
San Franġisk de Sales twieled f’familja nobbli mir-Renju ta’ Savoia, qrib Ġinevra fl-Isvizzera, fil-21 ta’ Awwissu tal-1567. Missieru kien François de Sales de Boisy. Ommu Françoise de Sionnaz kienet bint maġistrat prominenti. Omm Franġisk kienet tħobb taqralu l-ħajjiet tal-qaddisin li jġibu ismu: San Franġisk ta’ Assisi u San Franġisk de Paule u t-tfajjel, imħeġġeġ mill-eżempju tagħhom darba qalilha: ‘Ma’, ġa hemm żewġ San Franġiskijiet, bija jridu jkunu tlieta’.
Franġisk rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġi ta’ La Roche u Annecy, u wara fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Pariġi u fl-aħħar intbagħat Padova fejn kiseb dottorat fil-Liġi Ċivili u Kanonika. Missieru kien diġà ppjana l-futur ta’ Franġisk, peress li hu kien l-ewwel iben tiegħu. Hu xtaqu jsir maġistrat jew senator u jiżżewweġ lil xi tfajla sinjura u nobbli.
Meta kellu madwar dsatax-il sena u kien għadu għaddej bil-mixja akkademika tiegħu, għadda minn kriżi spiritwali tant qawwija li affettwatlu saħħtu. Meta ħareġ minn dak il-‘mina mudlama’ konvint li ‘Alla hu mħabba’, ikkonsagra lilu nnifsu lill-Madonna u ddedika ħajtu lil Alla. Huwa ddeċieda li jsir saċerdot.
Missieru oppona bil-qawwa kollha d-deċiżjoni tiegħu. Hu aċċetta s-sitwazzjoni biss meta lil Franġisk ġiet imwiegħda l-kariga ta’ Provost (Kap) tal-Katidral ta’ Ġinevra. Din il-pożizzjoni kienet titqies bħala l-ogħla kariga fid-djoċesi u kienet taqa’ taħt l-awtorità diretta tal-Papa.
Franġisk ġie ordnat saċerdot fl-età ta’ 26 sena, wara li kien ċeda t-titlu u d-dritt tiegħu bħala suċċessur tal-familja, lil ħuh. Sena wara, offra ruħu biex imur f’Le Chablais, li kien sar fortizza tal-Kalvinisti. Dan kien grupp ta’ Insara li, wara li segwew lil Ġwanni Kalvinu — ir-riformatur Franċiż — kienu nfirdu mill-Protestanti, li min-naħa tagħhom kienu kkontestaw ċerti twemmin u prattiki tal-Knisja Kattolika.
Għall-ewwel, in-nies ta’ Chablais ma kellhomx il-kuraġġ imorru jisimgħuh jipprietka; għalhekk, Franġisk beda jikteb fuljetti li kienu jispjegaw it-twemmin Kattoliku. Huwa qassam dawn il-fuljetti fost l-abitanti, u ħalliehom mal-bibien tad-djar u f’postijiet pubbliċi oħra, anke wara li kien ġie mhedded u attakkat! B’riżultat ta’ dan, għadd kbir ta’ abitanti reġgħu lura lejn il-Fidi Kattolika.
Fl-età ta’ 31 sena, Franġisk ġie maħtur assistent tal-Isqof ta’ Ġinevra u tlett snin wara ġie maħtur bħala l-Isqof tad-djoċesi. Minħabba l-fatt li Ġinevra kienet taħt il-kontrol tal-Kalvinisti ma setax jgħix f’din il-belt, għalhekk mar jgħix f’residenza barra minn Ġinevra.
Bħala Isqof, minbarra l-amministrazzjoni tad-djoċesi tiegħu, huwa kompla bil-ħidma pastorali; saħansitra kien jgħallem il-katekiżmu lit-tfal u fassal lingwa tas-sinjali biex jikkomunika mal-persuni neqsin mis-smigħ. Huwa kompla bil-predikazzjoni u l-kitba tiegħu, indirizzati l-aktar lil-lajċi, fejn kien ixandar li, tkun xi tkun il-pożizzjoni li wieħed jokkupa fil-ħajja, kulħadd jista’ jsir qaddis.
Qatt ma stenna trattament speċjali għax kien isqof. Kien idur id-djoċesi tiegħu riekeb iż-żiemel. Kien jersaq lejn in-nies foqra u umli tad-djoċesi bl-istess dedikazzjoni u attenzjoni li kien juri mal-Papiet, mal-Prinċpijiet u mas-Slaten.
Flimkien ma’ qaddisa oħra, Ġiovanna Franġiska ta’ Chantal, hu waqqaf is-Sorjiet tal-Viżitazzjoni, ordni religjuża għan-nisa li ddedikaw ħajjithom għal opri tal-ħniena favur il-morda u l-foqra.
Maż-żmien, l-isforzi bla heda tiegħu biex iwassal l-Evangelju ħallew impatt negattiv fuq saħħtu. Huwa sofra puplesija qawwija li minħabba fiha ma setax jitkellem. Meta kien fuq is-sodda tal-mewt u staqsewh jekk kellux xi kliem ta’ għerf, huwa talab karta u pinna u kiteb “Umiltà, umiltà, umiltà”.
San Franġisk De Sales miet fl-età ta’ 56 sena.
Minħabba d-determinazzjoni tiegħu li jippersisti fit-“tixrid” tal-veritajiet tal-Fidi Kattolika, jibqa’ mfakkar bħala l-qaddis Patrun tal-Gurnalisti.
