San Patrizju

17 ta' Marzu

San Patrizju huwa sinonimu mal-Irlanda, iżda hu ma twelidx hemm! Twieled fl-Ingilterra fis-sena 387 W.K. Il-familja tiegħu kienet Kristjana. Missieru kien djaknu, u nannuh kien qassis. Mill-kitbiet tiegħu (Confessions of St. Patrick) jidher li meta kien żagħżugħ ma kienx midħla ta’ Alla.

Ħajtu nbidlet meta, fl-età ta’ sittax-il sena, inħataf minn grupp ta’ pirati u ħallelin u ttieħed l-Irlanda, fejn inbiegħ bħala lsir. Għal sitt snin, kien jieħu ħsieb il-ħnieżer, in-nagħaġ u l-baqar; kellu biss l-ikel meħtieg biex jibqa’ ħaj, u kien jistrieħ f’għerejjex żgħar u kesħin.  In-nies ta’ madwaru ma kinux jemmnu f’Alla u kienu jaduraw is-siġar u l-ġebel. Kien f’dak iż-żmien li Patrizju għaraf lil Alla. Beda jitlob. Kien jaf li minkejja t-tbatija tiegħu, Alla kien iħobbu. 

Imbagħad, Patrizju sab l-opportunità biex jaħrab. Huwa mar l-Ingilterra u Franza fejn għex f’monasteru. Hemm hu talab ħafna u saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb u l-istudju, qabel ma sar saċerdot.

F’ħolma, Patrizju sema’ vuċijiet isejħulu biex jerġa jmur l-Irlanda. B’kuraġġ kbir, irritorna bħala Isqof. Il-missjoni tiegħu kienet li jikkonverti lill-Irlanda għall-Kristjaneżmu. Iżda din kienet sfida kbira ħafna, għaliex l-Irlandiżi kienu jipprattikaw reliġjonijiet pagani u kienu jemmnu fil-maġija u fl-ispirti ħżiena.

Imma Patrizju qatt ma qata’ qalbu. Hu kien jippriedka kullimkien u lil kulħadd inkluż  lir-Re. Maż-żmien sab l-għajnuna, għax irġiel u nisa bdew jimxu warajh u saru qassisin u sorijiet li waqqfu skejjel u monateri. B’hekk Patrizju kien wettaq il-pjan li kellu Alla għalih.

San Patrizju huwa Qaddis Patrun tal-Irlanda. 

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Iċ-ċelebrazzjoni Kattolika Irlandiża ta’ San Patrizju nbidlet f’festi li jsiru madwar id-dinja kollha, kull fejn hemm komunità Irlandiża. Dawn jiċċelebraw il-kultura u l-istorja b’ħafna kostumi kkuluriti, trakkijiet armati, baned, parati u żfin fejn il-kulur aħdar jiddomina fuq kollox.

F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ftit li xejn tingħata attenzjoni lil San Patrizju nnifsu!

  • Għandna bżonn niġbdu l-attenzjoni tat-tfal dwar dan.

Il-pjan ta’ Alla għal San Patrizju kien li hu kien strument importanti fil-konverżjoni tal-Irlanda għall-Kristjaneżmu. 

Alla għandu pjan għal kull wieħed u waħda minna u jiddependi minna jekk naċċettawhx. Alla għamilna speċjali u uniċi, jagħtina kwalitajiet li jgħinuna nersqu viċin tiegħu u nwettqu l-pjan tiegħu għalina.

Tajjeb ninkuraġġixxu lit-tfal jaraw x’talenti għandhom bħala rigal mingħand Alla.

– Nistgħu nibdew inwettqu l-pjan ta’ Alla għalina billi nwettqu d-dmirijiet tagħna bl-aħjar mod possibbli, jum wara jum.

X’inhu l-pjan ta’ Alla għalina għall-futur? Għinhom jagħmlu lista tad-doveri tagħhom: filgħodu jqumu mingħajr tnikkir, jagħmlu x-xogħol tal-iskola b’attenzjoni, imorru dejjem għal-lezzjonijiet tal-Katekiżmu u joqogħdu attenti, jgħinu fid-dar, jgħidu t-talb kuljum, jieħdu sehem fil-Quddies kull nhar ta’ Ħadd…

Aqsam tiegħek magħhom!

  • Għin lit-tfal biex jirringrazzjaw lil Alla talli tahom nies li jgħallmuhom dwar il-fidi: il-ġenituri, in-nanniet, l-għalliema, il-katekisti u ħbieb oħra.
  • Jitolbu għas-saċerdoti, sorijiet u nies lajċi li jħallu pajjiżhom biex jgħallmu fuq Ġesù. 

Introduċi lit-tfal għat-talba magħrufa bħala l-“Korazza ta’ San Patrizju” li tintuża bħala talba qawwija ta’ protezzjoni u fidi fi Kristu.  

Kristu miegħi, Kristu quddiemi, 
Kristu warajja, Kristu fija,

Kristu taħti, Kristu fuqi,
Kristu fuq il-lemin tiegħi, Kristu fuq ix-xellug tiegħi
.

San Patrizju huwa qaddis importanti, speċjalment għal Irlanda. Minn ta età zgħira hu qagħad ġo monasteru fejn talab ħafna u saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu m’Alla bit-talb u l-istudju qabel ma sar saċerdot. San Patrizju uża l-weraq tas-shamrock biex jispjega it-Trinità.

Attivit: Talba ta’ Shamrock

Illum bħal San Patrizju ser nagħmlu s-shamrock.
Għandna bżonn: kartonċina ħadra daqs ta A4, popsicle stick, imqass, glu u markers.

  • Pinġi 3 qlub tal-istess daqs fuq il-kartonċina ħadra
  • Weħel l-qlub flimkien. Il-parti ppuntata tal-qlub iridu jkunu imissu ma’ xulxin. Imbagħad weħel l-popsicle stick biex tifforma l-forma tal-werqa tas-shamrock.
  • Pinġi salib, qalb, u ħamiema fuq l-qlub.

Ikteb 3 talbiet:
1. biex tirringrazzja lil Alla talli miet għalina fuq is -salbi
2. biex tgħin lil ħaddieħor minn qalbek
3. nitolbu lil Ispirtu s-Santu sabiex jiggwidak

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.