“Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Is-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa tikkonkludi b’dan il-kliem. Hawnhekk, Ġesù jidher li qed jitkellem b’lingwaġġ paradossali ħafna; jafferma li r-raġuni għaliex Alla sar bniedem hija biex dawk kollha li jaraw isiru għomja u dawk kollha li huma għomja jibdew jaraw. Għandna nieħdu dan id-diskors letteralment? F’ċertu sens, nistgħu. Dan għaliex huwa minnu li Alla jista’ litteralment ifejjaq lill-għomja – kif fil-fatt jiġri lir-“raġel agħma” f’din l-istorja.
L-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa jibda b’raġel li kien agħma mit-twelid li eventwalment jitfejjaq minn Ġesù. Ġesù fejjaq lil dan ir-raġel fil-jum tas-Sibt; xi ħaġa li ġġiegħel lill-Fariżej jirribellaw kontra Ġesù u jgħajruh. Għalhekk, forsi l-ewwel punt li wieħed jinnota hawn huwa r-reazzjoni li Ġesù juri lejn l-uġigħ u l-mard. Ġesù ma ħalliex li l-liġijiet tagħhom iwaqqfuh milli juri l-imħabba! Il-Lhud kienu jemmnu li f’jum is-Sibt, m’għandu jsir l-ebda xogħol, u jkun hemm mistrieħ biss. Il-fatt li Ġesù kiser dan, jurina li għalih il-liġi primarja, l-aktar waħda importanti, kienet l-imħabba. Xejn m’għandu jwaqqafna milli nħobbu – lanqas ordnijiet minn nies b’awtorità! Hu għalhekk li xi ħadd bħal Franz Jägerstätter, Ġermaniż li issa hu ddikjarat Beatu, ċaħad l-ordni ta’ Hitler biex isir suldat. Franz kiser il-liġi għax kien fidil lejn il-liġi tal-imħabba – mar kontra l-istat u pajjiżu stess għax kien jaf li, li tħobb lil xulxin kienet l-iktar ħaġa importanti. Aħna lesti li nagħmlu dan? Nifhmu kemm hu importanti li nħobbu lil xulxin? Din hija xi ħaġa li l-Fariżej ma fehmux.
Wara dan kollu, l-għami tkellem dwar dak li għamel miegħu Ġesù, iżda meta għamel hekk, hu sfida lill-Fariżej. Fil-fatt, il-Fariżej bdew jgħajjru lill-għami, isejħulu midneb mit-twelid u eventwalment saħansitra keċċewħ miċ-ċirku tagħhom. Il-Fariżej ma setgħux jifhmu kif l-Iben t’Alla seta jisfida l-liġi li jżomm jum is-Sibt għal-mistrieħ biss, liġi li kienet tant għal qalbhom.
Eventwalment Ġesu jsib lill-għama waħdu u jersaq lejh u jistaqsi: “temmen int f’bin il-bniedem?”. Ġesù jistaqsi din il-mistoqsija lilna lkoll. Nemmnu aħna fil-glorja u d-divinità ta’ Ġesù? L-għami kien esperjenza l-grazzja u l-imħabba ta’ Ġesù b’mod dirett. Fil-fatt, it-tweġiba umli tiegħu kienet, “Mulej, iva nemmen”. Imma r-reazzjoni tal-Fariżej kienet differenti. Għalkemm il-Fariżej kienu raw u esperjenzaw lil Ġesù ukoll, xorta rrifjutaw li jemmnu f’Ġesù. Aħna bħal min qed inkunu? Qed inħallu lil Ġesù jgħinna nesperjenzaw l-imħabba u l-fejqan tiegħu? Jew aħna spiritwalment għomja, bħalma kienu l-Fariżej?
Fl-aħħarnett, ejjew niftakru li d-difetti, l-imperfezzjonijiet u l-iżbalji tagħna mhumiex invinċibbli. M’għandniex nibżgħu minnhom jew inħalluhom jaffetwawna ħażin. Dan għaliex, ħafna drabi, Alla juża d-dgħufijiet tagħna biex jipperfezzjonana. Huwa permezz tad-dgħufijiet tagħna li nikbru! Ir-raġel agħma beda jara spiritwalment minħabba l-għama fiżika tiegħu. Ejja nippruvaw, allura, dawn il-ġimgħat li fadal tar-Randan, noffru l-imperfezzjoni tagħna lill-Mulej. Nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jfejjaq lilna lkoll, fil-ħin meħtieġ u b’ħafna mħabba.