
San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007. Il-familja tiegħu kienet familja numeruża u fqira ħafna. Billi kien l-iżgħar fost sebat aħwa huwa kien jitqies bħala piż fuq il-familja. Il-ġenituri tiegħu mietu meta kien għadu żgħir, għalhekk wieħed minn ħutu ħadu jgħix miegħu. Minbarra li kien jittrattaħ ħażin, ħuh kien iġiegħlu jaħdem bħala ragħaj tal-ħnieżer. Fortunatament, ħuh ieħor, Dun Damjan – li kien il-kappillan ta’ Ravena – ħarġu minn dik is-sitwazzjoni mwiegħra u ħadu taħt il-protezzjoni tiegħu. Dun Damjan tah edukazzjoni tajba, u Pietru wera li kien student tajjeb ħafna. Hu kien grat għal dak kollu li kien għamel ħuh għalih, li żied ismu ma’ tiegħu stess; b’hekk sar magħruf bħala Pietru Damjan.
Meta temm l-edukazzjoni tiegħu, Pietru beda jgħallem fl-Università. Wara xi żmien, beda jħoss li ħajja fl-Università ma kinetx għalih. Għalhekk wara rtir ta’ erbgħin ġurnata f’monasteru f’Fonte-Avellana, ħass sejħa għall-ħajja monastika. Ingħaqad mal-patrijiet f’monasteru Benedittin biex jgħix ħajja ta’ talb, penitenza u jgħin lill-fqar. Fl-istess ħin beda jgħallem lill-patrijiet l-oħra, mhux biss fil-monasteru fejn kien jgħix imma anki f’monasteri oħra fil-qrib. Kellu biss 35 sena meta sar Abbati (superjur) tal-monasteru.
Kien f’dan iż-żmien li Pietru Damjan beda jwaqqaf l-ermitaġġi. Dawn kienu postijiet sempliċi, xi kultant kienu jkunu jagħmlu parti mill-monasteri, fejn persuni kienu jagħżlu biex jgħixu maqtugħin mis-soċjetà. Dawn kienu jqattgħu ħajjithom, jitolbu u jsumu u jfittxu relazzjoni aktar fil-qrib ma’ Alla billi jwarrbu d-distrazzjonijiet tad-dinja.
Il-Knisja Kattolika kellha bżonn tiġi riformata biex terġa’ lura lejn it-triq tal-qdusija li kellha l-għan biex twassal l-Insara għal relazzjoni eqreb ma’ Ġesù Kristu. Barra minn hekk, kien hemm nuqqas ta’ mudelli ta’ qdusija fil-Knisja. Pietru Damjan beda jikteb ittri lill-Isqfijiet, lill-Kardinali u anki lill-Papa, bil-ħsieb li jiġu rriformati prattiċi li kienu qed idgħajfu s-sejħa tal-Knisja Kattolika.
Meta kellu ħamsin sena, il-Papa Stiefnu IX ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia, minkejja l-insistena tiegħu biex ma jingħatax din il-kariga. Pietru Damjan kompla jikteb u jitkellem. Ħa sehem f’sinodu li sar fil-Lateran fis-sena 1047 u aktar tard f’sinodi oħra f’Firenze u f’Ruma. Fl-istess żmien, kompla jiddefendi l-fidi Kattolika permezz tal-kitba u l-kelma tiegħu u ddedika l-enerġija tiegħu biex jiġġieled prattiċi ħżiena li kienu jeżistu fil-Knisja dak iż-żmien.
Minkejja l-kariga tiegħu bħala Kardinal, xorta waħda kien jirritorna fl-ermitaġġ tiegħu biex ikompli bil-ħajja ta’ talb u penitenza.
Waqt li kien f’monasteru qrib Ravenna, ħakmu deni qawwi u miet fl-età ta’ 65 sena.
San Pietru Damiani kien iddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XII, fl-1828.
