Ħobbu lill-għedewwa

Is-Seba’ Ħadd ta' Matul is-Sena A

L-Evanġelju tal-lum ikompli fejn ħalla dak tal-Ħadd li għadda, Ġesù jkompli jinterpreta mill-ġdid, il-Liġi. Ġesù jgħallimna l-importanza ta’ relazzjonijiet, ta’ djalogu, tal-imħabba tal-proxxmu tagħna. L-għerf ġej mill-Ispirtu s-Santu jarrikkixxi l-ħajja tagħna, u jagħtina perspettiva ġdida tal-ħajja li sikwit hija l-oppost ta’ dak li s-soċjetà, il-ħbieb u l-familja, qegħdin jgħidulna. Il-kmand ta’ Ġesù biex inħobbu lill-oħrajn, insibuh kemm il-darba fl-Evanġelji. Ġesù jisfidana biex naħsbu b’inklussività u mhux b’eslussività tal-oħrajn. Dan huwa mod radikali ta’ ħsieb u jaffettwa r-relazzjoni tagħna mal-oħrajn. Ġesù joffrilna prinċipju ogħla minn dak ta’ “sinna b’sinna” meta nirreaġġixxu għall-insulti u mġieba ħażina tal-oħrajn. M’għandniex nimponu fuq l-oħrajn. Minflok, għandna nkunu ġenerużi ma’ dawk li jweġġgħuna u nitolbu għalihom. L-eżempji li jagħtina Ġesù huma esaġerati. Indawwru wiċċna meta jagħtuna daqqa ta’ ħarta, nagħtu l-mantar lil dak li ħaddilna ħwejjiġna, inġorru l-affarijiet tal-oħrajn, aktar milli hu mistenni, nagħtu bil-qalb lil dawk li jistaqsu l-għajnuna tagħna u nsellfu. Dawn huma modi estremament kreattivi ta’ interpretazzjoni mill-ġdid tal-Liġi. L-arja żejda tal-għedewwa tispiċċa fix-xejn quddiem l-imġieba tagħna. Meta nkunu fis-saħna tal-mument, ikun diffiċli li nirreaġġixu bl-aħjar mod u li ma npattux. Huwa diffiċli li nammettu n-nuqqasijiet tagħna u li nieħdu responsabbilità ta’ kliem iebes li ngħidu ta’ azzjonijiet bla ħsieb jew ta’ nuqqas ta’ aġir meta nkunu iffaċċjati b’dilemma. Għal Ġesù li tkun perfett tfisser li tkun mimli b’imħabba bla kundizzjoni ta’ xejn, l-istess imħabba bħalma jurina Alla. Ġesù mhuwiex jissuġġerixxi li nħallu lilna nfusna nkunu abbużati jew li nkunu passivi, imma jixtieq li noffru “non-reżistenza attiva.” Minflok ma nirritaljaw u npattuha lura, Ġesù qiegħed jgħallimna kif negħlbu l-ħażin li sarilna b’imħabba u mhux b’vendetta. Tfisser li nuru mħabba anke meta s-soċjetà qed tinkoraġġina biex nuru indifferenza jew intolleranza għat-tbatijiet tal-oħrajn. Li nħobbu lill-għedewwa tagħna hija attitudni radikali, imma meta nagħmlu hekk, inkunu qed nikbru fil-perfezzjoni biex insiru perfetti bħalma hu Alla l-Missier. Dejjem hemm xi ħaġa li nistgħu nitgħallmu dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, magħna nfusna u mal-oħrajn.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 5: 38-48)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Diffiċli li tħobb lil dak li ma taħmilx. L-emozzjonijiet, ħafna drabi jinfluenzaw il-ġudizzju tagħna. Bħala familja, iddiskutu kif Ġesù jixtieq li nġibu ruħna mal-għedewwa tagħna. Spiċċaw din id-diskussjoni b’talba għall-għedewwa tagħkom, poġġu lil dawn in-nies quddiem Alla. 
  4. Lit-tfal spjegawlhom li Ġesù ma jistennix li nkunu perfetti, aħna bnedmin u nagħmlu l-iżbalji. Ġesì jrid li nippruvaw, li nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u nsiru ħbieb ma’ dawk li weġġgħuna jew iġġieldu magħna. Jekk inħobbu, inkunu qed nagħmlu dak li għamel Ġesù. Inkunu qegħdin nimxu fuq l-eżempju tiegħu.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (5, 38-48)
    ii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iii. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitlobna nagħmlu xi ħaġa diffiċli ħafna. Ġesù jistaqsina biex inħobbu l-għedewwa tagħna u naqsmu dak li għandna mal-oħrajn (mal-proxxmu tagħna).

  • Għandna naħfru u nħobbu lill-għedewwa tagħna, qatt m’għandna nobgħoduhom, għandna minflok nitolbu għalihom
  • Kartonċina ħamra
  • L-istruzzjonijiet ta’ kif tagħmel ‘Persuna Qalb’, u printout tal-qlub
  • Karta bajda
  • Gloj/imqass
  • Kuluri/stickers

X’inhu l-għadu? Huwa dak li jogħbod lil xi ħadd u li jixtieqlu jew li jagħmillu d-deni. Fl-Evanġelju, Ġesù llum jgħidilna li rridu nitgħallmu naħfru lill-għedewwa tagħna, qatt ma għandna nobgħoduhom jew inweġġgħuhom. Taħsbu li din hi ħaġa faċli? Faċli li nħobbu li min iġib ruħu ħażin magħna jew li m’aħniex ħbieb miegħu? Ġesù jgħidilna li għandna nħobbu lill-oħrajn, kif Alla jħobb lilna. Dan ifisser li rridu nħobbu lil kulħadd, anke lil dak li jdejquna!

Darba, Ġesù kien fuq muntanja u beda jgħid affarijiet li n-nies stagħġbu bihom. Hu qalilhom, “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” Dak li Ġesù talab lin-nies u qiegħed jitlob lilna, għax aħna wkoll nimxu warajh, jinstema’ diffiċli. Għalfejn għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna? Għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna biex inġibu ruħna ta’ tfal ta’ Alla. B’hekk inkunu qegħdin nagħtu eżempju tajjeb lill-oħrajn. Ġesù ma jridx li nħobbu biss lil dawk li jħobbuna, imma jrid li nkunu ġenerużi mal-proxxmu tagħna. Il-proxxmu tagħna huwa dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Ġesù ma jridniex nirrabjaw jew nobgħodu lil dawk li ma jittratawniex sew. Ġesù ma jridx li r-rabja tirbah, iżda jrid li aħna nitolbu għal dik il-persuna u nkunu ta’ eżempju tajjeb, kif għandu jkun xi ħadd li jimxi wara Ġesù. Ġesù jrid li nġibu ruħna sew, li nirrispettaw lill-oħrajn li naqsmu dak li għandna u dejjem niskużaw ruħna ma’ dawk li forsi weġġgħajna. Meta nagħmlu dan, l-għedewwa tagħna jsiru ħbieb. Dan qatt mhu se jkun faċli, iżda dejjem irridu nippruvaw nagħmlu dak li hu tajjeb. 

Biex tiftakru fil-messaġġ tal-lum, li għandna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna, agħmlu l-“Persuna Qalb” u żommuha fil-kamra tagħkom. 

Isimgħu s-song, Forever love, forever God .

Inroddu s-Salib

Missier ħanin, naf li faċli nħobb lil min iħobbni. Għinni nħobb lill-għedewwa tiegħi, biex ikunu jafu xi tfisser li tkun tifel/tifla ta’ Alla. Għinni nkun ġeneruż/a u naqsam dak li għandi, speċjalment ma’ dawk li ma għandhomx biżżejjed. Ammen.

L-Evanġelju tal-lum huwa parti mid-‘Diskors tal-Muntanja’ u Ġesù qiegħed jistaqsina naħsbu dwar il-mod kif inġibu ruħna mal-oħrajn, dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u magħna nfusna. Ġesù jisfidana biex ma nagħmlux bħalma jagħmlu l-oħrajn, iżda biex inħobbu l-għedewwa tagħna u nitolbu għal dawk li jagħmlulna d-deni.

  • Mhux faċli li tħobb lill-għedewwa tiegħek, ġeneralment dan imur kontra l-mod li n-nies iġibu ruħhom ma’ dak li jdejquhom
  • Printout ta’ id
  • Lapes/kuluri

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna, “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” Taħsbu li dan hu faċli li nagħmluh? Diffiċli li tħobb lil xi ħadd li jgħid kontrik jew lil xi ħadd li ma jġibx ruħu sew miegħek. Aktar faċli li nġibu ruħna mal-oħrajn, bl-istess mod li huma jġibu ruħhom magħna. Per eżempju jekk sħabek isellfuk it-toys tagħhom, inti wkoll tkun trid issellifhom tiegħek. Jekk il-mama jew il-papa jgħannquk, faċli li tgħannaqhom lura. Faċli li tħobb lil dawk li jħobbuk. Ġesù jgħidilna li ma nħobbux biss lil dawk li jħobbuna jew li aħna ħbieb tagħhom, iżda wkoll lil dawk li jġibu ruħhom ħażin magħna. Ġesù jgħidilna biex inħobbu l-għedewwa tagħna! Dan huwa l-oppost ta’ dak li nixtiequ nagħmlu. Kif għandna nġibu ruħna ma’ xi ħadd li joqgħod jgħaddina biż-żmien quddiem sħabna? Jew ma’ ħabib li ma jkellmekx jekk ikun ma’ ċerta grupp ta’ nies? Ġesù jgħidilna biex ma nagħmlux bħalhom, imma nagħmlu kif għamel hu. Għandna nirrispetawhom u nuruhom imħabba, anke jekk huma ittrattawna ħażin. Tajjeb li meta xi ħadd iġib ruħu ħażin miegħek, f’qalbek tistaqsi, “kieku Ġesù x’kien jagħmel?” It-tagħlim ta’ Ġesù li nħobbu lill-għedewwa tagħna jmur kontra dak li nħossu u kif in-nies jgħidulna nġibu ruħna. Madanakollu, jekk irridu nimxu wara Ġesù, irridu nħobbu lill-oħrajn bħallikieku huma Ġesù nnifsu. Jekk inħobbu lill-oħrajn, inkunu qed nagħmlu dak li għamel Ġesù. B’dan il-mod, xi ħadd li kien għadu, jista’ jsir ħabib!

Biex niftakru li għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna, għamlu forma ta’ id. Fuq kull saba, iktbu mod prattiku ta’ kif ser tagħmlu dan, per eżempju taqsmu dak li għandkom, titbissmilhom anke jekk weġġgħuk, għamlilhom kartolina u agħtihielhom. X’aktar tistgħu tagħmlu?

Penġu qalb f’nofs l-id u fuqha iktbu vers mill-Evanġelju tal-lum, “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” (Mt 5, 44)

Isimgħu s-song, I AM YOURS .

Inroddu s-salib

Mulej Alla, grazzi tal-imħabba kbira tiegħek, tal-familja u tal-ħbieb. Ġesù jrid li nħobbu u nitolbu għall-għedewwa tagħna, għalhekk nitlob l-għajnuna tiegħek biex tmexxi lill-qalbi, biex inkunu nista’ nħobb lill-għedewwa tiegħi, bħala ħbieb. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.