It-tema tal-Evanġelju tal-lum hija l-konverżjoni u l-fidwa. Bħall-ġimgħa l-oħra, jerġa’ jissemma pubblikan. Kien jismu Żakkew u kien wieħed mill-kapijiet. Din il-ġrajja nsibuha biss fl-Evanġelju ta’ Luqa. Għalkemm l-isem Żakkew bil-Lhudi jfisser “pur, innoċenti,” jidher li ma kien hemm xejn minn dawn f’dan ir-raġel! Hu kien sar sinjur mis-sistema korrota tal-ġbir tat-taxxa, minħabba li dawk li kienu jiġbru t-taxxa, kienu jiġbru aktar milli kien suppost u d-differenza kienu jżommuha għalihom. Żakkew kien għamel il-flus minn fuq dahar ħaddieħor, u bir-raġun, hu kien mistmerr minn dawk ta’ madwaru.
Żakkew ma kienx kuntent fl-istil ta’ ħajja li kien jgħix. Hu kien sama’ dwar Ġesù, u xtaq jiltaqa’ miegħu. Hu ried ikun jaf x’kien tant differenti f’Ġesù. Għalhekk meta Ġesù mar Ġeriko, hu kien minn ta’ quddiem biex jara lil Ġesù. Iżda minħabba li kien raġel qasir, kellu jitla’ fuq siġra tat-tin selvaġġ, biex jilmaħ lil Ġesù għaddej. Meta Ġesù rah, qallu, “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Minflok ma Ġesù kkundanna lil Żakkew, bħala midneb, hu stieden lilu nnifsu għandu. In-nies baqgħu mistagħġba, u gergru għax ma stennewx li Ġesù, jmur jiekol għand midneb. Fil-kultura li kien jgħix Ġesù, meta tiekol għand xi ħadd, tkun qed turi li hemm il-ħbiberija u l-paċi, ma’ dawk madwar il-mejda. Ma kienx soltu, li l-Lhud jieklu ma stranjieri u midinba. Minkejja dan, Ġesù jagħżel li jonora lil dan il-pubblikan, u joqgħod għand Żakkew. Il-mod kif, Ġesù aċċetta lil Żakkew u kif ma kkundanahx jew ikkritikah, għen biex Żakkew jagħraf li seta’ jbiddel ħajtu u jkun persuna aħjar. Żakkew joffri li jagħti nofs ġidu lill-foqra, u jrodd għal erba’ darbiet iżjed lil dawk li kien qarraq bihom. Dan juri l-impenn li Żakkew daħal għalih, minħabba Ġesù. Il-konverżjoni ta’ Żakkew hija drammatika u ġeneruża. Din tirrifletti t-tjubija ta’ Ġesù, u tgħallimna li ħadd ma hu lil hinn mill-fidwa. Lil Żakkew, Ġesù jgħidlu, “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.” Dawn huma kliem li jagħtu tama u kuraġġ, lilna wkoll. Meta Ġesù jsejjaħ lil Żakkew ‘bin Abraham’ (dawk magħżula minn Alla), hu qed juri xi jsarraf Żakkew. Il-ġrazzja u ħniena ta’ Alla tasal fil-qlub tagħna lkoll. Ġesù jgħinna nagħmlu għażliet ġodda u aħjar, fuq il-post tax-xogħol, fil-familja, mal-ħbieb. Aħna lkoll jistħoqilna l-fidwa, u nistgħu ninbidlu, ikun meta jkun. Ftakru, Ġesù ma ġiex biex isalva lit-tajjeb, iżda lill-midneb. Hu ġie biex isib lill-mitluf, u l-verità hi, li aħna lkoll xi ftit jew wisq mitlufa.