Illum, 6 ta’ Awwissu, hija l-festa tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù. Għalhekk minflok il-qari tat-18-il Ħadd, nisimgħu minflok il-ġrajja ta’ meta Ġesù nbidel quddiem l-appostli fuq il-muntanja Tabor. Dan il-qari, diġà smajnih din is-sena, fit-2 Ħadd tar-Randan.
Ġesù jistaqsi lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, imorru miegħu fuq muntanja. Waqt li kienu hemm, Ġesù inbidel quddiemhom, ilbiesu sar jixgħel u wiċċu jiddi. Miegħu dehru wkoll Mosè u Elija. Minbarra hekk, instema’ leħen Alla li qal li Ġesù kien ibnu u li għandna nisimgħu lilu. Fit-tliet Evanġelji Sinottiċi (i.e., Mattew, Mark u Luqa huma magħrufa bħala t-tliet evanġelji Sinottiċi (i.e., mill-Grieg sun [flimkien] u ópsis [daqqa ta’ għajn]), għax tista’ tqegħedhom f’kolonni ħdejn xulxin u tarahom jaqblu ħafna saħansitra fl-ordni tar-rakkonti, għalkemm għandhom persepttivi ta’ teoloġija differenti, skont il-bżonnijiet tal-fidi tal-komunitajiet insara lil lilhom inkitbu, i.e., see, https://www.laikos.org/dps_db_16b.htm) it-Trasfigurazzjoni, isseħħ wara li Ġesù jkun għadu kif ħabbar il-mewt tiegħu, u jitkellem dwar ir-rwol ta’ dixxiplu. Din it-trasfigurazzjoni, għalhekk hija sors ta’ tama, fil-wegħda tal-glorja ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu, u tagħna.
Iżda aħna rridu ninbidlu, biex naslu għall-glorja tal-ġenna, irridu ninbidlu u ngħixu skont ma wriena u għallimna Ġesù. U x’ser iwassalna biex nieħdu din id-deċiżjoni li għandna ninbidlu? Hija l-fidi li twassal għat-trasformazzjoni tagħna. U l-fidi x’inhi? Il-fidi, hija l-ubbidjenza, ubbidjenza għad-direzzjoni li jurina Alla. Il-fidi mhux bilfors se ġġib magħha fehim. Personaġġi li niltaqgħu magħhom fil-Bibbja juruna dan b’mod ċar. Fosthom insibu, pereżempju lil Abram, raġel li kien diġà xjaħ, ma fhemx x’ridt Alla, fejn kienet se twasslu l-ubbiddjenza tiegħu, imma minkejja dan, hu għamel dak li qallu Alla. Alla lil Mosè kkmandah imur għand il-Fargħun u jitolbu jeħles lill-Iżraelin. Kif seta’ jifhem Mosè x’ried Alla minnu? Hu kien itemtem, u aktar minn hekk minħabba li hu kien qatel Eġizzjan, beża’ wkoll li meta jmur lura l-Eġittu, joqtlu lilu. Iżda l-fidi tiegħu f’Alla ġegħlitu jagħmel dak li kien ordnat. Kienet il-fidi lil Marija ġegħlitha taċċetta l-istedina ta’ Alla li ssir omm ibnu. Niftakru wkoll il-ġrajja tal-appostli li għamlu lejl sħiħ jistadu u ma qabdu xejn, imbagħad fuq l-ordni ta’ Ġesù, jerġgħu jitfgħu x-xbiek filgħodu u kontra għal dak li kien mistenni, jaqbdu ħafna ħut. Fil-ħajja tagħna wkoll, hemm okkażżjonijiet fejn trid tkun il-fidi tagħna, l-ubbidjenza tagħna għal Alla, li twassalna li nieħdu ċerta deċiżżjonijiet, għax it-triq li nkunu se naqbdu meta nieħdu din id-deċiżjoni ma tkunx ċara. Iżda nafdaw f’Alla u neħduha.
It-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù tagħtina tama, għal dak li għad jiġri lilna, ħajja ta’ glorja ma’ Alla fil-ġenna. Il-leħen ta’ Alla li jinstema f’din il-ġrajja, jurina kif nistgħu nkunu trasfigurati aħna wkoll. Irridu nisimgħu lil Ġesù. Fejn ser nisimgħu lil Ġesù? Nisimgħuh fil-qari tal-Bibbja, fl-omeliji u fl-laqgħat spiritwali, nisimgħuh b’mod speċjali fit-talb u fil-mumenti ta’ skiet.
Ma nistgħux iżda nieqfu hemm, irridu naċċettaw dak li qiegħed jgħidilna u nagħmluh. It-tagħlim ta’ Ġesù, irid isir dak li jmexxina fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Kemm hi sabiħa, kemm hi ta’ faraġ, il-parti fejn l-appostli jintefgħu mal-art bil-biża’, u Ġesù jersaq lejhom, imisshom u jgħidilhom biex ma jibżgħux. U magħna, Ġesù jagħmel u jgħid l-istess affarijiet. Ġesù qatt ma jħallina waħedna.