Patri Piju

23 ta’ Settembru

San Padre Pio ta’ Pietrelcina, magħruf ukoll bħala Patri Piju twieled fil-25 ta’ Mejju 1887 fir-raħal żgħir ta’ Pietrelcina, fl-Italja. Il-familja tiegħu kienu bdiewa. Ismu proprju kien Francesco Forgione. Minn età żgħira, wera devozzjoni kbira lejn Alla u kien magħruf għat-talb profond tiegħu u l-imħabba lejn il-fidi.

Fl-età ta’ 15-il sena, Francesco daħal fl-Ordni tal-Kapuċċini u ħa l-isem ta Patri Piju. Ġie ordnat saċerdot fl-1950. Ħajtu kienet mimlija diffikultajiet, inkluż mard serju li spiss affettwah, iżda dan qatt ma qatgħalu qalbu mill-vokazzjoni tiegħu.

Patri Piju kien magħruf bħala konfessur kbir. Kien iqatta’ sigħat twal jisma’ l-qrar tan-nies u jgħinhom jersqu aktar lejn Alla. Ħafna nies irrapurtaw li kellu doni speċjali, bħal li jaqra l-qlub tan-nies kif ukoll id-don tal-bilokazzjoni li bih kien rapurtat preżenti f’aktar minn post wieħed fl-istess waqt.  

Waħda mill-aktar affarijiet li hu magħruf għaliha hu li Patri Piju rċieva l-istigmata jew il-pjagi ta’ Kristu fuq ġismu fl-1918.  Dawn il-ġrieħi baqgħu miegħu għal ħafna snin u kienu jiġbdu l-attenzjoni ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja. Filfatt anke wara mewtu, id-devozzjoni lejh kompliet tikber.

Il-ħajja tiegħu hija xhieda ta’ fidi soda, sagrifiċċju u mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Patri Piju miet fit-23 ta’ Settembru 1968.  Fl-2002, gie kanonizzat mill-Papa Ġwanni Pawlu II u ddikjarat qaddis. 

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hu magħruf ukoll bħala s-Sagramet tal-Qrar. Huwa rit ta’ fejqan li fih persuna tistqarr dnubietha ma’ saċerdot u tirċievi l-maħfra u l-assoluzzjoni mingħand Alla.

Dan il-proċess jinkludi elementi ta’; li wieħed jagħraf in-nuqqasijiet u l-fallimenti tiegħu; li jesprimi sogħba; li jitlob u jirċievi d-don tal-maħfra u li jgawdi l-ferħ tar-rikonċiljazzjoni.

It-tfal jeħtieġ li jagħrfu dawn l-elementi fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, mhux biss biex japprezzaw aktar dak li jseħħ fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, iżda wkoll biex ikollhom il-pedamenti meħtieġa biex isiru adulti maturi, mingħajr ma jiżviluppaw it-tendenza li jakkumulaw rabja u sentimenti negattivi:

  • Li tammetti l-iżbalji hija sfida għaż-żgħażagħ. Huma għandhom it-tendenza li jitfgħu t-tort fuq ħaddieħor, u joqogħdu lura milli jerfgħu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom
  • F’mument ta’ kalma, wieħed jista’ jgħinhom jagħrfu n-nuqqasijiet tagħhom. Jeħtieġ li jirrealizzaw li, meta jegħlbuhom, isiru nies aħjar.
  • Membru tal-familja jista’ jsemmi sitwazzjonijiet li setgħu kienu diffiċli għalih biex jaċċettahom, pereżempju: Jien għażżien? Ngħid il-gideb? Inwaħħal f’ħaddieħor għal affarijiet li nagħmel jien? Nieħu xi ħaġa li mhijiex tiegħi? Ngħid kliem mhux edukat jew affarijiet ħżiena li jweġġgħu lill-oħrajn? Nobdi r-regoli tad-dar? eċċ.
  • It-ton tal-vuċi għandu jkun baxx u kalm, u mhux qawwi jew akkużatorju.

Li taħfer u li titlob maħfra dejjem se jibqgħu sfidi għan-nisrani.

  • Sib opportunità biex tisma’ lit-tfal jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar xi jfisser li taħfer, kif tħossok meta tagħmel dan, u x’inhu faċli jew diffiċli f’dan ir-rigward.
  • Ħeġġiġhom isibu eżempji ta’ kif jaħfru jew jitolbu maħfra. Dan ivarja skont l-età tagħhom.
  • Dan jista’ jsir permezz ta’ dak li t-terapisti tal-familja jsejħulu “laqgħa tal-familja għall-maħfra” — jekk jista’ jkun darba fil-ġimgħa, jew għallinqas meta tinħoloq il-ħtieġa. Dan joffri opportunità biex wieħed jirrikonċilja mal-membri tal-familja preżenti dakinhar stess, u biex jiġu proposti ideat dwar kif wieħed jista’ jirrikonċilja ma’ oħrajn.

Nistgħu nwasslu lit-tfal biex jifhmu l-ħbiberija tagħna ma’ Alla:

Isma’ l-ideat tagħhom dwar xi jfisser li jkollok ħabib u li tkun ħabib.

  • Ġesù hu l-ħabib tagħna; Hu dejjem magħna u dejjem lest jismagħna meta nkellmuh dwar kull ħaġa. Hu qatt mhu se jweġġagħna. Iżda xi drabi aħna nweġġgħu l-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù.
  • Meta nweġġgħu lill-oħrajn, jew meta nirrifjutaw li nitolbu maħfra jew li naħfru, il-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù ma tibqax sħiħa.
  • Jeħtieġ li nitolbuh il-maħfra wkoll: l-ewwel personalment u mbagħad fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fejn is-saċerdot jirrappreżenta lil Ġesù.

Mill-Bibbja tat-Tfal, ikkunsidra li tirrakkonta l-parabbola tal-Iben il-Ħali, billi toħroġ l-elementi tal-imħabba tal-missier, tad-dispjaċir, tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni.

Ħin tat-Talb mal-Familja:  Itolbu flimkien: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. It-tfal jistgħu jiġu mħeġġa jgħidu “Talba ta’ Skuża” sempliċi tagħhom stess. Toqgħodx taħsibha darbtejn biex tgħid tiegħek.

Patri Piju hu magħruf bħala San Piju ta’ Pietrelcina. Kien patri Taljan famuż u qaddis. Huwa qatta’ ħajtu kollha jgħin lin-nies, jitlob u jgħallem lill-oħrajn dwar l-imħabba ta’ Alla. Kien iqarreb lin-nies lejn Alla permezz tas-Sagrament tal-Qrar.

Patri Piju ried jagħmel aktar milli sempliċiment jitlob għall-morda. Ried jibni post fejn jieħu ħsiebhom. Huwa beda l-bini ta’ sptar kbir u modern fl-Italja u fforma bosta gruppi ta’ talb.  

San Piju ta’ Pietrelcina hu magħruf għall-pjagi (dbabar ħomor) li kienu jidhru fuq idejh u fuq saqajh, bħal Ġesù. Kien joffri t-tbatija tiegħu għall-erwieħ.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Esperiment tal-Qrar! (Staqsi adult biex jgħinek b’dan l-esperiment)

Peress li Patri Piju għin bosta nies joqorbu lejn Alla permezz tal-Qrar, illum se nagħmlu esperiment biex nifhmu x’inhu das-sagrament daqstant sabiħ.

Ħejji 3 buqari u fuqhom ikteb dan il-kliem, ‘Int’, ‘Dnub’, ‘Ġesù’. Imla l-buqar bl-isem ‘Int’ fuqu bl-ilma, l-buqar bl-isem ‘Dnub’ fuqu bl-ilma mħallat bi ftit assenza tal-kulur, u l-buqar bl-isem ‘Ġesù’ fuqu bil-bleach.

Innota d-differenza bejn dawn il-buqari permezz tas-sensi tal-ħars u tax-xamm.

Il-buqar bl-isem ‘Int’ hu ċar. Il-buqar bl-isem ‘Dnub’ hu maħmuġ. Il-buqar bl-isem ‘Ġesu’ hu ċar imma b’riħa qawwija.

Ferra’ ftit mil-likwidu tad-‘Dnub’ ġo l-‘Int’ u nnota kif dan jitħammeġ. Dan li jiġrilna meta nidimbu. Wara, ferra’ l-likwidu ta’ ‘Ġesu’ ġol-‘Int’ u ara x’jiġri.

Għandek tara li l-‘Int’ jerġa’ jiċċara.  Dan li jiġrilna meta mmorru nqerru. Issa li fhimna x’inhu l-Qrar, ejja mmorru nirċievu s-sagrament. Jekk ma tafx tqerr, ara dan il-vidjow. Jekk tibqa’ konfuż/a, ibqa’ kalm/a u staqsi saċerdot biex jgħinek u jiggwidak 😊

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.