Maħsulin

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għall-maħfra

Ġesù jispjega lil Pietru u lilna li għandna naħfru lil xulxin mill-qalb. F’din il-parabbola huwa jurina kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla permezz ta’ re li ħafer id-dejn u ħeles mill-iskjavitù lill-wieħed mill-qaddejja tiegħu. Id-dejn tant kien kbir li lanqas li kieku l-qaddej kellu jaħdem sa ma jmut ma kien iħallsu kollu.

Sfortunatament, dan l-iskjav li r-re kien ħafirlu ħafna, minflok ma wera l-istess ħniena, tefa’ fil-ħabs lil wieħed minn sħabu li kellu jagħtih ħafna u ħafna inqas flus milli hu kellu jagħti lir-re.  

Ġesù kompla billi qal li r-re rrabja meta sar jaf x’ġara għaliex stenna li dan l-iskjav jaħfer bħalu. Hekk ukoll Alla jistenna li Pietru u li aħna għandna naħfru u nuru ħniena bla qies kif Alla juri lejna.

Qabel ma’ nibdew l-prayer space ejjew niftakru li Alla jinsab viċin tagħna l-ħin kollu.

Il-prayer space li ser nagħmlu llum jisimha:  Maħsulin u għaliha għandna bżonn:

  • Biċċa karta 
  • Biro jew markers
  • Bowl mimlija bl-ilma

Xi kultant in-nies jgħidulna u jagħmlulna affarijiet li jweġġgħuna bihom. Ibda billi tieħu ftit ħin biex taħseb dwar xi persuna li tixtieq taħfirlu/a.

Bil-biro jew il-marker ikteb fuq il-karta il kelma ‘Maħfurin’.

Issa poġġi din il-karta ġol-ilma u waqt li tara il-kliem jisparixxi aħseb dwar kif tħossok meta jaħfrulek u meta taħfer.  

Irringrazzja lil Alla li jaħfirlek kollox u itolbu jgħinek taħfer b’mod ħieles lil dawk li weġġgħuk bi kliemhom jew b’għemilhom.

Talba għall-maħfra

Sinjur Alla,
nitolbuk taħfrilna il-ħażin kollu li għamilna
u tgħina nagħmlu dak li hu tajjeb.
Għina niftakru
li aħna għandna dejjem nafdaw fl-imħabba u fil-maħfra tiegħek.
Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.