Santa Katerina twieldet Genoa, L-Italja fis-sena 1447, kienet l-iżgħar fost hames t’aħwa. Missierha Jacopo Fieschi u Ommha Francesca di Negro, kienu ġejjin minn familji nobbli.
Meta Katerina kellha 13-il sena, probabilment fuq l-eżempju t’oħta li kienet daħlet soru Agostinjana, talbet lill-Konfessur tagħha biex tidħol hi ukoll soru Agostinjana. Hija ma ġietx aċċetata minħabba l-fatt li kienet għadha żgħira. Qatt iżjed ma reġgħet talbet tidħol fil-monasteru.
Meta kellha 16-il sena, missierha miet. Kien f’dan iż-żmien li Katerina iżżewwġet lill Giuliano Adorno, dan iż-żwieġ ġie irranġat minn ħuha. Dan iż-żwieġ ma kienx wieħed feliċi għall Katerina, ma kellhomx tfal u żewġha Giuliano ma kienx eżemplari fil-ħajja taż-żwieġ. Kien ħali fl-infieq tal-flus u kellu ukoll tempra vjolenti. Katerina kienet imdejqa ħafna, tbati fis-silenzju minħabba fiż-żwieġ tagħha għal ħames snin. Wara dawn il-ħames snin bdiet titlob lill Alla biex timrad u tibqa għomorha fis-sodda.
F’dak iż-żmien fetħet qalbha ma oħtha s-soru, li ħeġġitha, biex tmur għand il-konfessur tal-kunvent u tqerr għandu. Waqt din il-qrara hija esperjenzat ‘sens qawwi ta’ l-imħabba ta’ Alla għaliha’. Din kienet il-bidu tal-konverżjoni tagħha.
Ħajjitha inbidlet totalment, saret waħda ta’ għaqda kontinwa ma’ Alla permezz tat-talb u tal-penitenza. Katerina kienet ukoll titqarben kulljum, ħaġa rari f’dak iż-żmien. Bdiet ukoll tgħin il-morda fl-isptar ta’ Genoa. Din il-bidla fil-ħajja ta’ Katerina bidlet ukoll il-ħajja ta’ żewġha, li ikkonverta u daħal Terzjarju Franġiskan, (it-terzjarji huma membri tat-tielet Ordni Franġiskan, imwaqqaf minn San Frangisk t’ Assisi, li hu magħmul minn persuni miżżewġin jew ġuvintur u xebbiet, li jgħixu regola miktuba għalihom minn San Franġisk t’Assisi, mingħajr ma jkollhom jidħlu patrijiet jew sorijiet). Barra minnhekk kien jgħin ukoll lill morda. Minħabba it-tberbieq tal-flus ta’ Giuliano spiċċaw finanzjarjament irvinati, huma iddeċiedu imorru jgħixu ġo sptar kbir fejn iddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-morda. Wara l-mewt ta’ żewġha fis-sena 1497, Katerina, ħadet f’idejha it-tmexxija ta’ l-isptar, fl-istess ħin kompliet tiddedika ħajjitha għal morda u għal bżonnijiet ta’ l-isptar kollox għall imħabba ta’ Alla.
Katerina mietet nhar il-15 ta’ Settembru tas-sena 1510 wara ħajja iddedikata lill-fqar, lill-morda u dawk fil-bżonn.