San Pietru Claver

9 ta' Settembru

San Pietru Claver twieled fis-sena 1580 ġewwa Spanja.  Minkejja li l-familja tiegħu kienet fqira, xorta waħda kellu l-opportunità li jistudja ġewwa l-Università ta’ Barċellona, li kienet immexxija mill-Ġiżwiti.  Fis-sena 1602, Pietru ngħaqad mal-Ġiżwiti u ġie mħeġġeġ minn ġiżwita ieħor, Alphonsus Rodriguez biex jagħmel xogħol missjunarju fil-kolonji Spanjoli tal-Amerika. Filfatt, fl-1610, Pietru vvjaġġa lejn ir-Renju l-Ġdid tal-Amerika Ċentrali bħala missjunarju. Kien hemm li kompla l-istudji tiegħu għas-saċerdozju u ġie ordnat saċerdot.

Sa dak iż-żmien, il-kummerċ tal-ilsiera kien diġà żdied ħafna fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel.   Snin qabel, flotta Spanjola, kienet marret lejn din il-parti tad-dinja u ħadet pussess ta’ territorji vasti ta’ art.  Is-sidien Spanjoli kellhom bżonn ħaddiema biex jikkultivaw l-art u jaħdmu fil-minjieri tad-deheb. Imma n-nies tal-post la kienu biżżejjed fin-numru u lanqas b’saħħithom biżżejjed għax-xogħol iebes. Għalhekk telqu bil-vapuri lejn ix-xtut tal-Afrika u lejn diversi postijiet oħra fejn ħatfu nies tal-post jew jinnegozjaw ilsiera mingħand ir-re, għal somma żgħira ta’ flus fejn dawn l-iskjavi kienu jinbiegħu bi profitt fil-Port ta’ Kartaġena. (issa l-Kolombja). Kull xahar madwar elf ilsir kienu jiżbarkaw hemm wara li jinżammu fl-istiva tal-vapur u wara f’imħażen f’kundizzjonijiet ħżiena, biex jinbiegħu bħala lsiera lis-sidien sinjuri tal-pajjiż.

Hawnhekk Pietru Claver beda x-xogħol missjunarju tiegħu, fejn iddedika ħajtu jieħu ħsieb lil dawn l-ilsiera b’dinjità umana. Pietru kien jittallab għall-ħwejjeġ, ħobż, frott u mediċini u kien anke jġorrilhom kollox fil-qfief.  Waqt li kien iservihom, kien jitkellem magħhom dwar l-imħabba li għandu Ġesù lejn kull wieħed u waħda minnhom.  Kien jgħallimhom dwar il-Fidi Kattolika bl-għajnuna ta’ katekisti missjunarju u interpreti li kieku jkunu stazzjonati fiż-żona.  Jekk xi ħadd kien isir Nisrani, San Pietru Claver kien jamministralu s-Sagramenti.

Minbarra din il-ħidma, Pietru Claver kien jippriedka fil-pjazza tal-belt lin-negozjanti u l-baħrin.  Kien jivvjaġġa fil-kampanja biex jgħammed lis-skjavi, waqt li kien ukoll jipprova jinkonverti oħrajn.  F’dawn il-vjaġġi, il-biċċa l-kbira, kien jagħżel li joqgħod fil-kwartieri tal-ilsiera.

Il-ministeru ta’ Pietru Claver dam aktar minn 40 sena.  Huwa stmat li wassal għall-Kristjaneżmu 300,000 persuna li kienu nbiegħu fl-iskjavitù! Għax kif qal San Pawl: Fi Kristu ma hemmx ilsir u anqas ħieles.  Aħna lkoll indaqs f’għajnejn Ġesù.

San Pietru Claver miet fis-sena 1654, wara 4 snin ibati mill-marda tal-pesta. Iddedika ħajtu għall-fqar u għal dawk maħtufa u mibjugħin fl-iskjavitù.  Huwa baqa magħruf għall-ħajja evanġelika fejn wera mħabbtu bl-azzjoni u mhux biss bil-kliem.

Kemm hu importanti li dejjem nittrattaw lil ħaddieħor b’dinjità mingħajr ebda distinzzjoni rrispettivament mid-differenzi fil-kulur, fil-kultura u fit-twemmin.  Filfatt, il-Papa Franġisku esprima dan fl-Ittra Enċiklika tiegħu ‘Fratelli Tutti’, li tfisser ‘Ilkoll Aħwa’.  Dan hu dak li pprattika San Pietru Claver ħafna snin ilu.

Hekk kif il-ftuħ mill-ġdid tas-sena skolastika qed joqrob, iddiskuti mat-tfal: dwar l-attitudni tagħhom lejn tfal oħra li huma ta’ razza, lingwa jew twemmin differenti.  Tkellmu dwar kif jistgħu jħeġġu l-ħbieb tagħhom biex jaċċettaw tfal oħra mingħajr l-ebda distinzzjoni.

San Pietru Claver iddedika ħajtu biex jaqdi lill-ilsiera, billi kien iwasslilhom l-ikel, l-ilbies u l-mediċini.  Ħeġġeġ lit-tfal biex jieqfu, iħarsu madwarhom u jidentifikaw lil min jistgħu jgħinu u kif jistgħu jagħmlu dan.

Is-suġġerimenti jistgħu jinkludu:

  • jgħinu jippreparaw il-mejda għall-ikel u jiżbarazzawha wara l-ikel
  • jgħinu fil-ħasil tal-platti wara l-ikel
  • jaħmu xi kejk jew gallettini u joħduhom għand qraba anzjani jew xi ġar li jgħix waħdu.

Iddiskuti mat-tfal x’jagħmlu jekk jaraw tifel jew tifla fil-klassi tagħhom li ma jkollhomx x’jieklu fil-‘break’.  Għinhom biex isibu alternattivi għal: ‘naqsam li għandi miegħu jew magħha’.

Għat-tfal il-kbar, tistgħu ssibu mappa tad-dinja u ssegwu l-vjaġġ ta’ San Pietru Claver li għamel permezz ta’ bastimenti minn Spanja sal-Kolombja u l-vjaġġi tiegħu mill-Amerika Ċentrali sal-Kosta tal-Punent tal-Afrika.

Araw: St. Peter Claver Catholic Online

Ħin tat-talb mal-Familja
Araw il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb:
Parable of the Good Samaritan
(Ippruvaw agħmlu din esperjenza ta’ talb)

  • Inkoraġġixxi t-tfal jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar kif San Pietru Claver kien bħas-Samaritan it-Tajjeb.
  • Mexxi talb ta’ radd il-ħajr mhux biss qabel u wara l-ikliet iżda wkoll billi tagħmel lit-tfal konxji tal-affarijiet tajbin kollha li għandhom madwarhom: ikel, ħwejjeġ, ġugarelli, dar, nies li jħobbuhom u biex ikunu grati ta’ dak li għandhom u mhux igergru għal dak li m’għandhomx.         

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.