San Martin de Porres

3 ta' Novembru

San Martin de Porres huwa muri libes iċ-ċoqqa tal-Ordni Dumnikan, bi xkuppa f’idejh, żewġ karrateristiċi differenti li għamlu Qaddis!  Ismu kien Martin de Porres y Velasquez, isem impressjonanti għal persuna li ġie minn familja fqira mill-Belt ta’ Lima fil-Peru.  Martin twieled nhar id-9 ta’ Diċembru, fi żmien li il-Peru kien taħt it-tmexxija ta’ Spanja, u l-abitanti kienu oppressati u mehuda bħala skjavi.  Il-missjunarji li kienu marru f’dak ir-reġjun iddefendew id-drittijiet tal-indiġeni, imma mingħajr suċċess.

Martin twieled f’ambjent ta’ inġustizzji politiċi, soċjali u razzjali.  Omm Martin, Ana, kienet skjava li ġiet meħlusa, kienet ta’ razza Afrikana jew indiġena u għalhekk kellha l-ġilda skura.  Missieru, Don Juan de Porres, kien nobbli Spanjol.  Minħabba li ommu u missieru ma kienux miżżewwġin, Martin kien ittimbrat bħala ‘mulatto, tifel illeġittimu ta’ razza imħallta’.  Meta twieldet oħt Martin, il-missier abbanduna l-familja, għax staħa li uliedu kellhom ġilda skura.  Ana, rabbiet liż-żewġ uliedha weħedha fil-faqar, bil-ftit flus li kienet taqla billi taqdi familji sinjuri.  Ommhom tathom formazzjoni religjuża tajba li minnha irriżulta li fil-qalb ta’ Martin trabbiet imħabba profonda lejn Alla, li kienet tidher ukoll fl-imħabba li kien juri lejn il-fqar u l-morda.

Ana bagħtet lil Martin ġo skola primarja għal ftit snin, wara bagħtitu jitgħallem is-sengħa ta’ barbier, bil-għan li jibda jaqla xi ħaġa tal-flus biex jitaffa xi ftit li faqar li kienu jgħixu fih.  Dak iż-żmien il-barbier ma kienx jaqta x-xagħar biss, kien ukoll idewwi  persuni permezz ta’ trattamenti mediċinali bażiċi.   Martin kien iħobbha din is-sengħa għax kienet tagħtih l-opportunita li jkun ta’ servizz għal ħaddieħor.  Matul dan iż-żmien kompla jikber fih sens profond ta’ talb u għaqda ma’ Alla.  Kien jammira l-Patrijiet Dumnikani, u għamel talba biex jidħol magħhom, anki bħala Fra lajk mingħajr ma jipprofessa fil-ħajja reliġjuża, minħabba li taħt il-liġi Spanjola persuni li kienu ta’ razza mħallta ma setgħux jidħlu bħala membri ta’ ordnijiet reliġjużi.

Martin kellu 15-il sena meta ingħata l-permess biex jidħol jgħix mal-Patrijiet Dumnikani, bħala voluntier fejn kien jagħmel xogħol umli fil-kċina, jaħsel il-ħwejjeġ u jaħsel l-art.  Martin beda iħaddem is-sena tiegħu ta’ barbier u jassisti għat-talbiet mediċi.  Wara xi żmien ingħata l-karigu ta’ almonżier, dak li kien iqassam il-flus lill-fqar. Meta kellu 24 sena, Martin ġie aċċettat bħala fra Dumnikan profess, wara li il-Prijol tal-kunvent għalaq għajn waħda għall-liġi Spanjola.  Sa dak iż-żmien missieru kien aċċettah bħala ibnu, ghalhekk kunjomu sar uffiċjalment de Porres.   Kellhom jgħaddu 10 snin oħra biex Martin jingħata iċ-ċoqqa Dumnikana u ġie inkarigat bħala infermier, kariga li baqa jżomm sa mewtu.  Persuni minn diversi oqsma tal-ħajja kienu jfittxuh għal pariri u ghal trattamenti ghall saħħithom, imma xorta kien hemm dawk li kienu iqiesu lilhom infushom aħjar minnu.

Fra Martin kien iqatta ħafna siegħat quddiem Ġesu’ Sagramentat.  Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u kien jagħmel ħafna penitenzi, huwa saħansitra offra lilu nnifsu biex jinbiegħ bħala skjav meta il-kommunita religjuża tiegħu kienet għadejja minn problemi finanzjarji.  L-imħabba bla kundizzjoni tiegħu kienet taċċetta lil kulħadd, skjavi Afrikani, nobbli Spanjoli, sinjuri u fqar, morda u dawk li kienu tilfu kull tama, b’mod speċjali waqt l-epidemija fil-Belt ta’ Lima.  Martin kien mogħni bid-don tal-fejqan u waqqaf orfanatrofju għat-tfal abbandunati u għas-skjavi, kien jgħin ukoll lil dawk kollha li kienu jitolbu l-għajnuna tiegħu bl-aħjar mod li setá.  Meta kellu 59 sena, Martin marad u wara kważi sena ta’ tbatija daħal fil-Ħajja Eterna nhar it-3 ta’ Novembru fis-sena 1639.

Anki ta’ eta żgħira, t-tfal għandhom bżonn il-ġenituri biex jigwidawhom u jgħinuhom jiżvillupaw il-ħiliet tagħhom kif ukoll inrawwmu fihom attitudni pożittiva lejn id-dinja li kull ma jmur qegħda issir aktar diversa u kumplessa.  Hemm bżonn ukoll li jrawwmu fihom stima lejhom innfushom kif ukoll jiżvillupaw relazzjonijiet ta’ rispetto ma’ ħaddieħor.  Ħeġġeġ lit-tfal biex jitkellmu dwar l-isfidi u diffikultajiet li San Martin de Porres kellu jiffaċċja kif ukoll dwar esperjenzi simili taghhom.

Involvihom f’diskussjoni dwar id-differenzi u s-similaritajiet li għandhom razzez u kulturi oħra. Igħinhom jiżżvilupaw il-mogħdrija, biex issiru jafu dwar il-valur li għandu ir-rispett lejn l-oħrajn u li l-aġir inġust iweġġa lill ħaddieħor.

Ħudu eżempju minn San Martin De Porres meta fil-monasteru kien jagħmel xogħol umli bl-imħabba u bl-umilta’.  Tkellem dwar ix-xogħol li jsir fid-dar, li għandu jkun maqsum bejn il-membri tal-familja, bil-għan li jgħin fl-iżvilupp ta’ l-ulied biex jikbru u jsiru adulti responsabbli f’soċjeta fejn trid tgawdi biss.  Ibda billi tagħti lit-tfal responsabilitajiet fid-dar,skont l-eta tagħhom, ħeġġigħom biex jikkopperaw miegħek jew ma ħuthom.

– Faħħar kull sfroz tagħhom, evita li ssib xi nuqqasijiet, u uri l-apprezzament tiegħek!

Ħin tat-Talb mal-Familja

Sibu ħin biex tirringrazzjaw lill-Mulej għal dak kollu li ipprovdielna…(ħeġġeġ t-tfal biex jagħmlu t-talba tagħhom).  Ħeġġighom biex jitolbu maħfra…li iġġudikaw lil xi ħadd, li ma għamlux dak li kien mistenni minnhom.

Aħna insejħu lil Alla Missierna, għalhekk aħna kollha uliedu, hi x’inhi ir-razza tagħna, il-kultura tagħna u min fejn aħna.

Ejjew niċċelebraw u nkantaw!

We are the World Lyrics – We are the children
     

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.