Żgur li xi darba jew oħra ltqajt jew smajt bil-kelma ‘fidi’. Fidi tfisser temmen jew ikollok kunfidenza f’persuna jew f’sitwazzjoni. Fid-9 t’Awwissu niċċelebraw il-festa ta’ Santa Edith Stein jew Santa Tereża Benedetta tas-Salib li twieldet fit-12 t’Ottubru 1891 fil-Polonja. Edith Stein kienet persuna li f’ħajjitha esperjenzat diversi tipi ta’ twemmin sakemm sabet il-Verita’ u saħħet il-fidi fiha. Twieldet fir-reliġjon Lhudija, saret atea, u meta għalqet it-tletin sena saret kattolika Rumana. Edith Stein kienet professura. Studjat, għallmet u kitbet fuq is-suġġett tal-empatija, jiġifieri kif wieħed għandu jifhem lill-oħrajn. Santa Teresa Benedetta tas-salib dan ipprattikatu mal-priġunieri sħabha fil-Kamp tal-Konċentrament tan-Nażi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.