Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

Preżentazzjoni tal-Mulej

Fil-festa tal-lum, nikkontemplaw lill-Mulej Ġesù, li Marija u Ġużeppi joħduh fit-tempju “biex jippreżentawh lill-Mulej.” Din il-ġrajja għandha għeruq storiċi profondi, u hija parti minn tradizzjoni Lhudija li l-ewwel wildt ikun ippreżentat lil Alla. 

Fil-Ktieb tal-Eżodu, hemm miktub li l-ewwel iben għandu jkun ikkonsagrat lil Alla. Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù fit-Tempju biex jagħmlu dak li kien mitlub mil-Liġi. Dan huwa punt fejn it-Testment il-Qadim, jiltaqa’ mal-Ġdid. Ġesù jidħol fit-Tempju antik, meta hu nnifsu huwa t-Tempju ġdid ta’ Alla. Ġesù jżur lill-poplu tiegħu u b’hekk jwettaq il-Liġi, u jagħti bidu għall-aħħar passi lejn is-Salvazzjoni. Meta Marija u Ġużeppi jieħdu lil Ġesù fit-Tempju, huma jirrikonoxxu l-missjoni divina tiegħu u jċeduh totalment għar-rieda ta’ Alla. Kienet att ta’ ubbidjenza u devozzjoni, u eżempju ta’ kif għandna noffru lilna nfusna u lill-familji tagħna lil Alla, u kif għandna nafdaw fil-pjan li hu għandu għal ħajjitna. Għandna kontinwament noffru lilna nfusna lil Alla, għandna nħalluh imexxina u jippurifikana.  

Punt ta’ interess, huwa, li t-Tempju kien post kollu attività, mimli b’qassisin u Leviti fuq xogħolhom, kif ukoll bil-pellegrini jfittxu li jiltaqgħu ma’ Alla ta’ Iżrael. Minkejja dan, kienu biss żewġ persuni anzjani li jagħtu każ ta’ din it-tarbija li Marija u Ġużeppi jippreżentaw dakinhar. Xmun u Anna, jagħrfu s-sinjali u l-preżenza speċjali tal-Messija u Salvatur. Huma jaraw dak li kien qiegħed iseħħ, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, jsibu fit-tarbija Ġesù, dak li kienu ilhom jistennew u jixxenqu għalih. Xmun isejjaħ lit-tifel bħala, “dawl biex idawwal il-ġnus” u b’hekk jikkonferma t-twettieq tal-profeziji u s-sinifikat tal-missjoni ta’ Ġesù. Il-profetessa Anna, li kienet iddedikat ħajjietha għat-talb u qima lil Alla, tagħraf lil Ġesù bħala l-fidwa ta’ Ġerusalemm u taqsam din l-aħbar ma’ kulħadd.  

Din il-festa li nsejħulha wkoll, il-Kandlora, tagħti aktar sinifikat lill-kliem ta’ Xmun. Id-dawl divin ta’ Ġesù, iġib is-salvazzjoni lill-poplu kollu u mhux biss lil-Lhud. Meta x-xemgħa titbierek u tinxtegħel, dan jisimbolizza l-preżenza ta’ Kristu, li jagħti dawl lill-ħajja tagħna u jwarrab kull dlam. Niftakru fid-dawl li jagħtina Ġesù, biex imexxina fil-vjaġġ spiritwali tagħna. Jalla d-dawl tiegħu dejjem imexxina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-ħajja tal-familja tagħna u jwassalna biex naqsmu l-imħabba, id-dawl u l-verità ta’ Ġesù mal-bqija tal-familja u ħbieb tagħna.  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 2: 22-40) 

Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej. 

Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun. Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej. Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.” 

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Din kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt tagħhom Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla kienet fuqu. 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Xmun u Anna jgħallmuna l-importanza tal-għerf u paċenzja fil-vjaġġ ta’ fidi tagħna u dak tal-familja tagħna. Jiena nafda fil-wegħdiet ta’ Alla, kif kien jafda Xmun? Ngħaddi ħin f’talb u devozzjoni, kif kienet tagħmel Anna? 
  4. Illum mistiedna biex inħarsu b’serjetà lejn il-ħajja tagħna u r-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Jien lest/a li noffri t-talenti tiegħi, il-ħin u riżorsi li għandi biex naqdi lil Alla u lill-oħrajn? 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (2: 22-40) 
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Erbgħin jum wara l-Milied, fit-2 ta’ Frar, il-Knisja tiċċelebra xi ħaġa li ġrat lil Ġesù meta kien għadu tarbija. Marija u Ġużeppi ħaduh fit-Tempju ta’ Ġerusalemm biex jippreżentawh lil Alla. Din il-ġrajja nsibuha biss, fl-Evanġelju skont San Luqa.  

  • Ix-xemgħa li ningħataw fil-magħmudija tfakkarna li Ġesù huwa dawl tagħna 
  • Ġesù huwa d-dawl u s-salvatur tagħna 
  • Toilet paper roll vojt 
  • Kitchen paper bajda/tissue bajda 
  • Gloj 
  • Imqass 
  • Kartonċina safra jew oranġjo 
  • Santa ta’ Ġesù 

Ftit wara li twieled, Marija u Ġużeppi, ħadu lil Ġesù fit-Tempju biex jippreżentawh lil Alla. Bħas-soltu, fit-tempju kien hemm raġel jismu Xmun. Hekk kif Xmun ra lit-tarbija Ġesù, għaraf li Alla kien żamm kelmtu li jibgħat Salvatur. Xmun ħa lil Ġesù f’idejh u faħħar lil Alla u qal, “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.” 

Anna kienet profetessa, li wkoll kienet fit-Tempju. Dejjem kienet tkun fit-tempju titlob u tfaħħar lil Alla. Meta semgħet dak li qal Xmun, hija wkoll faħħret lil Alla u qalet lil kulħadd, li Ġesù kien is-Salvatur, li kien wiegħed Alla. Dawn it-tnejn min-nies, indunaw li Ġesù kien tarbija speċjali. Hu kien dak li jsalvana mid-dnub tagħna. 

Tafu għalfejn il-festa tal-lum tissejjaħ il-Kandlora? Ħafna żmien ilu, bħal-lum kien ikun hemm purċissjonijiet bix-xemgħat, u kienu jitbierku x-xemgħat li kellhom jintużaw fil-knisja matul is-sena. Aħna nużaw ix-xemgħa biex ifakkruna li Ġesù huwa dawl. Għalhekk, ix-xemgħa li l-ġenituri tagħkom xegħlu fil-magħmudija tagħkom, tfakkarna li għandna nħallu lil Ġesù jkun id-Dawl li jurina t-triq, jiġifieri jurina kif għandna ngħixu.  

Tistgħu tagħmlu xemgħa tal-Kandlora minn roll vojt tat-toilet paper. Agħmlu l-gloj fuq in-naħa ta’ barra tar-roll u wara iksuh b’kitchen paper jew tissue bajda. Iż-żejjed daħħluh ġewwa tar-roll. Ħalluh jinxef. Aqtgħu ċirku mill-kartonċina safra u forma ta’ fjamma mill-kartonċina oranġjo.   Waħħlu l-fjamma fiċ-ċentru taċ-ċirku. Aqtgħu żewġ qasmiet f’naħa waħda tar-roll u daħħlu l-fjamma f’dawn il-qasmiet. Waħħlu s-santa ta’ Ġesù fuq quddiem tax-xemgħa. Tistgħu żżommuha fil-kamra tagħkom jew jekk għandkom, fuq il-mejda ta’ talb tad-dar tagħkom. 

Waqt li qegħdin tagħmlu x-xemgħa, isimgħu, This Little Light of Mine .

Inroddu s-salib.

Għażiż Missierna, nixtiequ li aħna nżommu l-wegħdiet li nagħmlu lilek, bl-istess mod li inti dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħek. Nitlob li nkun ta’ dawl għall-oħrajn. Dan nitolbu f’isem Ġesù. Ammen. 

Introduzzjoni

Marija u Ġużeppi ppreżentaw lil binhom tarbija lil Alla bħala ringrazzjament. Hemmhekk huma ltaqgħu ma’ Xmun u Anna. Xmun ibierek lil Ġesù u jiddeskrivih bħala “dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.” 

  • Ġesù huwa d-Dawl tad-Dinja 
  • Ġesù ġie biex isalva lil kulħadd 
  • Pupu 
  • Kurta/xalla 
  • Xemgħa 
  • Salib 
  • Globu/mappa tad-dinja 
  • Stampa ta’ Ġesù, meta kiber 
  • Blocks (building blocks

Eluf ta’ snin qabel ma twieled Ġesù, Alla ta lil Mosè sett ta’ regoli. Waħda minn dawn ir-regoli kienet tgħid li l-ewwel tifel kellu jittieħed fit-Tempju biex ikun imbierek. Għalhekk, Marija u Ġużeppi ħadu lit-tarbija, Ġesù, fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Ibni t-tempju bil-blocks. 

Xmun kien joqgħod Ġerusalemm. Hu kien raġel twajjeb, li kuljum kien jitlob għal pajjiżu, Iżrael. L-Ispirtu s-Santu kien nebbaħ lil Xmun, li hu ma kienx ser imut, qabel ma jara lill-Messija. Agħmel idejk flimkien bħal meta titlob. L-Ispirtu s-Santu ħa lil Xmun fit-Tempju, fejn iltaqa’ ma’ Marija u Ġużeppi. Hu ra lit-tarbija tagħhom, Ġesù, u ħadu f’idejh. Bennen lill-pupu; ħares lejn il-pupu u tbissem. 

Imbagħad, b’għaġeb kbir għal Marija u għal Ġużeppu, Xmun beda jfaħħar lil Alla għal din it-tarbija. Għolli l-pupu, ħares ’il fuq u tbissem. 

Xmun qal, “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.” Bennen il-pupu f’id u fl-id l-oħra żomm il-globu jew il-mappa. Ħares lejn il-pupu. 

‘Kulħadd se jara dak li għamilt, “dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”’ Bennen il-pupu f’id u fl-id l-oħra żomm ix-xemgħa. Ħares lejn il-pupu. 

Marija u Gużeppi baqgħu mistgħaġba. Xmun berikhom, u lil Marija qalilha, “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek!” Bennen il-pupu f’id u fl-oħra żomm is-salib. Ħares lejn il-pupu. 

F’dak il-ħin, daħlet Anna, li kienet toqgħod fit-Tempju, titlob u tfaħħar lil Alla. Hi resqet lejn Marija, Ġużeppi u Xmun. Agħmel idejk flimkien bħal meta titlob. Hi wkoll bdiet tfaħħar lil Alla, għal Ġesù, imbagħad bdiet titkellem dwaru, u qalet li għad isalva lil Ġerusalemm. 

Għolli jdejk u faħħar lil Alla, imbagħad iftaħhom beraħ. 

Wara li kienu obdew il-liġijiet li Alla kien ta lil Mosè, Marija u Ġużeppi, marru Nażaret. Ġesù kiber u kien b’saħtu u għaref, u Alla kien ferħan bih. Uri stampa ta’ Ġesù meta kiber u sar raġel. 

Illum, 2 ta’ Frar, il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Kandlora, 40 jum wara t-twelid ta’ Ġesù, biex niftakru meta Marija u Ġużeppi, marru fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, għar-rit ta’ purifikazzjoni. Ħafna żmien ilu, qabel il-festi nsara, f’din id-data kienet tkun iċċelebrata l-festa tad-dawl, biex timmarka n-nofs tal-istaġun tax-xitwa, in-nofs ta’ bejn l-iqsar ġurnata u l-ekwinozju tar-rebbiegħa (spring equinox). Fil-festa tal-Kandlora, bħala tradizzjoni, l-insara jbierku x-xemgħat li jintużaw fil-knisja matul is-sena. 

Inroddu s-salib.

Talba lill-Ispirtu s-Santu

Għażiż Ġesù, grazzi tad-dawl tiegħek. Grazzi li d-dawl tiegħek jixgħel f’kull wieħed u waħda minna. Grazzi li d-dawl tiegħek jixgħel (jgħid l-isem). Mulej bierek (għid l-isem). Grazzi Mulej tal-barka tiegħek. Ammen.  
Bħala għeluq ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, isimgħu , Light of the World.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.