Madre Tereża

5 ta’ Settembru

Agnes Gonxha Bojaxhiu twieldet fis-26 ta’ Awwissu 1910 fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja. Saret magħrufa mad-dinja kollha bħala Madre Tereża ta’ Kalkutta. Kienet mara ċkejkna imma ġgant ta’ mħabba lejn Alla.

Ta’ tmintax-il sena, iddeċidiet li tidhol fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Madonna ta’ Loreto. Kien fl-10 ta’ Settembru, 1946, meta kienet fuq ferrovija għal xi eżerċizzji spiritwali li l-frażi ‘Għandi l-għatx!’ baqgħet tidwi ġo moħħha. Din kienet l-għajta ta’ Ġesù msallab fuq is-salib. Kellha tħalli l-kunvent biex tiddedika ruħha għall-ifqar fost il-fqar biex ma jibqgħux imutu mingħajr l-ebda dinjità u b’hekk jistgħu jmutu fil-paċi ta’ dejjem.

Fl-1950, id-djoċesi approvat il-kongregazzjoni ġdida ta’ Madre Tereża – il-Missjunarji tal-Karità. B’kollox qegħdin 5000 f’madwar 600 dar imferrxin madwar id-dinja. Barra t-tliet voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza, kull Missjunarju tal-Karità jieħu vot ieħor, dak ta’ servizz gratwit lejn l-ifqar fost il-fqar.

Madre Tereża rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi tal-1979. Dan il-premju  ngħatalha għall-isforzi umanitarji tagħha biex tgħin “l-ifqar fost il-foqra”.  Hi rrifjutat il-festa għad unur tagħha meta ngħatat il-Premju Nobel u l-flus tathom kollha lill-foqra tal-Indja. Hija ġiet deskritta bħala “l-Anġlu tal-Ħniena” iżda hija ddeskriviet lilha nnifisha bħala “lapes f’Idejn Alla biex tikteb l-ittra ta’ mħabba Tiegħu lid-dinja.”

Hi ġiet Malta fl-1967 u fl-1976. Fl-1989, is-sorijiet ta’ Madre Tereża fetħu dar f’Bormla biex jaqdu l-missjoni tagħhom fost dawk l-aktar fqar. 

Madre Tereża mietet f’Kalkutta fil-5 ta’ Settembru, 1997.  Kellha 87 sena. Fid-19 ta’ Ottubru 2003, il-Papa Gwanni Pawlu II iddikjaraha Beata. Madre Tereża ta’ Kalkutta kienet giet iddikjarata qaddisa fl-4 ta’ Settembru 2016, mill-Papa Franġisku.

Wara li taraw il-filmat mat-tfal, staqsuhom x’jaħsbu dwar kif inhi l-ħajja f’postijiet fqar.

Huwa diffiċli ħafna għal uliedna li jimmaginaw ir-realtà tat-tbatijiet li n-nies, speċjalment it-tfal jaffaċċjaw meta jgħixu f’dawn l-ambjenti.

  • Inkoraġġixxi lit-tfal akbar, biex ifittxu informazzjoni u stampi tal-postijiet f’Kalkutta, fl-Indja, fejn għexet Madre Tereża.
  • Spjega liż-żgħar xi tfisser tgħix fi slums, f’postijiet maħmuġa mċaħħad mill-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, ilma, sodod komdi, banjijiet u doċċi.

Dan l-eżerċizzju, mhux biss se jwassalhom biex japprezzaw ix-xoghol ta’ Madre Tereża iżda se jgħinhom ukoll biex japprezzaw tant affarijiet li jieħdu for granted.

Anke minn meta kienet tifla, Madre Tereża ħasset il-ħtieġa li taqsam dak li kellha mal-oħrajn u li tkun sensittiva għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Tkellem mat-tfal:

  • Dwar x’jistgħu jaqsmu ma’ ħaddieħor
  • Meta u fejn jistgħu jagħmlu dan
  • Ma’ min.

Madre Tereża kienet tgħid li “li tagħmel differenza jibda b’azzjonijiet żgħar.”

Ħeġġeġ lit-tfal jidentifikaw dawn l-“attivitajiet żgħar” li se jagħmlu differenza għal ħaddieħor (eż. li jagħmlu xogħol żgħir fid-dar mingħajr ma jintalbu jagħmluh!). Tista’ tagħti xi premju waqt ħin speċjali mal-familja lit-tifel/tifla li kien/kienet l-aktar ġentili u ta’ għajnuna.

Waqt il-ħin tat-talb tal-familja, ħeġġeġ lit-tfal jesprimu gratitudni għal esperjenza waħda speċjali u sabiħa li ferħithom f’dak il-jum partikolari.

Madre Tereża kienet soru li għenet u qdiet lill-foqra. Għalkemm kienet taf li Alla kien iħobbha, xorta ġieli ħassitha fid-dlam. Però dejjem baqgħet qrib Alla, waqt li servietu bit-talb. Fl-1979 rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi għax pruvat tikkumbatti l-faqar u b’hekk saħħet il-paċi.

Il-21 ta’ Settembru hu l-Jum Internazzjonali tal-Paċi, u biex niftakru f’din il-ġurnata u biex nimxu fil-passi ta’ Madre Tereża illum se nagħmlu poster bis-simbolu tal-Paċi!

Għandna bżonn:

  • Kartonċina kbira bajda
  • Żebgħa (kuluri differenti) u pinzell
  • Lapes

X’irridu nagħmlu:

  • Fuq il-kartonċina bajda, pinġi s-simbolu tal-paċi bil-lapes
  • Niżżel il-pinzell fi ftit żebgħa u pinġi lill-pala t’idejk u tal-familja tiegħek
  • Stampa idejk (biż-żebgħa) fuq is-simbolu tal-paċi
  • Irrepeti ż-żewġ tappi ta’ qabel b’kuluri differenti
  • Fittex kwotazzjoni sabiħa ta’ Madre Tereża u iktibha pulita madwar is-simbolu tal-paċi
  • Meta tinxef, dendel il-kartonċina x’imkien fid-dar
  • U tinsiex tieħu ritratt tagħha u tibgħatilna!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.