San Pietru Damiani twieled Ravenna, fl-Italja minn familja nobbli li kienet ftaqret. Billi kien l-iżgħar fost seba aħwa huwa kien meqjus bħala xkiel. Il-ġenituri tiegħu mietu meta kien għadu żgħir, għalhekk wieħed minn ħutu ħadu għandu. Minbarra li kien trattat ħażin, ħuħ kien iġiegħlu jaħdem bħala ragħaj tal-ħnieżer. Fortunatament, ieħor fost ħutu, Dun Damjan li kien il-kappillan ta’ Ravena, ħadu taħt il-protezzjoni tiegħu. Dun Damjan tah edukazzjoni tajba, Pietru wera ukoll li kien student tajjeb. Pietru kien grat ħafna lejn ħuħ ta’ dak kollu li għamel miegħu, tant hu hekk li Pietru ħa isem ħuħ u beda ikun magħruf bħala Pietru Damjan.
Meta temm l-edukazzjoni tiegħu, Pietru beda jgħallem fl-Universita. Wara ftit taż-żmien huwa beda jħoss li ħajja fl-Universita ma kienetx għalih. Għalhekk wara irtir ta’ erbgħin ġurnata ġewwa Monasteru f’Fonte-Avellana, huwa beda jħoss sejħa għal ħajja monastika. Huwa daħal patri fl-Ordni Benedittin biex jgħix ħajja ta’ talb, penitenza u biex jgħin lill-fqar. Fl-istess ħin beda jgħallem lill-patrijiet l-oħra, mhux biss fil-monasteru fejn kien jgħix imma anki f’monasteri oħra fil-qrib. Huwa kellu biss 35 sena meta sar Abbatti (superjur) tal-Monasteru.
Kien f’dan iż-żmien li Pietru Damjan beda jiftaħ eremitaġġi. Dawk kienu postijiet sempliċi, xi kultant kienu jkunu jagħmlu parti mill-monasteri, fejn persuni kienu jagħżlu biex jgħixu wehedhom il-bogħod mis-soċjeta. Dawn kienu jqattu ħajjithom, jitolbu u jsumu u ifittxu relazzjoni aktar fil-qrib ma’ Alla.
F’dak iż-żmien, il-Knisja Kattolika kellha bżonn riforma biex terġa lura lejn it-triq tal-qdusija li kellha l-għan biex twassal l-Insara għal relazzjoni intima ma Ġesu’ Kristu. Barra minn hekk il-Knisja kienet nieqsa minn mudelli ta’ qdusija. Pietru Damjan beda jikteb ittri lill-Isqfijiet, Kardinali u anki lill-Papa, bil-ħsieb li jiġu irriformati prattiċi li kienu qegħdin idgħajfu is-sejħa tal-Knisja Kattolika.
Kellu ħamsin sena meta l-Papa ħatru Kartinal-Isqof ta’ Ostia, minkejja it-talba ta’ Pietru Damiani li ma jingħatax din il-pożizzjoni. Pietru Damjan kompla jikteb u jitkellem, huwa attenda għas-Sinodu li sar ġewwa l-Lateran fis-sena 1047 u attenda għal Sinodu ieħor ġewwa Firenze u Ruma, fejn kompla jikteb u jitkellem biex jiddefendi il-Fidi Kattolika. Fl-istess żmien, anki bħala Kardinal, kien jirritorna lejn l-eremitaġġ fejn kien ikompli il-ħajja ta’ talb u penitenza. Meta kellu 65 sena tah attakk tad-deni, fejn wara, miet ġewwa monasteru qrib Ravenna. Huwa kien meqjus bħala qaddis mill-poplu u wara iddikjarat qaddis mill-Knisja kif ukoll Duttur tal-Knisja.