Forsi l-kelma li tispikka l-iktar mill-evanġelju tal-llum hija l-kelma “obgħod”. Il-kelma Griega oriġinali hija μισεω (mīséō) – u t-tifsiriet tagħha ivarjaw min “sfavur”, “ma taħmilx”, u “ma tatix każ”. Min dan l-aspett, sabiex nifhmu sew it-tifsira ta’ din il-kelma bil-mod ta’ kif qiegħed jużaħa Ġesù, għanna bżonn nifhmu l-kuntest. Fl-evanġelju ta’ din il-ġimgħa nsibu lil Ġesù jagħti parir lid-dixxipli tiegħu. Il-mistoqsija li qiegħed jirrispondi hi: “xi jfisser li wieħed ikun dixxiplu?”. Xi jfisser li aħna nkunu dixxipli veri ta’ Ġesù? Jeħtieġ li aħna nobgħodu lil dawk li nħobbu? Xejn min dan. Ikun kontradittorju ħafna min-naħa ta’ Ġesù, li kieku ordnalna nħobbu u nobgħodu fl-istess ħin!
Fil-parti aħħarija tas-silta, Ġesù juża parabbola. Hu jitkellem fuq dak “il-bniedem [li] beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar”. Hawnhekk, Ġesù għandu f’moħħu nies li huma dixxipli tiegħu (u possibbilment anke dawk li mhumiex) iżda li ħajjithom mhijiex awtentika. Is-sisien tagħha mhumiex b’saħħithom biżżejjed – jiġifieri, mhumiex primarjament mibnija fuq Alla. Is-sisien jistgħu ma jkunux b’saħħithom biżżejjed għal bosta raġunijiet – iżda hawnhekk Ġesù qiegħed jirreferi għal tip ta’ aġir partikulari, wieħed li hu komuni ħafna magħna l-bnedmin. Dan huwa aġir li aħna suxxettibbli hafna għalih iżda li jxekkel ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù (u allura, is-sħuħija tagħna). Dan l-aġir, fi ftit kliem, hu t-tendenza tagħna li nintrabtu ma ċertu affarijiet jew nies b’mod estrem. Il-filosofu, teologu, u mistiku Ġermaniż, Meister Eckhart tkellem u rrifletta ħafna fuq din il-ħaġa. Hu magħruf għall-kliem tiegħu li jgħid: “kulma jitolbok Alla hu li toħroġ minnek innifsek – sabiex tħalli lil Alla ikun Alla fik!”. Huwa eżattament dan li qiegħed ifisser Kristu meta jgħid “min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu”. Sabiex inkunu dixxipli veri ta’ Ġesù, jeħtieġ li aħna “noħorġu minna nfusna”. Dan ifisser li ma nħallu xejn jiġi bejnietna u bejn ir-rieda t’Alla. Xejn mhu iktar prezzjuż minn dak li jrid Alla – kemm dawk li nħobbu, u anke ħajjitna stess.
Dan kollu jista’ forsi jinstema u jinħass xi ftit estrem u tiranniku. Għal liema raġuni Alla, li hu l-imħabba nnifisha, jordnalnha biex nippreferuħ fuq il-bnedmin ħbiebna? Ġesù ma jgħidilniex li meta nħobbu lilu, inkunu qiegħdin inħobbu lill-oħrajn?
Huwa kruċjali nifhmu li Alla ma jordnalniex biex inħobbu lilu iktar, b’mod u intenzjoni li hija kompetittiva. Alla huwa l-imħabba innifisha, u l-imħabba mhijiex esklussiva, iżda inklussiva. Apparti minn hekk, Alla m’għandux bżonn l-imħabba tagħna. Huwa aħna li għanna bżonn inħobbuħ! Dan għaliex, nistgħu inħobbu lill-oħrajn (ikunu min ikunu) b’mod veru, biss jekk aħna nkunu kapaċi bħalma jħobbhom Alla. Sabiex inkunu kapaċi nħobbu bħalma jħobb Alla, jeħtieġ li aħna nkunu ħaġa waħda miegħu! Fi kliem ieħor, nistgħu nħobbu lil oħrajn verament, biss jekk ikollna l-imħabba t’Alla ġo fina. Kif jista jkollna l-imħabba t’Alla ġo fina, jekk hemm affarijiet li qed jidħlu bejnietna u bejn Alla? Kif nista’ nkun ħaġa waħda m’Alla, jekk inħobb lil ħajti iktar minn Alla? Kif nista’ nkun ħaġa waħda m’Alla, jekk jien marbut/a mal-flus, mal-karriera, mal-ambizzjonijiet, mar-reputazzjoni, iktar milli jien marbut/a m’Alla? Meta tħobb verament lil xi ħadd, ma tqis l-ebda min dawn l-affarijiet bħala iktar prezzjużi. Kulmeta nħobbu xi ħaġa iktar minn Alla, inkunu qegħdin nagħmlu idoli. Dan jagħmilna skjavi ta’ xi ħaġa temporanja, jiġifieri xi ħaġa li, xi darba jew oħra, għad tispiċċa – jagħmel sens li nkun tant marbut/a ma ħaġa bħal din? Jagħmel sens li wieħed jakkwista d-dinja kollha iżda jitlef ruħu?
Il-kelma “adorazzjoni” tiġi mil-kelma “nadura” – kif għandu jkun, aħna naduraw dak li jistħoqqlu adorazzjoni. Hemm xi ħaġa ta’ valur ogħla minn Alla – minn dak li ħalaq kollox, inkluż lilna nfusnha? U kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu, fl-ahhar, li meta nħobbu lil Alla mingħajr xkiel inkunu nistgħu nħobbu lill-oħrajn bl-ikbar imħabba – bl-imħabba t’Alla stess!
“l-imħabba perfetta ma tqisx, m’għandiex iktar jew inqas, m’għandiex livelli, għaliex hija waħda. Dan ifisser, li meta persuna tħobb lil Alla iktar minn xi bniedem, din tkun qed taġixxi b’mod tajjeb, iżda mhux b’mod perfett. L-imħabba perfetta hija Alla, l-għajn ta’ imħabbitna” – Meister Eckhart