L-Evanġelju tal-lum huwa dwar l-għażliet. Kuħadd, kuljum, ikollu jagħmel numru ta’ għażliet. Ġieli jkunu għażliet tajba, oħrajn le. Kull għażla ġġorr magħha konsegwenza. L-għażliet li nagħmlu ma humiex kollha tal-istess importanza. Hemm dawk li malajr naslu li niddeċieduhom, iżda għażliet oħrajn ikunu jridu aktar ħsieb. Hemm għażliet li nagħmluhom mingħajr ma nkunu nfluenzati minn ħadd, oħrajn fejn dawk ta’ madwarna jew is-sitwazzjoni li nkunu fiha, ixxaqlibna lejn l-għażla li nispiċċaw nagħmlu. Mhux l-għażliet tajba kollha jġibu magħhom sodisfazzjoni. Ġieli sibtu li wara li għamiltu għażla tajba, tliftu xi ħbieb, jew ċans ta’ promozzjoni, jew telf ta’ flus per eżempju? Minkejja t-tbatija marbuta ma’ din l-għażla li kienet tajba, il-kuxjenza tkun fil-paċi. Jiġri l-oppost meta l-għażla tkun ħażina. Għalkemm jista’ jkun li niksbu dak li xtaqna, il-kuxjenza tagħna tniggiżna u ma nkunux fil-paċi. Alla huwa mħabba. Huwa jrid li ngħixu fil-paċi u b’ferħ ġo qalbna. Alla jaf li fil-ħajja tagħna se jkun hemm numru ta’ drabi meta nagħmlu dawn l-għażliet ħżiena. Hu għalhekk, meta jara li ddispjċina, jerġa jagħtina ċans ieħor permezz tas-sagrament tal-qrar.
Il-parabbola tal-lum toffri sfida. Turina li dak li nagħmlu huwa ferm aktar importanti minn dak li ngħidu li se nagħmlu. L-indiema hija importanti. Li nindem ifisser li ninbidel għall-aħjar. Ġesù faħħar lil dak li l-ewwel ma obdiex u ma riedx jgħin lil missieru, iżda mbagħad bidel fhemtu u mar. Il-kliem waħdu ma huwiex biżżejjed. Ġesù kien ċar ħafna meta qal: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21) Li nemmen f’Alla ma huwiex kollox. Irrid ngħix ħajja li tirrifletti dan it-twemmin. Li ngħid li nħobb lil Alla, mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ nuri dan fil-mod kif ngħix. Dan għandu jsir ukoll fil-familja tagħna u ma ħbiebna. Nista’ ngħid lit-tfal “Inħobbok” minn filgħodu sa filgħaxija għaliex dan ma jkun ifisser xejn jekk l-azzjonijiet tiegħi ma jirriflettux din l-imħabba.