Ma rridx!

Is-26 Ħadd ta’ Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar l-għażliet. Kuħadd, kuljum, ikollu jagħmel numru ta’ għażliet. Ġieli jkunu għażliet tajba, oħrajn le. Kull għażla ġġorr magħha konsegwenza. L-għażliet li nagħmlu ma humiex kollha tal-istess importanza. Hemm dawk li malajr naslu li niddeċieduhom, iżda għażliet oħrajn ikunu jridu aktar ħsieb. Hemm għażliet li nagħmluhom mingħajr ma nkunu nfluenzati minn ħadd, oħrajn fejn dawk ta’ madwarna jew is-sitwazzjoni li nkunu fiha, ixxaqlibna lejn l-għażla li nispiċċaw nagħmlu. Mhux l-għażliet tajba kollha jġibu magħhom sodisfazzjoni. Ġieli sibtu li wara li għamiltu għażla tajba, tliftu xi ħbieb, jew ċans ta’ promozzjoni, jew telf ta’ flus per eżempju? Minkejja t-tbatija marbuta ma’ din l-għażla li kienet tajba, il-kuxjenza tkun fil-paċi. Jiġri l-oppost meta l-għażla tkun ħażina. Għalkemm jista’ jkun li niksbu dak li xtaqna, il-kuxjenza tagħna tniggiżna u ma nkunux fil-paċi. Alla huwa mħabba. Huwa jrid li ngħixu fil-paċi u b’ferħ ġo qalbna. Alla jaf li fil-ħajja tagħna se jkun hemm numru ta’ drabi meta nagħmlu dawn l-għażliet ħżiena. Hu għalhekk, meta jara li ddispjċina, jerġa jagħtina ċans ieħor permezz tas-sagrament tal-qrar. 

Il-parabbola tal-lum toffri sfida. Turina li dak li nagħmlu huwa ferm aktar importanti minn dak li ngħidu li se nagħmlu. L-indiema hija importanti. Li nindem ifisser li ninbidel għall-aħjar. Ġesù faħħar lil dak li l-ewwel ma obdiex u ma riedx jgħin lil missieru, iżda mbagħad bidel fhemtu u mar. Il-kliem waħdu ma huwiex biżżejjed. Ġesù kien ċar ħafna meta qal: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21) Li nemmen f’Alla ma huwiex kollox. Irrid ngħix ħajja li tirrifletti dan it-twemmin. Li ngħid li nħobb lil Alla, mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ nuri dan fil-mod kif ngħix. Dan għandu jsir ukoll fil-familja tagħna u ma ħbiebna. Nista’ ngħid lit-tfal “Inħobbok” minn filgħodu sa filgħaxija għaliex dan ma jkun ifisser xejn jekk l-azzjonijiet tiegħi ma jirriflettux din l-imħabba. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 21, 28-32)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.

Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”. Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. F’dawn l-aħħar ġranet 
    – kien hemm xi għażiet li għamilt minħabba pressjoni jew influenza ta’ ħaddieħor?
    – tajt il-kelma lil xi ħadd li se tagħmel xi ħaġa u spiċċajt biex ma għamilthiex?
    – ma għamiltx dak li kont taf li kont fid-dmir li tagħmlu?
    – x’kienu l-għażliet tajba li għamilt?
  4. X’tista’ tagħmel biex ma terġax tirrepeti l-għażliet ħżiena li għamilt?
  5. Itlob Salm 119 (1-8)

Henjin dawk li triqthom bla ħtija, 
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, 
u li jfittxuh b’qalbhom kollha.
Huma ma jagħmlux ħażen, 
iżda jimxu fit-triqat tal-Mulej.
Int tajt il-preċetti tiegħek, 
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi 
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!
Imbagħad ma jkollix għax nistħi, 
la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.
Imbagħad infaħħrek b’qalb safja. 
Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.
Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; 
la tħallinix għalkollox!

  1. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (21, 28-32)
    ii. Xemgħa mixgħula
    iii. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja, xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  2. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  3. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

 

Illum, Ġesù ser jgħidilna parabbola oħra. Din il-parabbola hija dwar żewġt aħwa u l-papa tagħhom. Tfal, naħseb din l-istorja se tifhmuha sew għax jista’ jkun li xi darba għamiltu bħal dawn l-aħwa intom ukoll!

  • Xi drabi nagħmlu affarijiet li Ġesù ma jieħdux gost bihom
  • Ġesù jridna li meta nindunaw li għamilna għażla ħażina, jiddispjaċina u nippruvaw ma nerġgħux nagħmlu l-istess
  • Jekk ngħidu li se nagħmlu xi ħaġa, nagħmluha
  • mudell tal-qalb, ipprintjajta fuq kartonċina/karta ħamra
  • felt pens
  • stickers

X’ġara f’din l-istorja li qal Ġesù? (it-tfal jgħidu l-istorja)

Il-papa ta’ dawn it-tfal kellu bżonn l-għajnuna tagħhom, Il-kbir l-ewwel qal li ma riedx imur, iżda mbagħad mar, u t-tieni wieħed l-ewwel qal li se jmur jgħinu u ma mar xejn!

Qatt ġralkom xi ħaġa bħalma ġara lill-papa ta’ din l-istorja? Per eżempju, lill-papa staqsejtu biex jieħdok il-bandli. U l-papa qallek li tmorru, iżda l-ewwel trid tlesti l-homework. Nagħmlu mod li inti l-homework lestejtu, iżda l-papa xorta ma ħadekx il-bandli għax kien laħaq beda jara logħba tal-football fuq it-televsion. Kif ħassejtek?

Jista’ jkun li ġara bil-maqlub! Il-papa qallek li ma jistax jieħdok fuq il-bandli għax ried jara l-logħba fuq it-television, iżda mbagħad għajjatlek u ħadek il-bandli. Issa kif ħassejtek? Liema tippreferi?

Jista’ jkun li xi darba għamilt inti bħalma għamlu dawk it-tfal tal-istorja li qal Ġesù.

Tiftakru xi darba meta l-mama jew l-papa staqsewkom tagħmlu xi ħaġa, għidtu li se tagħmluha u bqajtu ma għamiltuhiex? Per eżempju l-mama staqsietek titfaħ il-bieb tal-bitħa, għax il-kelb ried jidħol. Forsi kont aljenat tilgħab, u lill-mama għidtilha ‘iva, sejjer niftaħlu’ imma bqajt tilgħab u lanqas wara li spiċċajt tilgħab, xorta ma mortx u daħħalt lill-kelb ġewwa. Jew ġara bil-maqlub; meta l-mama staqsietek biex tiftaħ lill-kelb, għedtilha li mhux se tmur, iżda mbagħad erġajt ħsibtha u mort u ftaħtlu.

Allura, liema darba tkun obdejt? Meta għidt li se tiftaħ lill-kelb u ma ftaħtlux, jew meta għidt li ma tridx tiftaħlu iżda wara ftit mort u ftaħtlu ?

Ġesù jixtieq li aħna nobdu dejjem u mal-ewwel (nota lill-ġenituri/adulti: jekk tħossu li hu l-kas fhiemu lit-tfal li Ġesù jrid li nobdu, ovvjament meta dak li qed jitolbuna nagħmlu, tkun xi ħaġa tajba). Madanakollu, Ġesù jaf ukoll li xi drabi aħna ma nobdux, u li hemm drabi oħra li l- ewwel ngħidu li ma rridux nobdu, iżda mbagħad nobdu u nagħmlu dak li staqsewna nagħmlu. Ġesù qiegħed jgħidilna li għalkemm tajjeb li nobdu mal-ewwel, tajjeb ukoll li meta nindunaw li ma konniex bravi, li ma obdejniex, jew nitolbu skuża jew jekk għadna fil-ħin,nagħmlu dak li staqsewna biex nagħmlu.

U tafu xiex? Ġesù jgħidilna li meta nobdu aħna nkunu qed inħobbu lill-oħrajn. Meta nobdu lill-mama u lill-papa, inkunu qed nuruhom li nħobbuhom. U meta nħobbu lill-mama u lill-papa, inkunu qegħdin inħobbu lil Ġesù wkoll. Aħna xi kultant ninsew dak li staqsewna biex nagħmlu, hux vera? Mela matul din il-ġimgħa ħa nippruvaw nobdu u niftakru aktar malajr.

Fuq il-kartonċina ħamra, inpenġu qalb kbira u naqtgħuha. Fuqha niktbu, Meta nobdi, inkun qiegħed/qegħda nħobb. Matul din il-ġimgħa għal kull darba li nobdu, il-mama jew il-papa se jwaħħlulna sticker fuq din il-qalb. Kemm taħsbu li se jkollkom stickers fl-aħħar tal-ġimgħa? (nota lill-ġenituri: il-qalb nagħmluha proporzjon tal-istickers li għandna, jekk l-istickers huma żgħar, ma nagħmlux qalb kbira li fl-aħħar tal-ġimgħa xorta qisa se tidher vojta. L-għan ta’ din l-attività hija li nuru lit-tfal f’dawl pożittiv. Għalhekk, lanqas ma nħallu din l-attività tiżvilupp f’kompetizzjoni bejn l-aħwa, ta’ min għandu l-aktar stickers. Kull darba li twaħħlu sticker fakkru lit-tfal li meta jobdu, huma jkunu qegħdin iħobbu lil Alla. Fil-każijiet li ma jobdux, nitolbu magħhom biex darb’oħra jkunu aktar bravi. Meta jiddispjaċihom ngħidulhom li aħna naħfrulhom. Iċċelebraw aktar l-għażliet tajba tagħhom, iżjed milli tenfasizzaw l-għażliet ħżiena.)

Waqt li qegħdin nipprepraw il-qalb, nisimgħu I obey right away .

Irroddu s-salib.

Ġesù jien nixtieq inħobb lilek u lill-oħrajn ukoll.
Għinni biex nobdi, anke meta ma jkollix aptit. 

L-Evanġelju tal-lum se jagħtina parabbola oħra dwar missier li kellu żewġt itfal u kellu bżonnhom biex imorru jgħinuh fl-għalqa tad-dwieli.

  • Importanti li nżommu l-kelma li nkunu tajna
  • Li tindem tfisser li tinbidel u ssir aħjar
  • Ġesù jrid li nħobbu lil Alla u lil xulxin
  • Printout tal-logħba tal-Kmandamenti

Tistgħu tiftakru meta kienet l-aħħar darba li xi ħadd staqsiek tagħmel xi ħaġa? (it-tfal jingħataw iċ-ċans jaħsbu u jsemmu din l-okkażjoni)

X’għamilt? Mort u għamiltha dak il-ħin stess? Għamiltha aktar tard? Jew m’għamilthiex?

Kif ħassejtek wara?

Kif taħseb li ħassitha dik il-persuna li staqsietek għall-għajnuna?

Fl-istorja li qalilna Ġesù llum, kien hemm raġel u kellu żewġ ulied. 

Xi staqsa lill-ewwel tifel? (imur jgħinu fl-għalqa tad-dwieli)

X’qallu dan it-tifel? (qallu li ma riedx imur, iżda mbagħad bidel fehmtu u mar)

X’qallu t-tieni tifel? (qallu li se jmur, u ma mar xejn!)

Għalfejn taħsbu li t-tieni tifel ma marx l-għalqa?

X’taħsbu li jrid jgħidilna Ġesù b’din il-parabbola tal-lum? (dak li nagħmlu huwa mportanti; mhux biżżejjed li nuru li qegħdin nobdu bil-kliem. L-azzjonijiet tagħna juru jekk verament aħniex nobdu jew le).

Dak il-papa huwa bħal Alla u aħna bħal dawk l-aħwa. Ġesù qiegħed jgħidilna li meta Alla jurina dak li jixtieqna nagħmlu, għandna nagħmluh. Mhux biżżejjed li ngħidu li se nagħmluh, irridu nagħmluh ta’ vera. Dak it-tifel li l-ewwel qal li ma riedx imur jgħin lill-missieru, iżda mbagħad mar, nidem. Jiġifieri, bidel dak li qal li se jagħmel u għażel li jagħmel xi ħaġa aħjar. 

Meta intom tħobbu lil xi ħadd, x’tagħmlu?

Semmu xi nies li tħobbu.

Kif turuhom li tħobbuhom?

Mela meta nħobbu lil xi ħadd, nagħmlu affarijiet biex nuruhom li nħobbuhom. Lil Alla, kif nuruh li nħobbuh?

Niftakru li għalkemm mhux dejjem nagħmlu għażliet li juru li nħobbu lil Alla, dejjem nistgħu ninbidlu. Alla dejjem jibqa’ jħobbna. Alla dejjem jagħtina ċans biex ninbidlu u nsiru aħjar.

Intom tafuhom il-kmandamenti? 

X’inhuma?

Dawn m’humiex regoli li tana Alla biex jarana qalbna sewda u nkunu qisna ma nistgħu nagħmlu xejn. Dawn huma gwida għalina, biex meta nimxu fuqhom, nindunaw li aħna nkunu ferħana. Mhux dejjem se jirnexxielna nobdu dawn il-kmandamenti. Lanqas ma hu dejjem faċli li nobduhom. Ma jimpurtax. Alla jaf li mhux se jirnexxielna nobdu kull darba. Madanakollu hu jixtieq li bħal dak it-tifel li l-ewwel qal li ma jridx imur jgħin lil missieru, imbagħad mar, meta aħna nindunaw li għamilna għażla ħażina, jiddispjaċina u d-darba ta’ wara nippruvaw li ma nerġgħux nagħmlu l-istess żball. 

Tajjeb li nkunu nafu l-kmandamenti, iżda aktar importanti li nkunu nafu xi jfissru, biex inkunu nafu kif nobduhom. L-attività tal-lum se tgħina nagħmlu dan.

Aqtgħu max-xifer tal-kaxxa. Importanti li naqtgħu sew biex il-qies ma jinbidilx. Araw dan il-clip biex jgħinkom titwu din il-karta. Biex tibdew titwu żommu n-naħa fejn hemm il-kliem, wiċċha l-isfel. Jiġifieri, meta tagħmel l-ewwel tiwja tkun qed tara karta vojta. Meta titlesta araw min jaf l-aktar dwar il-kmandamenti.

Inroddu s-salib.

Ġesù, inti dejjem iżomm il-promises li tagħmel magħna. Aħna nixtiequ li nkunu bħalek u nżommu kellmitna wkoll. Għina biex nindunaw malajr bl-iżbalji li nagħmlu u nirranġawhom kemm jista’ jkun malajr.

Nisimgħu, I will obey.

Fir-rakkont tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù jindirizza lil grupp ta' nies partikolari. Dawn huma:

Correct! Wrong!

Fir-rakkont, Ġesù jsemmi żewġ ulied li kienu msejħin minn missierhom biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Lil min minnhom ifaħħar il-Mulej?

Correct! Wrong!

Ġesù jgħid li ċerti kategoriji tal-poplu, li xi wħud jarawhom f'dawl ikrah, jafu jkunu aktar ubbidjenti lejn Alla minn ħaddieħor u għalhekk jirtu l-premju tal-ġenna qabel ħaddieħor. Min huma dawn?

Correct! Wrong!

Kien hemm min emmen lil xi ħadd li ġie qabel il-Mulej biex iħejjilu t-triq, iżda skont Ġesù, mhux kulħadd kien lest li jilqa' lil dan il-'mibgħut'. Min kien dak il-profeta li Ġesù jsemmi?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.