
Santa Eliżabetta twieldet l-Ungerija nhar is-7 ta’ Lulju 1207. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija u ommha kienet ir-Reġina Gertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdità.
Meta kellha biss erba’ snin, ġie rranġat żwieġ bejn il-ġenituri tagħha u l-ġenituri ta’ Ludoviku IV, nobbli Ġermaniż minn Turinġja, fil-Ġermanja. F’età żgħira, ittieħdet fil-qorti ta’ Turinġja għall-edukazzjoni tagħha biex tkun maġenb ir-raġel futur tagħha.
Meta kellha sitt snin, Eliżabetta għaddiet mill-ewwel esperjenza traġika ta’ ħajjitha, meta ommha nqatlet, x’aktarx minn nobbli Ungeriżi. Hija reġgħet sabet il-ferħ meta żżewġet lil Ludoviku li issa kienet saret tħobbu. Hija kellha erbatax-il sena u hu wieħed u għoxrin. Iż-żwieġ tagħhom kien wieħed feliċi.
Għalkemm kienet il-mara ta’ wieħed mill-mexxejja sinjuri u setgħana ta’ Turinġja, u kienet tagħmel parti mill-Qorti Rjali, kienet tgħix ħajja sempliċi, iddedikata għat-talb, il-penitenza u l-opri tal-karità. Kuljum kienet tieħu l-ħobż u l-ħwejjeġ lill-foqra. Xi nobbli saħansitra akkużawha li kienet qed tieħu l-oġġetti mill-palazz biex tqassamhom lil dawk fil-bżonn, iżda Ludwig appoġġja l-ħidma tal-karità tagħha.
Fl-1223, il-patrijiet Franġiskani waslu f’Turinġja. Eliżabetta setgħet tidentifika ruħha mal-ideali Franġiskani tal-faqar u l-karità lejn dawk fil-bżonn, hekk kif kienet tistinka biex tfassal ħajjitha fuq dik ta’ San Franġisk. Meta fl-1226 Turinġja ntlaqtet minn ġuħ kbir, mard u għargħar, Eliżabetta stess ħadet ħsieb il-vittmi, tant li saħansitra ordnat li jinbena sptar qrib il-palazz.
Fl-1227, Ludoviku akkumpanja lill-Imperatur Federiku II fi Kruċjata lejn il-Palestina, bi tweġiba għas-sejħa tal-Papa biex jirkupra territorji fl-Art Imqaddsa mingħand il-Musulmani. Madankollu, hu marad bil-pesta u miet fi triqtu lejn Otranto. Eliżabetta rċeviet l-aħbar ftit wara li kienet għadha kif welldet it-tielet wild tagħha. Kienet għadha kemm għalqet għoxrin sena.
Wara l-mewt ta’ Ludoviku il-ħajja ta’ Eliżabetta nbidlet ħafna. Hija ġiet akkużata minn ħuh li ma kinetx kompetenti li tiggverna; iddikjara ukoll li hu kien l-eredi ta’ Ludoviku. Eliżabetta ġiet miżmuma li tiret dak li kien dovut lilha wara l-mewt ta’ żewġha.
Eliżabetta sabet il-kenn fil-Kastell tal-familja. Hija bdiet taħdem ta’ ħajjata u kompliet tieħu ħsieb il-fqar u l-morda. F’dan iż-żmien it-tfal tagħha ttieħdu mingħandha, bi skuża li ma kinetx f’pożizzjoni li tieħu ħsiebhom.
Fl-1228, hija ssieħbet fit-Tielet Ordni ta’ San Franġisk, imwaqqfa minn San Franġisk għal-lajċi li xtaqu jsegwu l-ideal Franġiskan mingħajr ma jsiru patrijiet jew sorijiet. Meta fl-aħħar irċeviet il-flus li kien imissha mid-dota tagħha, qassmet parti minnhom lill-foqra u bil-bqija waqqfet sptar f’ġieħ San Franġisk, fejn hija stess kienet tieħu ħsieb il-morda bl-enerġija kollha tagħha.
Santa Eliżabetta mietet fl-eta ta’ 24 sena.
