Fl-Evanġelju tal-lum nerġgħu nsibu lill-Fariżej jistaqsu mistoqsija lil Ġesù, biex bit-tweġiba tiegħu jkollhom prova biżżejjed biex jarrestawh. Din hija t-tielet mistoqsija. L-ewwel waħda qrajnieha fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda. Bejn il-qari tal-lum u tal-Ħadd li għadda hemm silta oħra, fejn xi Sadduċej jistaqsu lil Ġesù dwar il-qawmien mill-imwiet.
Il-Lhud jobdu l-Liġi ta’ Mosè, li minbarra l-Għaxar Kmandamenti kienet tinkludi lista ma tispiċċa qatt ta’ regoli u dmirijiet oħra li nsibuhom fil-kotba tal-Eżodu, tal-Levitiku, tan-Numri u tad-Dewteronomju. Il-Lhud kienu jiddiskutu ħafna liema minn dawn kollha kienu l-aktar importanti. Ġesù bl-għerf kollu tiegħu jiġbor kollox f’żewġ dikjarazzjonijiet li jorbtu ħafna flimkien: “ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu” u “ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”
Il-ġimgħa l-oħra semmejna li jista’ jkun li hemm partijiet fil-ħajja tagħna li lil Alla ma nħalluħx jidħol fihom, per eżempju f’xi deċiżjonijiet li nieħdu fuq ix-xogħol jew fil-ħin ta’ divertiment tagħna. Li nħobbu lil Alla b’dak kollu li aħna, ifisser li nħobbuh f’dak kollu li nagħmlu u ngħidu, il-ħin kollu tal-ġurnata, aħna fejn aħna. Alla ma jixtieqx li nkunu nsara ta’ nofs kedda, sieq ’hawn u sieq ’l hemm. Dan mhux faċli, li tħobb dejjem, mhux faċli. L-ewwel pass biex tħobb lil xi ħadd hija li ssir tafu. Biex inħobb irrid li jkolli relazzjoni ħajja ma’ dik il-persuna. L-imħabba ma tiddependix mill-burdata li tkun fiha. L-imħabba perfetta hija l-imħabba li għandu Alla għalina, li minkejja dak kollu li nagħmlu, l-imħabba tiegħu ma tinbidilx. Alla ma jħobbniex għax jistħoqqilna, iżda jħobbna għax aħna tiegħu u ser nibqgħu tiegħu, nagħmlu x’nagħmlu. Dan huwa dak li qiegħed jistedinna għalih Ġesù illum; Huwa jixtieq li aħna nersqu lejn din it-tip ta’ mħabba. Aktar ma nsiru nafu lil Alla, aktar ser inħobbuh.
Ġesù, jgħidilna wkoll li rridu nħobbu lill-oħrajn bħalma nħobbu lilna nfusna. Li tħobb lilek innifsek ma jfissirx li inti kuntent b’dak kollu li inti u dak kollu li tagħmel. Dejjem hemm fejn nistgħu nsiru aħjar. Ġesù miet għalina għax iħobbna, iħobbna bid-diffetti u nuqqasijiet tagħna, imma jagħtina l-għajnuna biex insiru aħjar. Ġesù jrid li nħobbu lill-oħrajn bl-istess mod, minkejja d-dgħufijiet tagħhom. Jaf li mhux se tkun faċli u li mhux se tiġi b’mod naturali għalina, kieku kienet daqstant ovvja, ma kienx joqgħod isemmiha u jgħid li hija kmandament, jiġifieri dmir tagħna. Kif se nkun naf inhix inħobb lill-oħrajn kif jixtieq Ġesù? San Pawl, fl-ittra tiegħu lill-Korintin jagħtina l-aqwa riga biex inkejjlu biha. Naqraw 1 Korintin 13, 4-8 u naraw kif nistgħu nsiru persuni li nħobbu aktar.