Ħafna kienu dawk li ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù. Kien hemm min mhux biss ma aċċettax dan it-tagħlim, imma emmen li Ġesù kien marid mentalment. Fost dawn kien hemm anke qraba tiegħu. Kien hemm min akkuża lil Ġesù li kien qed jagħmel affarijiet f’isem ix-xitan. Iżda Ġesù jwaqqa’ dan l-argument, għal fatt, li, la hu kien qiegħed jeħles nies mill-ħakma tax-xitan, ma setax fl-istess ħin ikun qiegħed jaħdem favorih!
Fl-aħħar parti tal-Evanġelju, jerġgħu jissemmew il-qraba ta’ Ġesù, inkluż, ommu Marija. Irridu nifhmu li bil-kliem tiegħu, Ġesù ma kienx qiegħed jonqos mir-rispett lejn Ommu u l-qraba tiegħu. Huwa ried biss juri, li Alla jħobb lil kulħadd l-istess. Aħna lkoll il-familja ta’ Alla, u Alla ma għandux preferenzi. Rigward ir-referenza għal aħwa ta’ Ġesù, fil-kultura ta’ dak iż-żmien, qraba kienu jissejħu wkoll aħwa. B’dan il-kliem Ġesù qiegħed jgħidilna li jekk aħna nagħrfu lil Alla bħala Missierna, kull min jagħraf lil Alla bħala Missier, allura, huwa oħti jew ħija.
Ġesù jirreferi wkoll għall-maħfra tad-dnubiet. Aħna nemmnu li kull dnub jinħafer, jekk aħna nindmu minnu. Imma f’din is-silta, Ġesù qiegħed jgħid li hemm dnub li ma jinħafirx. X’irid jgħid Ġesù? Id-dnub li jsemmi Ġesù, “min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra,” huwa meta niċħdu lil Alla, induru kontrih, niċħdu t-tagħlim kollu ta’ Alla. F’dan il-każ, inkunu qed niksru kull relazzjoni li għandna ma’ Alla. Ma rridux nafu bih aktar. Kif jista’ allura Alla jaħfirli, jekk jien mhux qed indur lejh, jekk jien mhux qed nindem mid-dnub li għamilt? Huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nifhmu dak li Alla jrid jgħidilna, huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-għajnuna, il-kuraġġ u l-għerf biex nagħmlu dak li hu tajjeb u nimxu fit-triq it-tajba. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-qawwa biex nagħmlu għażliet tajba, u nsiru nixbħu, dejjem aktar, lil Ġesù. Għalhekk Ġesù, jiddeskrivih bħala dnub kontra l-Ispirtu s-Santu.