Patri Piju

23 ta’ Settembru

San Patri Piju hu l-qaddis patrun tal-Qrar. Hu l-qaddis li ġarrab il-pjagi ta’ Ġesù għal parti kbira minn ħajtu.

Kien iqatta’ ħinijiet twal fil-konfessinarju. Permezz tas-sagrament tal-qrar, wassal lin-nies it-tgħanniqa ta’ Ġesù, li dejjem lest li jilqa’ lil kull min irid jerġa’ lejh. San Patri Piju rrifletta l-imħabba ta’ Ġesù u t-tbatija tiegħu sabiex isalvana permezz tal-pjagi tiegħu. Aħna nirriflettu l-imħabba ta’ Ġesù għalina meta naħfru lil min iweġġagħna, bħalma Hu jaħfer id-dgħufijiet tagħna.

Is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni ilu ħafna jissejjaħ bħala s-sagrament tal-Qrar. Dan is-sagrament iwassalna ‘lura d-dar’ sabiex nirċievu l-ferħ li ġġib magħha l-maħfra u s-saħħa li naċċettaw l-isfidi tal-ħajja biex nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.

Dan il-proċess iwassal biex wieħed jammetti l-fallimenti u d-dgħufijiet tiegħu, juri dispjaċir, jitlob u jilqa’ d-don tal-maħfra, u jgawdi l-ferħ tar-rikonċiljazzjoni.

It-tfal għandhom bżonn jagħrfu dawn l-elementi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan jgħinhom japrezzaw dak li jseħħ waqt is-sagrament tal-qrar, waqt li jgħinhom jimmaturaw, mingħajr ma jirrikorru għar-rabja u għar-riżentiment.

Iż-żgħażagħ ibagħtu biex jammettu li żbaljaw. Għandhom vizzju jwaħħlu f’ħaddieħor, u ma jiħdux responsabiltà għal għemilhom. Fis-silenzju, wieħed ikun jista’ jwassalhom biex jgħarfu d-dgħufijiet tagħhom. Iridu jaslu biex jifhmu li meta jegħlbu d-dgħufijiet tagħhom, isiru persuni aħjar. Xi ħadd fil-familja jista’ jsemmi ċirkostanzi li setgħu kienu diffiċli għalihom li jaċċettaw: eż. Jien għażżien/a? Jien nigdeb? Jien inwaħħal f’ħaddieħor għal dak li nagħmel? Jien nieħu affarijiet li m’humiex tiegħi? Jien ngħid kliem mhux xieraq, jew iebes li jweġġa’ lill-oħrajn? Jien nobdi r-regoli tad-dar? eċċ… It-ton tal-vuċi jrid ikun baxx, kalm, paċifiku u mhux ogħli u akkużatorju.

Li taħfer u li titlob maħfra jibqgħu dejjem ta’ sfida għan-Nisrani. Sibu ħin li tisimgħu lit-tfal jaqsmu ħsibijiethom dwar xi tfisser il-maħfra, kif iħossuhom meta jaħfru, jekk isibuhiex faċli jew diffiċli. Ħeġġuhom jagħtukom eżempji ta’ kif jaħfru jew jitolbu maħfra. Dan ivarja skont l-età tat-tfal. Dan il-proċess jissejjaħ “laqgħa ta’ maħfra għall-familja” mill-psikoterapisti. Għandu jsir darba f’ġimgħa jew meta jinqala’ l-bzonn. Dan il-proċess iwassal biex membri tal-familja jagħmlu paċi fil-pront. Waqtu, jingħataw ukoll idejat ta’ kif wieħed jista’ jirranġa ma’ ħaddieħor.

Nistgħu nwasslu lit-tfal biex jifhmu l-ħbiberija tagħna m’Alla. Isimgħu l-idejat tagħhom dwar xi jfisser li jkollok ħabib u li tkun ħabib. Ġesù hu l-ħabib tagħna. Dejjem magħna. Dejjem jisma’ kull ma ngħidulu. Ma jweġġagħna qatt. Imma aħna xi kuktant niksru din il-ħbiberija miegħu. Met nweġġgħu lill-oħrajn, meta ma nitolbux maħfra, meta ma naħfrux, il-ħbiberija tagħna titkisser. Irridu nitolbuH maħfra, b’mod personali u wkoll permezz tas-Sagrament tal-Qrar, fejn is-saċerdot jirrapreżenta ‘l Alla.  

Aħseb biex tgħid il-parabbola tal-Iben il-Ħali minn xi Bibbja għat-tfal u enfasizza l-imħabba tal-missier, is-sens ta’ dispjaċir, il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni.

Waqt il-ħin tat-talb, itolbu flimkien. “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Iċ-ċkejknin jistgħu jiġu mħeġġa jgħidu xi talba ta’ ndiema sempliċi fi kliemhom. Tiddejqux tgħidu t-talba tagħkom ukoll.  

Patri Piju hu magħruf bħala San Piju ta’ Pietralcina. Dan il-qassis famuż mal-anzjani tagħna hu magħruf sew madwar id-dinja għax iqarrab lin-nies lejn Alla permezz tas-sagrament tal-Qrar. Għin ħafna lill-foqra, bena sptar u fforma bosta gruppi ta’ talb. Patri Piju hu magħruf għall-pjagi (dbabar ħomor) fuq il-pali ta’ jdejh.

Esperiment tal-Qrar! (Staqsi adult biex jgħinek b’dan l-esperiment)

Peress li Patri Piju għin bosta nies joqorbu lejn Alla permezz tal-Qrar, illum se nagħmlu esperiment biex nifhmu x’inhu das-sagrament daqstant sabiħ.

Ħejji 3 buqari u fuqhom ikteb dan il-kliem, ‘Int’, ‘Dnub’, ‘Ġesù’. Imla l-buqar bl-isem ‘Int’ fuqu bl-ilma, l-buqar bl-isem ‘Dnub’ fuqu bl-ilma mħallat bi ftit assenza tal-kulur, u l-buqar bl-isem ‘Ġesù’ fuqu bil-bleach.

Innota d-differenza bejn dawn il-buqari permezz tas-sensi tal-ħars u tax-xamm.

Il-buqar bl-isem ‘Int’ hu ċar. Il-buqar bl-isem ‘Dnub’ hu maħmuġ. Il-buqar bl-isem ‘Ġesu’ hu ċar imma b’riħa qawwija.

Ferra’ ftit mil-likwidu tad-‘Dnub’ ġo l-‘Int’ u nnota kif dan jitħammeġ. Dan li jiġrilna meta nidimbu. Wara, ferra’ l-likwidu ta’ ‘Ġesu’ ġol-‘Int’ u ara x’jiġri.

Għandek tara li l-‘Int’ jerġa’ jiċċara.  Dan li jiġrilna meta mmorru nqerru. Issa li fhimna x’inhu l-Qrar, ejja mmorru nirċievu s-sagrament. Jekk ma tafx tqerr, ara dan il-vidjow. Jekk tibqa’ konfuż/a, ibqa’ kalm/a u staqsi saċerdot biex jgħinek u jiggwidak 😊

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.