Illum, l-14 ta’ Settembru, il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Għada, imbagħad niċċelebraw il-festa tad-Duluri.
Din il-festa bdiet fil-Knejjes tal-Lvant; fis-seklu ħamsa, f’Ġerusalemm, kienet issir b’solennità kbira daqs dik tal-Għid il-Kbir fl-anniversarju tad-dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Qabar ta’ Kristu, il-jum li fih skont it-tradizzjoni nstab is-Salib, li hu s-sinjal tar-rebħa li Kristu għamel bil-misteru tal-Għid.
L-Uffiċċju tal-Qari tal-ġurnata tal-lum, jibda b’innu li jgħid hekk:
Ħajr, għuda mqaddsa, sebħ u ġid tad-dinja;
int tama tagħna għax rebbaħtna l-ġenna;
għax int sinjal ta’ rebħ, li l-hemm li jkiddna
għad ifarraġna, w jinbidlilna f’benna.
Fi żmien Ġesù, mewt fuq is-salib kien mod mill-aktar krudili u ta’ tbatija. L-agħar nies kienu jingħataw din il-kundanna. Iżda wara l-mewt ta’ Ġesù, dan is-salib sar simbolu ta’ tama, għall-insara. Fil-fatt, meta nitolbu t-Talba tat-Triq tas-Salib (il-Via Sagra), nirrepetu ma’ kull stazzjon: “Nadurawk o Ġesù, u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.” Din hija r-raġuni għaliex aħna l-insara neżaltaw is-salib li fuqu miet Ġesù.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jfakkarna li hu ġie fid-dinja biex kulħadd isalva. Hu ma ġiex fid-dinja biex jikkundana, għax “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”
Minbarra li din il-festa tal-lum, tfakkarna fl-imħabba kbira ta’ Alla għalina, is-salib ukoll ifakkarna fit-tbatija. Kulħadd ibagħti, mhux aħna l-kbar biss, iżda wkoll it-tfal. Kif nifaċċjaw it-tbatija tagħna, anke dawk is-sagrifiċċji żgħar u kbar li niltaqgħu magħhom kuljum? X’inhu l-parir tagħna, lit-tfal meta huma għaddejjin minn żmien ta’ tbatija jew iltaqgħu ma’ xi kuntrarju? Għandna noffru dawn is-sagrifiċċji. Tiftakar xi ħadd jgħidlek, “Offrieha għall-dnubietek”? Dan mhux kliem fieraħ, iżda li jagħmel sens. Meta aħna noffru t-tbatijiet tagħna, inkunu qegħdin ningħaqdu mas-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib, u nistgħu noffru din it-tbatija għall-oħrajn, jew anke għalina biex insiru persuni aħjar. Li noffru t-tbatija tagħna, hija ta’ għajnuna biex jirnexxielna ngħaddu żmien diffiċli u mudlam. Ġesù bata u miet għalina, meta noffru t-tbatija tagħna għall-oħrajn, inkunu qegħdin insiru aktar bħal Ġesù.