Ħudu l-Ispirtu s-Santu

Pentekoste

Illum huwa l-aħħar Ħadd ta’ Żmien il-Għid. Illum niċċelebraw il-festa ta’ Pentekoste, meta nfakkru l-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli u l-bidu tal-Knisja. Il-qari kollu tal-lum jenfasizza r-rwol tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja …kien l-Ispirtu s-Santu li taha l-ħajja u huwa l-istess Spirtu s-Santu li permezz tad-doni tiegħu, ikabbarha u jsaħħaha. Fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli, nisimgħu dwar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ riħ u nar. Id-dixxipli kienu magħluqa mbeżżgħin flimkien, meta riħ qawwi mela l-kamra u fuqhom dehru ilsna tan-nar. Huma mtlew b’kuraġġ kbir u ħarġu minn hemm biex iwasslu t-tagħlim ta’ Ġesù, u l-Ispirtu s-Santu ppermetta li dawk kollha li semgħuhom, jifhmuhom, għalkemm ma kienux kollha jitkellmu l-istess lingwa. Dan kien il-bidu tal-Knisja. Dak in-nhar ħafna li semgħu lid-dixxipli, emmnu u kkonvertew. 

Fit-tieni qari, San Pawl jenfasizza r-rwol tad-doni mogħtija mill-Ispirtu s-Santu, mogħtija biex isaħħu u jqawwu l-ġisem ta’ Kristu, li aħna lkoll parti minnu. Aħna lkoll nirċievu dawn id-doni, imma mhux kulħadd jirċievi l-istess. Minkejja dan, ilkoll mistennija li nużaw dawn id-doni għall-ġid tal-Knisja, u mhux għall-ġid personali tagħna. San Pawl jenfasizza li għalkemm kulħadd differenti, kulħadd importanti u jqabbel il-membri tal-Knisja mal-membri tal-ġisem uman, li kollha jaħdmu flimkien b’sinerġija. Kulħadd għandu doni u talenti partikolari, u dawn huma kollha meħtieġa biex il-Knisja tinbena b’mod sħiħ. Kulħadd għandu r-rwol partikolari tiegħu u li jista’ jaqdih hu biss. Fil-Knisja ta’ Ġesù, ħadd ma hu żejjed. Din l-idea ta’ ġisem wieħed, torbot ħafna mar-rakkont tal-Atti tal-Appostli, fejn l-Ispirtu s-Santu ppermetta li dawk kollha li semgħu lill-appostli fehmuhom. Għalhekk il-festa ta’ Pentekoste tgħinna biex niftakru li għalkemm fil-Knisja hemm diversità kbira fil-membri tagħha, fl-istess ħin hemm unità fit-twemin tagħna. Nitolbu għalhekk biex l-Ispirtu s-Santu jħeġġiġna lkoll biex naqdu lill-oħrajn bit-talenti tagħna u b’hekk nibnu u nsaħħu lill-Knisja. 

L-Evanġelju meħud minn San Ġwann jirrakonta l-ġrajja ta’ meta Ġesù ta l-Ispirtu s-Santu lill-appostli. Din il-ġrajja, li hi differenti minn dik rakkuntata fl-Atti tal-Appostli, ma għandix tgerfixna … Ġesù kien wiegħed lill-appostli li mhux ser iħallihom waħedhom, iżda kien ser jibgħatilhom għajnuna, u f’dan ir-rakkont narawh li żamm kelmtu. Ġesù jonfoħ fuq l-appostli u jagħtihom l-Ispirtu s-Santu; din toħodna lura għall-ġrajja tal-ħolqien meta Alla nefaħ fuq il-bniedem biex tah il-ħajja. F’dan ir-rakkont, Ġesù jonfoħ fuq l-appostli biex jagħtihom ħajja ġdida, b’qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

F’dan l-Evanġelju nisimgħu lil Ġesù jagħti l-paċi lid-dixxipli, “Is-sliem għalikom,” jgħidilhom għal darbtejn. Imbagħad, wara li jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, ikellimhom dwar il-maħfra. Għandna bżonn l-Ispirtu s-Santu, kemm biex ikollna l-paċi, kif ukoll biex nitolbu l-maħfra, nirċievu maħfra u naħfru lill-oħrajn. Il-maħfra u l-paċi, jimxu id f’id.

Bħala ġenituri, l-Ispirtu s-Santu jgħinnkom biex twasslu dawn id-doni ta’ paċi u maħfra, lill-familja tagħkom. Titolbu skuża lit-tfal jekk tiżbaljaw? Tgħinnuhom jaħfru lill-dawk li weġġgħuhom? X’eżempju tatuhom meta jitolbu skuża? Vera taħfrulhom, jew tibqgħu tfakkruhom f’dak li jkunu għamlu? Kif tgħinnuhom ikunu ħbieb vera?

L-istess Spirtu s-Santu li ngħata lill-appostli, ġie mogħti lilna wkoll. Hu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixu ta’ vera nsara, biex inkunu xhieda ta’ Ġesù kemm fil-familji tagħna u ma’ kulmin inkunu. L-Ispirtu s-Santu ma ġiex mogħti lilna fil-magħmudija u fil-griżma tal-Isqof u daqshekk. L-Ispirtu s-Santu jagħti l-ħajja, jekk inħalluh jaħdem fina u permezz tagħna, hu jmexxina biex nilħqu l-milja tagħna u l-pjan li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 20, 19-23) 

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Il-bibien kienu magħluqa biex iżommu lill-kulħadd il-barra, iżda f’daqqa waħda sabu lil Ġesù fosthom. Ġesù mal-ewwel jagħtihom il-paċi tiegħu. Hemm xi ħaġa li qed iżomm lil Ġesù l-bogħod minnek, qed tagħlaqlu xi bieb lil Ġesù? Ħallih jidħol, għax Ġesù biss jista’ jagħtik il-paċi li għandek bżonn. Dur lejn l-Ispirtu s-Santu kull darba li tħossok imbeżża, itolbu biex jagħtik il-paċi.
  4. Kemm ilek ma tmur tqerr? Temmen li Alla jaħfirlek id-dnubiet tiegħek? Xi jfisser dan għalik? Kun af li jekk aħna ma nemmnux li Alla jaħfrilna, aħna ma nistgħux naslu li naħfru lill-oħrajn jew naċċettaw il-maħfra tagħhom.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn  San Ġwann (20, 19-23)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħmar
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Meta hu l-birthday tagħkom? X’tagħmlu dak in-nhar?

Illum il-birthday tal-Knisja, jiġifieri bħal-lum, ħafna u ħafna snin ilu, bdiet il-Knisja li aħna parti minna wkoll. Il-Knisja mhijiex dak il-bini fejn aħna mmorru biex nisimgħu l-quddies u nitolbu; il-Knisja hija dawk kollha li jkun hemm fiha … jiġifieri n-nies. U knejjes hawn madwar id-dinja kollha. Il-Knisja għalhekk hija dawk in-nies kollha li jemmnu f’Ġesù, iħobbuh u jixtiequ jgħixu bħalu.

Il-Knisja bdiet wara li Ġesù miet. Ġesù kien għallem lill-ħbieb tiegħu, imma huma beżgħu jgħallmu lin-nies, għax ma riedux li s-suldati jaqbduhom u joqtluhom. Imma Ġesù wegħedhom li jagħtihom l-għajnuna. Illum ser nisimgħu dwar din l-għajnuna li bagħtilhom Ġesù, u li tagħthom il-kuraġġ biex joħorġu jgħallmu lin-nies dwar Ġesù u l-imħabba ta’ Alla.

  • L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-għajnuna biex inkunu tfal bravi li nħobbu lil Ġesù
  • Kejk 
  • Xemgħat 
  • Tvalja ħamra

Min hu l-Ispirtu s-Santu? Kull darba li nroddu s-salib, insemmu l-Ispirtu s-Santu. Ejjew inrodduh flimkien: Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu dak li għalkemm ma narawhx, għandna nitolbuh biex jgħinna nagħmlu għażliet tajba. Fl-ewwel qari tal-lum, smajna kif l-appostli kienu kollha flimkien ġo kamra. Huma kienu qed jibżgħu li jaqbduhom u joqtluhom, kif kienu għamlu lil Ġesù. Huma xtaqu li jgħallmu lin-nies, kif kien għamel Ġesù, imma kienu qed jibżgħu ħafna. Meta ġie l-Ispirtu s-Santu, huma ma baqgħux jibżgħu, ħarġu kollha kemm huma u bdew jitkellmu dwar Ġesù. 

L-Ispirtu s-Santu, lilna wkoll jagħtina l-għajnuna u l-kuraġġ u jagħtina wkoll is-saħħa biex ngħidu le għal dak li hu ħażin. Pereżempju nkissru xi ħaġa d-dar għax ma konnix qegħdin attenti u qagħdna nilgħabu bil-ballun ġewwa, meta nafu li mhux suppost nagħmlu dan. Nafu wkoll, li l-ġenituri tagħna ser jirrabjaw magħna u forsi naqilgħu xi kastig ukoll. X’nagħmlu? Ngħidu l-verità jew ngħidu gidba? L-Ispirtu s-Santu, jgħinna ngħidu l-verità. 

Illum għandna xi ħaġa tajba! Għandna kejk, għax qegħdin niċċelebraw il-birthday tal-Knisja. Imma dan il-kejk ser jgħinna nitgħallmu xi ħaġa dwar l-Ispirtu s-Santu wkoll. Il-kejk qiegħed fuq tvalja ħamra. L-aħmar, huwa l-kulur li jilbes il-qassis fil-festa ta’ Pentekoste, huwa l-kulur tal-Ispirtu s-Santu. L-aħmar ifakkarna fl-imħabba … il-qalb dejjem ħamra npenġuha. L-Ispirtu s-Santu mhux biss iħobbna, imma jgħallimna nħobbu lill-oħrajn ukoll. L-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb, u meta nagħmlu t-tajjeb inkunu qegħdin inħobbu. 

Fuq il-kejk hemm ix-xemgħat. Ix-xemgħat mixgħulin. X’jagħmel in-nar? (isaħħan, isajjar, jaħraq). In-nar ukoll huwa simbolu tal-Ispirtu s-Santu. Bl-istess mod li  nar qawwi jaħraq u jeqred foresti kbar, l-Ispirtu s-Santu jista’ jneħħi (jeqred) dak kollu li hu ħażin. Meta fix-xitwa jkun il-bard, aħna noqgħodu qrib xulxin madwar il-heater jew fireplace. Bl-istess mod l-Ispirtu s-Santu jresaqqna lejn xulxin biex inkunu ħbieb ma’ kulħadd. L-ikel irid in-nar biex isir tajjeb, u l-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu dak kollu li hu tajjeb.

Kif ser nitfu x-xemgħat? (nonfħu fuqhom) Irridu n-nifs, jew ir-riħ biex ix-xemgħat jintfew. Aħna ma nistgħux naraw in-nifs jew ir-riħ, imma nistgħu naraw l-effett tagħhom, f’dan il-kas, jekk nonfħu x-xemgħat, huma jintfew. Lanqas lill-Ispirtu s-Santu ma nistgħu naraw, imma naraw l-effett tiegħu … kull darba li aħna nagħmlu dak li hu tajjeb, jew naraw lil xi ħadd jagħmel it-tajjeb, inkunu qed naraw il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fina u fl-oħrajn.
Ħudu gost tieklu l-kejk u ftakru biex kuljum titolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinnkom issiru tfal bravi. Waqt li qegħdin tieklu l-kejk, isimgħu s-song, Holy Spirit fill me up.

Inroddu s-Salib (għiduh bil-mod ħa tisimgħu lilkom infuskom isemmu lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu)

Spirtu s-Santu, għinni biex jien inkun aktar bħal Ġesù, għinni biex inħobb lill-ġenituri tiegħi, lill-ħuti u lill-ħbieb. Għinni biex nagħmel dak li hu tajjeb speċjalment meta dan ikun diffiċli għalija. Ammen.

Illum nispiċċaw żmien il-Għid. Ilum hija l-festa ta’ Pentekoste, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli u tahom qawwa kbira biex jegħlbu l-biżgħat kollha li kellhom.  Din il-ġrajja nisimgħuha fl-ewwel qari tal-lum. Fl-Evanġelju nisimgħu lil Ġesù stess jagħtihom ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu.

  • Ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu ma rċewhx biss l-appostli, imma nirċevuh aħna wkoll
  • tajra

Fl-Evanġelju smajna li l-appostli kienu f’post bil-bibien magħluqa. Għalfejn kienu hemm? 

X’aktarx huma kienu qed jibżgħu li s-suldati Rumani jaqbduhom u joqtluhom, minħabba li huma kienu ħbieb ta’ Ġesù. 

X’qalilhom Ġesù meta daħal fil-kamra? (“Is-sliem għalikom.”)

L-appostli kellhom bżonn ħafna li jħossuhom fil-paċi! Il-biża ma tħallikx tkun fil-paċi! Ġesù kien jaf li huma kienu mbeżżgħin, għalhekk tahom dak li kellhom bżonn. Iżda Ġesù ried ukoll li huma jkomplu x-xogħol li beda hu. Ġesù ried li dawn il-ħbieb tiegħu, ikomplu jgħallmu lin-nies dwar Alla. Ma setgħux jagħmlu dan, jekk huma jibqgħu msakkra x’imkien. Għalhekk qalilhom, “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Ġesù ma waqafx hemm, tahom qawwa speċjali biex jegħlbu l-biża’ tagħhom, kellhom bżonn kuraġġ kbir. 

(nota lill-ġenitur … agħmel ta’ bir-ruħek li tisgħol f’wiċċ it-tfal mingħajr ma tgħatti ħalqek, u staqsi: X’ġara? Għalfejn iddejjaqt li sogħolt f’wiċċek?)

Aħna nagħttu ħalqna meta nisgħolu biex il-mikrobi ma jgħaddux għand l-oħrajn, biex huma ma jitteħdux. Fl-Evanġelju Ġesù jonfoħ fuq l-appostli. Ġesù ried li huma jittieħdu minnu. L-Ispirtu s-Santu kien mexxa lil Ġesù, kien tah il-qawwa u l-kuraġġ biex jgħallem, ifejjaq u jbati. Ġesù ried li l-appostli wkoll ikollhom din il-qawwa, għalhekk jagħtihom ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu. 

Intom qed tippreparaw biex dalwaqt jew fi ftit snin oħra, tirċievu s-sagrament tal-Konfermazzjoni. Ser tkunu qed titgħallmu aktar dwar l-Ispirtu s-Santu u d-doni li jagħtina, id-don tal-qawwa, għerf, fehma, għaqal, qawwa, xjenza, pjetà u biża’ ta’ Alla. Jekk tixtiequ taqraw aktar dwar ir-rigali tal-Ispirtu s-Santu u wkoll il-frott tal-Ispirtu s-Santu, żuru.

Għall-attività tal-lum, għandkom tajra. X’għandha x’taqsam it-tajra mal-Ispirtu s-Santu? 

X’għandha bżonn it-tajra? (ir-riħ)

Aħna nistgħu narawh ir-riħ? (le)

Għalkemm ma nistgħux naraw ir-riħ, nistgħu naraw l-effett tiegħu. Riħ qawwi jista’ jkisser u jaqla’ anke siġar kbar. Jekk tkun mixi barra, ir-riħ jimbuttak u jipprova jieħdok fejn irid hu! Bl-istess mod, aħna ma nistgħux naraw lill-Ispirtu s-Santu, iżda naraw l-effett tiegħu. L-Ispirtu s-Santu huwa mħabba, dak kollu li naraw li hu tajjeb, ġej mill-Ispirtu s-Santu. Kull tbissima, kull għajnuna, kull ferħ li niltaqgħu miegħu ġej mill-Ispirtu s-Santu. Bħar-riħ, li ma narawx, l-Ispirtu s-Santu jipprova jmexxina fit-triq li jrid hu, fid-direzzjoni t-tajba.

Jekk qegħdin barra u qegħdin ittajjru t-tajra, u ġbittuha kontra r-riħ, x’jiġrilha? It-tajra ser taqa’! It-tajra magħmulha biex tkun fl-ajru, meta taqa’ ma tkunx fejn suppost qegħda. L-istess aħna. Aħna maħluqa biex insiru l-aħjar li nistgħu nkunu. Dan nistgħu nilħquh bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, għalhekk meta mmorru kontra dak li jixtieq hu, ser nieħdu pass lura milli nikbru biex insiru aħjar. 

X’taħseb li qiegħed jgħidlek tagħmel l-Ispirtu s-Santu llum? Isimgħu s-song, dwar il-frott tal-Ispirtu s-Santu. Aħna jkollna dan il-frott, meta nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.

Inroddu s-salib

Ngħidu t-talba tal-Kredu, fejn nuru li aħna nemmnu fl-Ispirtu s-Santu.

Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx. U f’Mulej wieħed Ġesu’ Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien. Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier; u bih sar kollox. Niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna. U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont il-Kotba mqaddsa, u tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. U għandu jerġa’ jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u ssaltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja; li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu mequum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben; hu li tkellem b’fomm il-profeti. U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika. Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet. U nistenna l-qawma mill-imwiet, u l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.