Isalva l-mitluf

31 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

It-tema tal-Evanġelju tal-lum hija l-konverżjoni u l-fidwa. Bħall-ġimgħa l-oħra, jerġa’ jissemma pubblikan. Kien jismu Żakkew u kien wieħed mill-kapijiet. Din il-ġrajja nsibuha biss fl-Evanġelju ta’ Luqa. Għalkemm l-isem Żakkew bil-Lhudi jfisser “pur, innoċenti,” jidher li ma kien hemm xejn minn dawn f’dan ir-raġel!  Hu kien sar sinjur mis-sistema korrota tal-ġbir tat-taxxa, minħabba li dawk li kienu jiġbru t-taxxa, kienu jiġbru aktar milli kien suppost u d-differenza kienu jżommuha għalihom. Żakkew kien għamel il-flus minn fuq dahar ħaddieħor, u bir-raġun, hu kien mistmerr minn dawk ta’ madwaru.

Żakkew ma kienx kuntent fl-istil ta’ ħajja li kien jgħix. Hu kien sama’ dwar Ġesù, u xtaq jiltaqa’ miegħu. Hu ried ikun jaf x’kien tant differenti f’Ġesù. Għalhekk meta Ġesù mar Ġeriko, hu kien minn ta’ quddiem biex jara lil Ġesù. Iżda minħabba li kien raġel qasir, kellu jitla’ fuq siġra tat-tin selvaġġ, biex jilmaħ lil Ġesù għaddej. Meta Ġesù rah, qallu, “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Minflok ma Ġesù kkundanna lil Żakkew, bħala midneb, hu stieden lilu nnifsu għandu. In-nies baqgħu mistagħġba, u gergru għax ma stennewx li Ġesù, jmur jiekol għand midneb. Fil-kultura li kien jgħix Ġesù, meta tiekol għand xi ħadd, tkun qed turi li hemm il-ħbiberija u l-paċi, ma’ dawk madwar il-mejda. Ma kienx soltu, li l-Lhud jieklu ma stranjieri u midinba. Minkejja dan, Ġesù jagħżel li jonora lil dan il-pubblikan, u joqgħod għand Żakkew. Il-mod kif, Ġesù aċċetta lil Żakkew u kif ma kkundanahx jew ikkritikah, għen biex Żakkew jagħraf li seta’ jbiddel ħajtu u jkun persuna aħjar. Żakkew joffri li jagħti nofs ġidu lill-foqra, u jrodd għal erba’ darbiet iżjed lil dawk li kien qarraq bihom. Dan juri l-impenn li Żakkew daħal għalih, minħabba Ġesù. Il-konverżjoni ta’ Żakkew hija drammatika u ġeneruża. Din tirrifletti t-tjubija ta’ Ġesù, u tgħallimna li ħadd ma hu lil hinn mill-fidwa. Lil Żakkew, Ġesù jgħidlu, “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.” Dawn huma kliem li jagħtu tama u kuraġġ, lilna wkoll. Meta Ġesù jsejjaħ lil Żakkew ‘bin Abraham’ (dawk magħżula minn Alla), hu qed juri xi jsarraf Żakkew. Il-ġrazzja u ħniena ta’ Alla tasal fil-qlub tagħna lkoll. Ġesù jgħinna nagħmlu għażliet ġodda u aħjar, fuq il-post tax-xogħol, fil-familja, mal-ħbieb. Aħna lkoll jistħoqilna l-fidwa, u nistgħu ninbidlu, ikun meta jkun. Ftakru, Ġesù ma ġiex biex isalva lit-tajjeb, iżda lill-midneb. Hu ġie biex isib lill-mitluf, u l-verità hi, li aħna lkoll xi ftit jew wisq mitlufa.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 19: 1-10)

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.

Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ir-rigal ta’ fidwa mogħti minn Alla, huwa għal kulħadd. Għamilna x’għamilna, jekk aħna lesti li nagħrfu dak li għamilna u nkunu lesti li ninbidlu, se nkunu ppremjati. Is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni huwa parti importanti mill-ħajja nisranija, anke jekk forsi xi drabi nsibuha diffiċli li mmorru nqerru. Ftakru li l-istedina mingħand Ġesù, hija dejjem hemm.
  4. Matul din il-ġimgħa, iddiskuti mal-familja tiegħek, kif, bħal Żakkew, tistgħu tilqgħu lil Ġesù fid-dar tagħkom. Spjega kif Ġesù jagħtina għażliet, u meta nagħmlu dak li hemm fl-Evanġelju, inkunu qed nimxu wara Ġesù, bħala dixxipli tiegħu, fi triq ta’ mħabba u kompassjoni.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (19: 1-10)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum ser niltaqgħu ma’ Żakkew, li kien Pubblikan; Żakkew kien jiġbor it-taxxi. Hu kien sama’ dwar Ġesù u xtaq jiltaqa’ miegħu. Iżda kien hemm problema, għax Żakkew kien raġel qasir. Imbagħad ġietu idea tajba, biex ikun jista’ jara lil Ġesù. Hu tela’ fuq siġra. Ejjew nisimgħu din l-istorja.

  • Ġesù jurina li kulħadd hu maħbub
  • Ġesù jaħfrilna dejjem,u għaliex iħobbna, dejjem lest jagħtina ċans ieħor
  • Kopji tas-siġra u ta’ Żakkew
  • Imqass / gloj
  • Lapsijiet tal-kulur
  • Karta tat-tajr ħadra / kartonċina

Żakkew kien jiġbor it-taxxi, hu kien raġel sinjur. In-nies ma’ riedux ikunu ħbieb miegħu, għax kienu jaħsbu li hu kien ħalliel, minħabba li kien jieħu l-flus żejda miġbura mit-taxxi. Żakkew ried jiltaqa’ ma’ Ġesù, kellu kurżità biex jara dan ir-raġel li kulħadd kien qiegħed jitkellem dwaru. Hu kien jgħix Ġeriko u Ġesù kien ser imur f’dan ir-raħal. Ħafna nies ħarġu fit-triq, u minħabba li Żakkew kien qasir ħafna, iddeċieda li jitla’ fuq siġra biex b’hekk ikun jista’ jara lil Ġesù. Meta Ġesù wasal taħt is-siġra tat-tin selvaġġ, li kien fuqha Żakkew, hu waqaf u ħares il-fuq u qal, “Żakkew, inżel minn hemm, illum ħa niġi d-dar tiegħek.”

In-nies li kienu hemm, inħasdu! Kif jista’ jkun li Ġesù jmur id-dar ta’ dan ir-raġel, meta dan kien ħalliel u midneb! In-nies ma setgħux jemmnu li Ġesù ried imur għandu. Imma Ġesù ra li dan kien ċans fejn seta’ jgħin lil Żakkew, biex ma jibqax fit-triq il-ħażina. Kellu ċ-ċans li Żakkew jinbidel. Ġesù kien lest li jaħfirlu d-dnubiet kollha u jgħinu jerġa’ jibda mill-ġdid. 

Żakkew kien jaf li hu ma kienx mexa sew man-nies u meta Ġesù mar għandu, hu stqarr dak kollu li għamel u ddispjaċih għal dak li għamel. Lil Ġesù qallu, “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Minħabba l-fatt li Żakkew idispjaċih għal dak li għamel u stqarr id-dnub tiegħu, Ġesù ħafirlu u qallu, “f’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni.”

Żakkew kien raġel żgħir bi problema kbira. Hu kien midneb, iżda ried jiltaqa’ ma’ Ġesù; hu bidel il-ħajja tiegħu kompletament. Mhux importanti min inti, jew kemm għamilt għażliet ħżiena. Jekk inti lest li tgħid lil Ġesù li jiddispjaċik, hu se jaħfirlek, għax Ġesù iħobb lil kull wieħed u waħda minna, anke lil dawk li jagħmlu dnub.

Inti qatt kont imdejjaq minħabba xi ħaġa li għamilt? X’taħseb li jgħid Ġesù kieku kellek tgħidlu li jiddispjaċik? Taħseb li hemm xi dnub li Ġesù mhux ser jaħfru? Ma hemm l-ebda dnub li ma jinħafirx. Aħna nitolbu lil Ġesù jaħfrilna fis-sagrament tal-qrar. Jekk inti lest li jiddispjaċik, Ġesù jaħfirlek. Ġesù jrid isalvana mid-dnub tagħna. Hu jista’ jbiddel il-ħajja tagħna, kif inbidlet il-ħajja ta’ Żakkew.

Sabiex tibqa’ tiftakar fil-messaġġ tal-Evanġelju tal-lum, li meta niltaqgħu ma’ Ġesù, insiru persuni aħjar, u jekk tixtieq tgħid li jiddispjaċik għal dak li għamilt ħażin, agħmel printout tal-attività tal-lum. Waħħal is-siġra fuq kartonċina u agħti l-kulur liz-zokk. Agħti l-kulur lil Żakkew u aqtgħu. Aqta’ kwadri żgħar mill-karti tat-tajr u waħħalhom bħala weraq, poġġi lil Żakkew fuq is-siġra.

Taħt is-siġra ikteb, BIN IL-BNIEDEM ĠIE JFITTEX U JSALVA LILL-MITLUF (Lq 19,10)

Waqt li qed tagħmel din l-attività, isma’, Change my heart oh God.

Radd tas-salib

Għażiż Mulej, Missier Alla li tħobbna ħafna, grazzi tal-imħabba u l-maħfra tiegħek. Għinni biex jien nersaq aktar qrib tiegħek u ma nibżax ngħid li jiddispjaċini meta nagħmel jew ngħid xi ħaġa ħażina. Dan nitolbu f’isem Ibnek, Ġesù. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jiltaqa’ ma’ Żakkew, pubblikan sinjur. Żakkew huwa raġel qsajjar, ħerqan li jiltaqa’ ma’ Ġesù. Darba minnhom, Ġesù mar ir-raħal ta’ fejn kien joqgħod Żakkew, imma l-folla ta’ nies ġew fin-nofs, għalhekk Żakkew tela’ fuq siġra biex jarah għaddej. Hekk kif Ġesù lemaħ lil Żakkew, sejjaħlu u qallu: “inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”

  • Ġesù hu mimli bil-maħfra. L-imħabba tiegħu tgħinna biex nerġgħu nibdew mill-bidu
  • Fis-sagrament tal-qrar, aħna nitolbu lil Ġesù biex jaħfrilna
  • Il-printout tas-siġra u weraq
  • Imqass/gloj
  • Lapsijiet/kuluri

Ġesù kellu mħabba speċjali għal dawk li biddlu ħajjithom, u hekk bdew jgħixu bil-mod li jogħġob lil Alla. Illum, naraw li Ġesù ltaqa’ ma’ persuna fost dawn. Hu pubblikan, li kien jismu Żakkew. F’din il-laqgħa ma’ Ġesù, Żakkew bidel il-mod kif kien jaħseb. Hu kellu konverżjoni u rċieva r-rigal tal-maħfra. 

Kif tħossok wara li tkun għamilt xi ħaġa ħażina? Forsi tħossok imdejjaq jew inkwetat. Kif tista’ tirranġa l-ħażin li tkun għamilt? Li tbiddel fhemtek u jiddispjaċik, ikun pass li tajjeb tagħmel. Wara li Żakkew iltaqa’ ma’ Ġesù, hu bidel ħajtu u ddispjaċih għall-ħażin li għamel. Aħna wkoll nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù u ninbidlu permezz tas-sagrament tal-qrar. Żakkew kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani. Hu kien sinjur. Fi żmien Ġesù, ħafna minn dawk li kienu jiġbru t-taxxa kienu jisirqu lin-nies, billi jiġbru aktar flus milli suppost u d-differenza kienu jżommuha għalihom. 

Żakkew vera xtaq jiltaqa’ ma’ Ġesù u minħabba li kien raġel qasir, kellu jitla’ fuq siġra biex ikun jista’ jara minn fuq ras il-folla li kienet inġabret biex tara lil Ġesù li kien mar Ġeriko. Hekk kif Ġesù ra lil Żakkew, sejjaħlu biex jinżel minn fuq is-siġra, għax ried imur id-dar tiegħu. In-nies ma kienux ħbieb ta’ Żakkew minħabba d-diżonesta tiegħu. Huma ħassewhom ixxukkjati meta ndunaw li Ġesù ried imur id-dar ta’ Żakkew. Kif jista’ Ġesù jitħallat mal-midinbin? Ma setgħux jifhmu kif Ġesù jħobb lil kulħadd u li jrid isalvana lkoll mid-dnubiet tagħna. Ġesù kellu mod kif jara dak li hemm fil-qalb tan-nies u għalhekk induna li Żakkew xtaq jinbidel. Wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, Żakkew wiegħed li jagħti nofs ġidu u jrodd lura għal erba’ darbiet lil dawk li kien seraq. Hu verament iddispjaċih għall-ħażin li kien għamel u xtaq jinbidel. Hu ried jirranġa dak li għamel u xtaq li Ġesù jkun f’qalbu. Ġesù dejjem lest jgħinna ninbidlu għall-aħjar permezz tas-sagrament tal-qrar. Meta nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna, ir-relazzjonijiet ma’ xulxin isiru aħjar, Alla dejjem lest li jaħfrilna, kull meta nitolbuh. L-imħabba u l-aċċettazzjoni ta’ Ġesù, għenu lil Żakkew idur lura lejn Alla.

Din il-ġimgħa, kif tista’ tinbidel fil-mod li ġġib ruħek mal-oħrajn?

Agħmlu printout tas-siġra u tal-weraq, u agħtuhom il-kulur. Fuq il-weraq, iktbu kliem li juru kif Żakkew irranġa r-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù u mal-oħrajn. Per eżempju, ħniena, imħabba, maħfra, paċi, ġustizzja, barka, ferħ, grazzja, ġentilezza. Ipprova aħseb b’aktar kliem. Imbagħad waħħal il-weraq fuq is-siġra, tista’ wkoll tpinġi wiċċ Żakkew fl-isfond tal-weraq.

Isma’ Change my heart oh God.

Matul din il-ġimgħa ilqa’ lil Alla fil-ħajja tiegħek, billi titlob l-Att ta’ Indiema (ara t-talba qasira / it-talba twila. )

Mulejja, Alla tiegħi, inti tħobbni ħafna, jiddispjaċini talli għedtlek le bi dnubieti. Mil-lum ’il quddiem, bl-għajnuna mqaddsa tiegħek, ma nerġax nagħmel dnubiet iżjed u rrid inħobbok fuq kollox. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.