L-Evanġelju tal-lum ikompli fejn ħalla dak tal-Ħadd li għadda, Ġesù jkompli jinterpreta mill-ġdid, il-Liġi. Ġesù jgħallimna l-importanza ta’ relazzjonijiet, ta’ djalogu, tal-imħabba tal-proxxmu tagħna. L-għerf ġej mill-Ispirtu s-Santu jarrikkixxi l-ħajja tagħna, u jagħtina perspettiva ġdida tal-ħajja li sikwit hija l-oppost ta’ dak li s-soċjetà, il-ħbieb u l-familja, qegħdin jgħidulna. Il-kmand ta’ Ġesù biex inħobbu lill-oħrajn, insibuh kemm il-darba fl-Evanġelji. Ġesù jisfidana biex naħsbu b’inklussività u mhux b’eslussività tal-oħrajn. Dan huwa mod radikali ta’ ħsieb u jaffettwa r-relazzjoni tagħna mal-oħrajn. Ġesù joffrilna prinċipju ogħla minn dak ta’ “sinna b’sinna” meta nirreaġġixxu għall-insulti u mġieba ħażina tal-oħrajn. M’għandniex nimponu fuq l-oħrajn. Minflok, għandna nkunu ġenerużi ma’ dawk li jweġġgħuna u nitolbu għalihom. L-eżempji li jagħtina Ġesù huma esaġerati. Indawwru wiċċna meta jagħtuna daqqa ta’ ħarta, nagħtu l-mantar lil dak li ħaddilna ħwejjiġna, inġorru l-affarijiet tal-oħrajn, aktar milli hu mistenni, nagħtu bil-qalb lil dawk li jistaqsu l-għajnuna tagħna u nsellfu. Dawn huma modi estremament kreattivi ta’ interpretazzjoni mill-ġdid tal-Liġi. L-arja żejda tal-għedewwa tispiċċa fix-xejn quddiem l-imġieba tagħna. Meta nkunu fis-saħna tal-mument, ikun diffiċli li nirreaġġixu bl-aħjar mod u li ma npattux. Huwa diffiċli li nammettu n-nuqqasijiet tagħna u li nieħdu responsabbilità ta’ kliem iebes li ngħidu ta’ azzjonijiet bla ħsieb jew ta’ nuqqas ta’ aġir meta nkunu iffaċċjati b’dilemma. Għal Ġesù li tkun perfett tfisser li tkun mimli b’imħabba bla kundizzjoni ta’ xejn, l-istess imħabba bħalma jurina Alla. Ġesù mhuwiex jissuġġerixxi li nħallu lilna nfusna nkunu abbużati jew li nkunu passivi, imma jixtieq li noffru “non-reżistenza attiva.” Minflok ma nirritaljaw u npattuha lura, Ġesù qiegħed jgħallimna kif negħlbu l-ħażin li sarilna b’imħabba u mhux b’vendetta. Tfisser li nuru mħabba anke meta s-soċjetà qed tinkoraġġina biex nuru indifferenza jew intolleranza għat-tbatijiet tal-oħrajn. Li nħobbu lill-għedewwa tagħna hija attitudni radikali, imma meta nagħmlu hekk, inkunu qed nikbru fil-perfezzjoni biex insiru perfetti bħalma hu Alla l-Missier. Dejjem hemm xi ħaġa li nistgħu nitgħallmu dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, magħna nfusna u mal-oħrajn.