San Pietru Claver twieled fis-sena 1580 ġewwa Spanja. Avolja li il-familja tiegħu kienet waħda fqira, xorta waħda kellu l-opportunita li jistudja ġewwa l-Universita ta’ Barcelona, li kienet immexxija mill-Ġiżwiti. Fis-sena 1602, Pietru daħal mal-Ġiżwiti, fejn ġie spirat minn Ġiżwita ieħor, Alphonse Rodriguez biex immur missjunarju fil-Kolonji Spanjoli ta’ L-Amerika. Fl-1610, Pietru mar missjunarju fir-Renju l-Ġdid ta’ l-Amerika Ċentrali, fejn huwa studja għas-Saċerdozju u ġie ordnat Saċerdot.
F’dak iż-żmien, il-bejgħ u xiri ta’ skjavi kienet żdiedet fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel. Snin qabel, il-Forza Navali Spanjola, marret f’din il-parti tad-dinja u ħadu f’idejhom territorji kbar. Is-sidien ġodda Spanjoli, kellhom bżonn ħaddiema biex jaħdmulhom l-art u biex jaħdmu fil-minjieri tad-deheb. Għalhekk bagħtu bastimenti lejn l-Afrika u diversi pajjiżi oħra fejn ġew maħtufa persuni jew sar ftehim mar-re tal-post, għal ftit flus. Dawn is-skjavi kienu jinbiegħu fil-port ta’ Colombia. Kull xahar kienu jaslu madwar elf skjav, wara li kienu jinżammu fuq bastimenti u wara ġo imħażen f’kundizzjonijiet ħżiena, fejn wara kienu jinbiegħu lis-sidien ta’ l-artijiet.
Hawnhekk Pietru Claver beda ix-xogħol missjunarju tiegħu, fejn iddedika ħajtu jittratta lill dawn il-persuni fi skjavitu b’dinjita umana. Pietru kien jittallab għal ħwejjeġ, ħobż, frott u mediċini, kien jaqdihom u jeħdilhom ġarar bl-ilma. Waqt li kien isservihom, kien jitkellem magħhom dwar l-imħabba li għandu Ġesu’ lejn kull wieħed u waħda minnhom. Kien jgħallimhom dwar il-Fidi Kattolika bil-għajnuna ta’ katekisti missjunarju u interpreti. Jekk xi ħadd kien issir Nisrani, San Pietru Claver kien jamministralhom is-Sagramenti.
Minbarra din il-ħidma, Pietru Claver kien jippriedka fil-pjazzez, lin-negozjani u baħrin. Kien jivvjaġġa fil-kampanja biex jgħammed is-skjavi, waqt li kien ukoll jipprova jinkonverti oħrajn. F’dawn il-vjaġġi, il-biċċa l-kbira, kien jgħix mal-persuni fi skjavitu.
Il-Ministeru ta’ Pietru Claver dam aktar minn 40 sena. Huwa maħsub li 300,000 persuna li spiċċaw fi iskjavitù, saru Nsara bil-ħidma tiegħu. Għax kif qal San Pawl: Fi Kristu ma hemmx ilsir u anqas ħieles. Aħna ilkoll indaqs f’għajnejn Ġesu’.
San Pietru Claver miet fis-sena 1654, wara 4 snin ibati mill-marda tal-pesta. Iddedika ħajtu għal fqar u għal dawk maħtufa u mibjugħin fl-iskjavitu. Huwa baqa magħruf għal ħajja evanġelika fejn wera imħabbtu bl-azzjoni u mhux biss bil-kliem.