L-aħwa

L-10 Ħadd ta' Matul is-Sena B

Ħafna kienu dawk li ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù. Kien hemm min mhux biss ma aċċettax dan it-tagħlim, imma emmen li Ġesù kien marid mentalment. Fost dawn kien hemm anke qraba tiegħu. Kien hemm min akkuża lil Ġesù li kien qed jagħmel affarijiet f’isem ix-xitan. Iżda Ġesù jwaqqa’ dan l-argument, għal fatt, li, la hu kien qiegħed jeħles nies mill-ħakma tax-xitan, ma setax fl-istess ħin ikun qiegħed jaħdem favorih!

Fl-aħħar parti tal-Evanġelju, jerġgħu jissemmew il-qraba ta’ Ġesù, inkluż, ommu Marija. Irridu nifhmu li bil-kliem tiegħu, Ġesù ma kienx qiegħed jonqos mir-rispett lejn Ommu u l-qraba tiegħu. Huwa ried biss juri, li Alla jħobb lil kulħadd l-istess. Aħna lkoll il-familja ta’ Alla, u Alla ma għandux preferenzi. Rigward ir-referenza għal aħwa ta’ Ġesù, fil-kultura ta’ dak iż-żmien, qraba kienu jissejħu wkoll aħwa. B’dan il-kliem Ġesù qiegħed jgħidilna li jekk aħna nagħrfu lil Alla bħala Missierna, kull min jagħraf lil Alla bħala Missier, allura, huwa oħti jew ħija.

Ġesù jirreferi wkoll għall-maħfra tad-dnubiet. Aħna nemmnu li kull dnub jinħafer, jekk aħna nindmu minnu. Imma f’din is-silta, Ġesù qiegħed jgħid li hemm dnub li ma jinħafirx. X’irid jgħid Ġesù? Id-dnub li jsemmi Ġesù, “min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra,” huwa meta niċħdu lil Alla, induru kontrih, niċħdu t-tagħlim kollu ta’ Alla. F’dan il-każ, inkunu qed niksru kull relazzjoni li għandna ma’ Alla. Ma rridux nafu bih aktar. Kif jista’ allura Alla jaħfirli, jekk jien mhux qed indur lejh, jekk jien mhux qed nindem mid-dnub li għamilt? Huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nifhmu dak li Alla jrid jgħidilna, huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-għajnuna, il-kuraġġ u l-għerf biex nagħmlu dak li hu tajjeb u nimxu fit-triq it-tajba. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-qawwa biex nagħmlu għażliet tajba, u nsiru nixbħu, dejjem aktar, lil Ġesù. Għalhekk Ġesù, jiddeskrivih bħala dnub kontra l-Ispirtu s-Santu.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 3, 20-35)

F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”.

Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.

Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.

Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru, u qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Permezz tal-magħmudija, aħna nsiru membri tal-familja ta’ Alla. Kemm iħossok parti minn din il-familja? Li tkun parti minn familja, tfisser li tifhem x’inhu r-rwol tiegħek u taqdih mill-aħjar li tista’. X’taħseb li Alla qiegħed jistenna minnek?
  4. Sabiex inkunu parti mill-familja ta’ Alla, irridu nagħmlu l-almu tagħna biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Bħala ġenitur, x’qed tagħmel, biex it-tfal jagħmlu r-rieda ta’ Alla?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (3, 20-35)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Min huma l-membri tal-familja tiegħek?

Minbarra dawn (mama, papa, aħwa), għandek ukoll, nanniet, zijiet u kuġini. Kulħadd għandu familja, ta’ xi wħud tkun akbar minn ta’ oħrajn! Ġieli jkollna ħbieb li tant inkunu nħobbuhom li jsiru qishom parti mill-familja tagħna wkoll. Anke Ġesù kellu familja, u din se tissemma fl-Evanġelju tal-lum.

  • Aħna parti minn familja kbira, il-familja ta’ Alla
  • Printout
  • Kuluri u lapes

Il-familja tagħna hija rigal mingħand Alla. Alla jagħtina dan ir-rigal sabiħ biex ikollna min jieħu ħsiebna, biex ikollna ma’ min nilgħabu, il-familja tagħna tgħallimna, mal-familja tagħna ngħaddu ħafna ħin sabiħ. Iżda mhux dejjem naqblu. Ġieli ma nħobbux lil xulxin, jew anke niġġieldu bejnietna.

Illum smajna kif anke l-familja ta’ Ġesù mhux dejjem ħadu gost bih, f’din is-silta smajna kif riedu lil Ġesù jieqaf jgħallem, għax huma ma fehmux dak li kien qiegħed jgħid u dak li kien qiegħed jagħmel, u ħasbuh li kien ħabib tax-xitan!

Intom tafu li minbarra l-familja li semmejtu intom, aħna wkoll parti minn familja oħra? Aħna parti mill-familja ta’ Alla. Tafu min hemm f’din il-familja?

Kulmin inħobb lil Alla, u jagħmel dak li jixtieq, huwa parti minn din il-familja kbira. F’din il-familja ta’ Alla, ma hemmx biss nies li nafu, imma hemm ħafna ħafna nies li ma nafux, nies li ma jgħixux Malta, imma jgħixu fil-pajjiżi kollha tad-dinja! Għax aħna familja waħda, Ġesù jixtieq li aħna nħobbu lil xulxin, inħobbu anke lil dawk li ma nafux.

Intom xi tħobbu tagħmlu mal-familja tagħkom?

Tafu x’nistgħu nagħmlu mal-familja ta’ Alla?

Post li niltaqgħu fih huwa l-knisja, fejn flimkien inkantaw, nitolbu u nfaħħru lil Alla. Ġieli nibqgħu nitkellmu wara l-quddies, u nieħdu xi ħaġa flimkien u nsiru nafu aktar lil xulxin. Niltaqgħu fil-laqgħat tal-katekeżi, u laqgħat oħra tal-parroċċa. Kulmin iħobb lil Alla u jagħmel dak li jixtieq hu, huwa parti mill-familja, allura niltaqgħu magħhom kullimkien! Niltaqgħu l-iskola, il-bandli, għand tal-ħanut, fuq tal-linja. Meta nikbru nistgħu anke ngħinu lill-oħrajn, hemm min imur iżur anzjani li joqgħodu waħedhom, jixtrilhom, jitkellem magħhom jew iqarbinhom.

Hemm xi ħaġa li intom tistgħu tagħmlu biex turu li intom parti mill-familja ta’ Alla? (inkunu ħbieb ma’ kulħadd speċjalment ma’ dak li jkunu waħedhom, ngħinu fid-dar, il-kliem tagħna jkun kliem li ma jweġġgħax lill-oħrajn, nitolbu għall-oħrajn…)

Illum tgħallimna li l-familja ta’ Alla hija kbira ħafna. Ġieli rajtu xi stampa ta’ siġra b’ħafna ismijiet fiha? Insejħulha s-siġra tal-familja (jew arblu tar-razza) fejn fiha jkun hemm l-ismijiet tal-familja kollha. Fl-attività tal-lum, għandkom siġra bi spazju fejn se tiktbu ismijiet ta’ nies li huma parti mill-familja ta’ Alla. L-ewwel iktbu isimkom, imbagħad imlew iċ-ċriki (u anke fis-siġra) b’ismijiet ta’ nies li tafu li jħobbu lil Alla.

Wara li tlestu, isimgħu u kantaw, God’s family.

Inroddu s-salib

Grazzi Mulej tal-familja tiegħi u li jien ukoll parti mill-familja kbira tiegħek. Għinni biex jien dejjem nuru mħabba lejn ħuti. Ammen

Kulħadd għandu familja. Ġesù wkoll kellu familja. Ġieli għamiltu xi ħaġa li ma għoġbitx lill-bqija tal-familja? Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu kif xi qraba ta’ Ġesù ma tantx kienu ferħanin bil-mod kif kien qiegħed iġib ruħu Ġesù!

  • Kulmin jagħmel dak li jrid Alla, huwa parti mill-familja ta’ Alla
  • Il-familja ta’ Alla, insejħula wkoll, il-Knisja

Il-printout tal-attività tal-lum

  • Karti A4
  • Tape
  • Lapes
  • Imqass
  • Kartonċina

Sabiħ li jkollok familja, imma l-ebda familja ma hi perfetta. Xi darba jew oħra, kulħadd jiżbalja. Illum Ġesù jrid jgħallimna u jgħidilna li aħna mhux familja waħda għandna, imma aħna wkoll parti minn familja ħafna akbar – il-familja ta’ Alla. Aħna lkoll ulied Alla, għalhekk aħwa ta’ xulxin, u fuq kollox aħwa ta’ Ġesù. Ġesù jgħid li “Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Intom dejjem taqblu ma’ dak li jagħmlu l-membri tal-familja tagħkom? Dejjem taqblu ma’ dak li jgħidulkom tagħmlu?

Aktar ma nsiru nafu lil xulxin, u aktar ma nħobbu lil xulxin, aktar ningħaqdu bħala familja. L-istess jiġri fil-familja ta’ Alla. Din il-familja ta’ Alla, insejħulha wkoll il-Knisja. Ġesù jgħidilna li biex tikber l-imħabba u l-għaqda bejnietna, irridu dejjem nisimgħu dak li qiegħed jgħidilna Alla, irridu nħallu lil Alla jaħdem permezz tagħna.

Intom qatt kellkom xi proġett l-iskola u ħdimtu bħala team? Jew inkella kien hemm xi biċċa xogħol id-dar u ħdimtu flimkien? X’ġara?

Meta naħdmu flimkien huwa aktar possibbli li nagħmlu dak li hemm bżonn, u dan nagħmluh aħjar u f’aqsar żmien. L-istess fil-Knisja, meta naħdmu flimkien, nistgħu nagħmlu affarijiet tal-għaġeb. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu qegħdin naħdmu flimkien, kif inġibu ruħna meta aħna lkoll parti mill-istess familja?

Ftakru dan li semmejtu għax issa ser tużawh għall-attività tal-lum. Agħmlu l-katina ta’ nies kif hemm fl-istruzzjonijiet. Meta tlestu u tiftħu l-katina, fuq kull ‘persuna’ iktbu xi ħaġa li tistgħu tagħmlu biex iġibu ruħkom bħala membri mill-familja ta’ Alla (pereżempju, ngħinu fid-dar, nużaw kliem sabiħ bejnietna, inżommu l-paċi, nitolbu, naqraw il-Bibbja, nagħmlu ħbieb ma’ min ikun waħdu fil-break, naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, nagħtu karità…) Jekk ħsibtu f’aktar eżempji, milli għandkom persuni tal-karti, għamlu katina oħra u waħħluha mal-ewwel waħda bit-tape.

Fl-Evanġelju tal-lum smajna kif kien hemm membri tal-familja ta’ Ġesù li ma qablux miegħu. (Fl-Evanġelju jissemmew l-aħwa ta’ Ġesù. Fi żmien Ġesù, kuġini u qraba oħra, kienu jissejħu aħwa wkoll), dawn riedu jeħduh lura d-dar biex ma jibqax jgħallem lin-nies. Dawn ma kienux qegħdin jifhmu lil Ġesù. Dan ġieli jiġri lilna wkoll. Meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, jista’ jkun hemm ħbieb li ma jifhmuniex, u forsi anke ma jibqgħux ħbieb tagħna, inkella jwaqgħuna għaċ-ċajt. Dan jista’ jiġri meta pereżempju, filgħodu qabel ma tibda l-iskola, inti tmur għall-quddies, minflok toqgħod tilgħab ma’ sħabek; inkella ma tagħmilx bħal sħabek li jkunu qegħdin jgħajjru tifel ġdid li ġej minn pajjiż differenti, jew lil xi ħadd li għandu xi kundizzjoni u ma jistax jitkellem b’mod li jinftiehem sew. Għalkemm żgur se jkollna qalbna sewda jekk dawn sħabna ma jibqgħux ħbieb magħna, irridu niftakru li l-aktar ħaġa importanti hi, li dejjem nibqgħu ħbieb ma’ Ġesù. Fil-ġrajja li smajna, issemma l-Ispirtu s-Santu. Għandna nidraw nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għax hu jagħtina l-kuraġġ u l-qawwa biex inġibu ruħna tajjeb u nagħmlu għażliet tajba.

Inroddu s-salib

Grazzi Mulej li aħna parti mill-familja tiegħek. Għinna biex nagħmlu dak kollu li tixtieq inti, għax nafu li inti tridilna l-ġid. Għinna wkoll biex inħobbu lil xulxin bħal aħwa, kif iħobbna ħuna Ġesù. Spirtu s-Santu ejja fina u għinna biex dejjem nagħmlu għażliet tajba. Ammen.

Isimgħu u kantaw, Big family of God; għalkemm aħna lkoll differenti, Alla ħalaqna lkoll u jgħaqqadna f’familja waħda.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.