It-tema tal-Evanġelju tal-lum hija t-talb. Jeżisti mod tajjeb u mod ħażin kif titlob? Hemm xi formola ta’ kif titlob? Hemm xi metodu ta’ talb aħjar minn ieħor? Kemm irrid indum nitlob? Xi kliem irrid nuża? Għalkemm dan l-Evanġelju ma tantx huwa twil, iwieġeb numru minn dawn il-mistoqsijiet u oħrajn ukoll.
F’dan l-Evanġelju jissemmew fariżew u pubblikan. Il-fariżej kienu setta reliġjuża. Il-liġi ta’ Mosè u r-riti marbuta magħha kienu importanti ħafna għalihom. Ġesù kien jikkritikahom, mhux għax it-twemmin tagħhom kien ħażin iżda għall-mod kif kienu jinterpretawh u jgħixuh. In-nies kellhom ċerta rispett lejn il-fariżej. Il-pubblikani, min-naħa l-oħra kienu mistmerija min-nies minħabba li huma kienu jiġbru t-taxxi għar-Rumani. Kien fatt magħruf li dawn il-pubblikani, ma kienux jiġbru biss l-ammont dovut, iżda kienu jiġbru aktar u d-differenza kienu jżommuha għalihom. Fi kliem ieħor kienu ħallelin!
Għalhekk, meta Ġesù beda l-parabbola u semma lill-fariżew u lill-pubblikan, in-nies stennewh ifaħħar lil tal-ewwel. Madanakollu, Ġesù ssorprendihom għax minflok huwa faħħar lill-pubblikan.
It-tnejn li huma marru fit-tempju jitolbu, iżda l-mod kif għamlu t-talba tagħhom kienet ferm differenti. L-ewwel wieħed kien fanfarun filwaqt li t-tieni kien umli. Meta nitolbu, aħna nindirizzaw lil Alla l-Missier. Hekk għallimna Ġesù meta tana t-talba tal-Missierna. Nitolbu lil Missier li jħobbna u li hu ħanin magħna. Hu mhux xi imħallef li rridu niddefendu lilna nfusna jew niġġustifikaw dak li nagħmlu, quddiemu. Bħala Alla, il-Missier jaf kollox, jaf dak li nixtiequ u dak li għandna bżonn. Allura għalfejn nitolbu? Bħala ġenituri, x’aktarx din tistgħu tifhmuha aktar. Għalkemm tkunu tafu x’jixtiequ t-tfal, tistennew lilhom jistaqsu. Anke meta jistaqsu għal xi ħaġa, mhux dejjem tagħtuhom dak li jitolbu, minħabba raġunijiet varji. Tistgħu wkoll tagħtuhom dak li jkunu talbu, iżda fi żmien ftit aktar tard. Hekk fil-fatt nitolbu fil-Missierna, “ikun li trid int” u ma ngħidux “ikun kif irridu u kif qed nitolbu aħna!”
Din il-parabbola li jgħid Ġesù f’dan l-Evanġelju, tgħallimna li meta nitolbu rridu niftakru fil-bżonn ta’ Alla f’ħajjitna. Jekk inkunu mimlija bina nfusna, bħalma kien il-fariżew, ma tantx ser inħallu spazju għal Alla u mhux ser inħallu l-grazzja ta’ Alla taħdem fina. Meta nkunu umli, nagħrfu li dak kollu li għandna, it-talenti tagħna huma kollha rigali mingħand Alla, ma humiex ġejjin mill-ħila tagħna. Meta nkunu umli, nagħrfu wkoll id-dgħjufijiet u nuqqasijiet tagħna u nitolbu skuża tagħhom.