
Karol Josef Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju 1920 f’Wadowice, il-Polonja. Karol kellu jsir ir-raġel magħruf mad-dinja kollha bħala Papa Ġwanni Pawlu II. Dan il-Papa hu qaddis ta’ żmienna. Forsi smajna leħnu permezz tal-midja soċjali, jew konna fost il-miljuni ta’ pelleġrini fil-Vatikan jew rajnieh waqt iż-żjarat tiegħu f’pajjiżna.
Meta kellu 9 snin mietet ommu u oħtu mietet meta kienet għadha tarbija. Ħuh li kien tabib miet fl-età ta’ 26 sena. Aktar tard, meta Karol kellu wieħed u għoxrin sena, miet missieru. Mingħajr l-ebda appoġġ tal-familja, Karol baqa’ għaddej biex jiffaċċja l-isfidi tal-ħajja li kienet għaddejja minnu l-Polonja dak iż-żmien.
Fl-1938 l-Ewropa kienet tinsab fuq l-għatba tat-Tieni Gwerra Dinjija. Karol kien irreġistra fl-Università ta’ Krakovja kif ukoll inkiteb ġo skola tad-drama! Imbagħad in-Nazzisti okkupaw il-Polonja u għalqu l-Università. Għal erba’ snin, Karol ħadem f’barriera u f’fabbrika biex jaqla’ l-għajxien tiegħu. Kien proprju f’dan iż-żmien li ħass is-sejħa għas-saċerdozju. Huwa beda l-istudji tiegħu fis-Seminarju ta’ Krakovja, li kienet qed topera bil-moħbi u fl-istess ħin baqa jattendi għall-attivitajiet tat-teatru. Is-Seminarju ta’ Krakovja rega’ fetaħ fl-1946 u fl-istess sena Karol ġie ordnat saċerdot.
Il-ħidma pastorali tiegħu kienet tinkludi ħidma bħala kappillan f’diversi parroċċi kif ukoll il-kura tal-immigranti Pollakki fi Franza, fil-Belġju u fl-Olanda, apparti li kien ukoll kappillan għall-istudenti universitarji.
Wara li kompla bl-istudji tiegħu, inħatar Professur tat-Teoloġija Morali fis-Seminarju ta’ Krakovja u Lublin. Fl-1958 ġie appuntat Isqof Awżiljarju ta’ Krakovja u aktar tard sar l-Arċisqof tal-istess belt. Fl-1967 sar Kardinal fejn ħa sehem attiv fil-Konċilju Vatikan II.
Huwa ġie elett Papa fis-16 ta’ Ottubru 1978. Matul il-pontifikat tiegħu wettaq 200 żjara pastorali, fejn iltaqa’ ma’ Prim Ministri u Kapijiet ta’ Stat ta’ kulturi u twemmin varji, u fetaħ toroq għad-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra. Kiteb 13-il Enċiklika, 13-il Eżortazzjoni Appostolika, 11-il Kostituzzjoni Appostolika u 14-il Ittra Appostolika, u ppubblika żewġ kotba.
Il-Papa Ġwanni Pawlu jibqa’ mfakkar bħala l-Papa li baqa’ qrib in-nies fl-imġieba tiegħu, filwaqt li l-preżenza kariżmatika tiegħu kienet tispira tama kuraġġ. Huwa baqa’ qrib ħafna taż-żgħażagħ, iwassal imħabba, kompassjoni u ferħ u jistiedinhom b’entużjażmu biex jieħdu sehem fl-Evanġelizzazzjoni, u b’hekk witta t-triq għall-kunċett tal-organizzazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Il-kuraġġ tiegħu kompla jispikka, mhux biss fiżikament imma ukoll moralment, speċjalment matul il-perjodu twil ta’ fejqan wara l-attentat ta’ qtil fuq ħajtu fit-13 ta’ Mejju 1981. Ix-xbieha tal-Papa — bilqiegħda f’atteġġjament ta’ mħabba sħiħa lejn l-aggressur tiegħu, f’konversazzjoni profonda miegħu, waqt li jeħodlu idu u jagħtih rigal – kaxxa li fiha kien hemm il-kuruna tar-Rużarju — tibqa’ mnaqqxa fil-memorja bħala “att erojku ta’ maħfra”.
Il-kuraġġ u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin kompliet tidher fit-tbatijiet tiegħu, speċjalment lejn l-aħħar ta’ ħajtu hekk kif kien qed jitħabat mal-marda tiegħu.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April 2005. Il-Papa Franġisku ddikjarah qaddis fis-27 ta’ April 2014, fil-festa tal-Ħniena Divina.
