nitkellmu ma’ Alla ta’ spiss, għax hekk insiru nafuh aktar.

It-talba tal-Missierna li nitolbu aħna u t-talba li smajna fl-Evanġelju huma xi ftit differenti. Forsi lanqas għadkom tafu tgħidu t-talba tal-Missierna waħedkom. Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħhom morru hawn u hemmhekk se ssibu mhux biss għajnuna biex titgħallmu din it-talba, imma wkoll xi attivitajiet li tieħdu gost tagħmlu!

Isimgħu s-song, The Lord’s Prayer.

Radd tas-salib

Grazzi Mulej li aħna t-tfal tiegħek u nistgħu nsejħulek, Pa.

Għidu t-talba tal-Missierna bil-qalb.

Illum fl-Evanġelju ser nisimgħu dwar meta Ġesù għallem lid-dixxipli u għallem lilna wkoll kif għandna nitolbu

  • Fit-talb nitkellmu ma’ Alla, li dejjem jismagħna
  • Strixxi tal-karti, tliet kuluri differenti, wesgħin biżżejjed li tinkiteb talba fuqhom
  • Lapes
  • Reċipjent fejn jitpoġġew il-karti

X’inhu t-talb?

Inti meta titlob?

Għalfejn titlob? 

X’inhuma dak l-affarijiet li titlob għalihom?

It-talb huwa l-komunikazzjoni tagħna ma’ Alla. Permezz tat-talb aħna nitkellmu ma’ Alla. Għalkemm din hija konverżazzjoni differenti minn oħrajn li jkollna ma’ sħabna jew mal-familja tagħna, xorta waħda fiha l-istess elementi. Hija konverżazzjoni tal-anqas bejn tnejn: jien u Alla. La hija konverżazzjoni jitkellmu t-tnejn u mhux wieħed biss. Nitkellmu aħna u Alla jismagħna, jitkellem Alla u nisimgħuh aħna. Għalhekk fit-talb irid ikun hemm mumenti ta’ skiet, biex aħna nisimgħuh. 

It-talb jitlob il-fidi. Aħna nemmnu li Alla dejjem jisma’ t-talb tagħna. It-talb juri li aħna għandna fiduċja f’Alla u li qegħdin nafdaw fih u fil-providenza tiegħu. It-talb jirrikjedi umiltà min-naħa tagħna.

X’aktar jgħallimna l-Evanġelju tal-lum? Alla mhuwiex ‘l bogħod minna. Insejħulu missier, papa. Alla huwa missier li jħobbna, li jieħu ħsieba u jipproteġina, li jrid jagħtina dak kollu li hu tajjeb, u dan nitolbuh fit-talba tal-Missierna. Nibdew din it-talba, billi l-ewwel nagħrfuh bħala l-missier tagħna kollha. Mela Alla mhuwiex il-papa tiegħi, iżda huwa il-missier ta’ kulħadd. Dan ifisser li aħna lkoll familja waħda. Imbagħad infaħħruh. Nistaqsuh jagħtina dak li għandna bżonn;‘il-ħobżna ta’ kuljum’. Nitolbu għall-bżonnijiet tal-oħrajn ukoll għax ngħidu “ħobżna ta’ kuljum, agħtina”, mhux “agħtini”, għalhekk qegħdin niftakru fl-oħrajn ukoll. Nitolbu jkun ħanin magħna, jaħfrilna, u jkun magħna fil-mumenti diffiċli u ta’ tentazzjoni, u jagtħina l-kuraġġ biex aħna wkoll naħfru lill-oħrajn. 

Ġesù jgħallimna li ma għandniex naqtgħu qalbna. Intom qatt xtrajtu xi soft drink jew pakkett tal-ħelu minn xi magna? Nitfgħu l-flus u nirċievu dak li rridu mal-ewwel. It-talb mhux hekk. Għalkemm Alla dejjem jisma’ t-talb tagħna mhux bilfors naqilgħu dak li nitolbu għalih f’dak il-ħin u jista’ jkun ukoll, li Alla jagħtina xi ħaġa differenti minn dak li qegħdin nitolbu għaliha. 

Fit-talba tal-Missierna, infaħħru lil Alla, nistaqsuh għall-bżonnijiet tagħna u tal-oħrajn u wkoll nitolbu lil Alla jaħfrilna l-għażliet ħżiena li għamilna. Għandkom strixxi tal-karti, tliet kuluri differenti. Fuq kulur minnhom, iktbu talb ta’ tifħir, per eżempju ‘Infaħħrek Mulej għax inti dejjem tisma’ t-talb tagħna’. Fuq kulur ieħor, iktbu talb għall-bżonnijiet tagħkom jew tal-oħrajn. Fuq l-aħħar kulur, iktbu talb ta’ maħfra. Dawn tal-aħħar, għamluhom talb ġeneriċi, jiġifieri, agħmlu talb bħal ‘Aħfrilna Mulej għal meta gdibna’, u mhux talb bħal ‘aħfirli Mulej għax illum waħħalt f’ħija, meta kont jien li ħadt il-ġelat mill-freezer.’ Kulħadd għandu jieħu sehem u jikteb dawn it-talbiet differenti. Meta tkunu lesti, poġġuhom ġor-reċipjent u dan ħalluh fejn jidher. Kuljum, kulħadd jieħu waħda minn dawn it-talbiet u jitlobha matul il-ġurnata. B’hekk f’dawn il-ġranet li ġejjin, il-familja kollha, f’xi ħin jew ieħor, tkun qegħda tfaħħar lil Alla, titlob għall-oħrajn jew titlob skuża lil Alla għal xi dnub li sar. Jekk it-talba tkun ta’ maħfra u tkun per eżempju dwar gideb, tista’ allura meta tkun qed titlob dik it-talba, titlob maħfra għal xi gidba speċifika li tkun għamilt. Wara li tlestu, isimgħu, Ask, seek, knock, għax Ġesù għallimna li Alla dejjem qiegħed qrib tagħna u dejjem jisma’ t-talb tagħna.

Inroddu s-salib.

Kulħadd jieħu talba milli kiteb u jitlobha bil-qalb. Fl-aħħar tingħad it-talba tal-Missierna.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.