Il-qari ta’ din il-ġimgħa għandu ħafna xi jgħid, lilna lkoll. Forsi meta nisimgħu l-qari tal-llum, nitkażaw bil-kittieba u l-Fariżej. Dawn kienu jafu sew x’kien hemm miktub fl-Iskrittura, kienu jgħallmu lill-oħrajn dwar kif kellhom jgħixu biex jobdu l-Kelma ta’ Alla, iżda l-maġġoranza tagħhom, kienu jridu t-tifħir tan-nies, kienu aktar jgħixu biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies, milli jgħixu, għall-glorja ta’ Alla. F’dan il-qari, u anke f’oħrajn, nisimgħu lil Ġesù jikkundanna lill-kittieba u lill-Fariżej għall-imġieba tagħhom. Iżda, irridu nifhmu li Ġesù mhux qiegħed jikkundanna ċerta settur ta’ nies u mhux ieħor, imma qiegħed jikkundanna l-imġieba tagħhom.
Din it-tip ta’ mġieba għadna nsibuha llum ukoll; insibuha f’membri tal-Knisja, u nsibuha aktar viċin ukoll, fina nfusna. Bil-Malti ngħidu, ‘bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti.’ Kemm hu aktar faċli tgħid lil xi ħadd kif għandu jġib ruħu, milli nagħmlu aħna dak li qed nippritkaw. Bħala ġenituri, tista’ tiġrilna numru ta’ drabi. Kemm il-darba nwissu lit-tfal biex jobdu, imma mbagħad aħna nagħmlu bil-maqlub? Aħna nobduhom il-liġijiet, mhux biss tal-Knisja, iżda wkoll ċivili? Jew nawġuhom u ninterpretawhom skont il-bżonn u kif jaqblilna?
X’parir jagħtina llum Ġesù? Il-Fariżej ma kienux nies li wieħed kellu jimithom, iżda fl-istess ħin huma kienu għalliema tajba. Għalhekk lin-nies, Ġesù jgħidilhom li kellhom jisimgħu dak li jgħidu l-Fariżej, iżda mbagħad ma jagħmlux dak li jagħmlu huma. Fir-realtà, insibuha diffiċli mmens li nagħtu widen lil xi ħadd li jmur kontra dak li hu stess jippriedka. Għalhekk dan l-Evanġelju għandu jservina biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Kollha kemm aħna ninfluenzaw lil xi ħadd, l-ewwel u qabel kollox fid-dar, imma aħna wkoll ta’ eżempju fuq il-post tax-xogħol, fil-knisja u fil-parroċċa, fil-ħwienet u postijiet pubbliċi oħra, kif ukoll fuq il-medja soċjali. Kemm hi importanti għalina d-dehra tagħna, il-ħwejjeġ li nilbsu, id-dar fejn noqgħodu, il-karozza, il-vaganzi li nieħdu? Kemm hu importanti għalina, x’jaħsbu fuqna n-nies?
Id-definizzjoni li jagħti Ġesù, x’aktarx tmur kontra l-ħsibijiet tagħna dwar kif għandu jkun mexxej jew kap. Ġesù jgħid “il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Il-kbir f’għajnejn Alla huwa dak li jaqdi lill-oħrajn, dak li juża t-talenti tiegħu għall-ġid tal-oħrajn, dak li jipprova jogħġob lil Alla u mhux lil dawk ta’ madwaru.
Il-qari tal-lum għalhekk jurina, li l-imġieba tagħna, tgħallem ħafna. Nibdew mit-tfal tagħna stess, li minn ċkunithom jimitaw dawk li nagħmlu aħna l-kbar. Għalhekk għandna responsabbiltà biex neżaminaw il-mod li ngħixu u nġibu ruħna. L-Evanġelju wkoll jistaqsina neżaminaw kemm nagħtu importanza għal dak li n-nies jaħsbu fuqna. Iwissina wkoll dwar l-attenzjoni żejda li nagħtu lilna nfusna. Ġesù jgħidilna li l-aktar importanti għalina hu li naqdu lill-oħrajn b’umiltà, u li l-kliem tagħna għandu jkun xhieda ta’ dak li nemmnu bħala nsara ta’ vera.