Fil-festa tal-lum, nikkontemplaw lill-Mulej Ġesù, li Marija u Ġużeppi joħduh fit-tempju “biex jippreżentawh lill-Mulej.” Din il-ġrajja għandha għeruq storiċi profondi, u hija parti minn tradizzjoni Lhudija li l-ewwel wildt ikun ippreżentat lil Alla.
Fil-Ktieb tal-Eżodu, hemm miktub li l-ewwel iben għandu jkun ikkonsagrat lil Alla. Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù fit-Tempju biex jagħmlu dak li kien mitlub mil-Liġi. Dan huwa punt fejn it-Testment il-Qadim, jiltaqa’ mal-Ġdid. Ġesù jidħol fit-Tempju antik, meta hu nnifsu huwa t-Tempju ġdid ta’ Alla. Ġesù jżur lill-poplu tiegħu u b’hekk jwettaq il-Liġi, u jagħti bidu għall-aħħar passi lejn is-Salvazzjoni. Meta Marija u Ġużeppi jieħdu lil Ġesù fit-Tempju, huma jirrikonoxxu l-missjoni divina tiegħu u jċeduh totalment għar-rieda ta’ Alla. Kienet att ta’ ubbidjenza u devozzjoni, u eżempju ta’ kif għandna noffru lilna nfusna u lill-familji tagħna lil Alla, u kif għandna nafdaw fil-pjan li hu għandu għal ħajjitna. Għandna kontinwament noffru lilna nfusna lil Alla, għandna nħalluh imexxina u jippurifikana.
Punt ta’ interess, huwa, li t-Tempju kien post kollu attività, mimli b’qassisin u Leviti fuq xogħolhom, kif ukoll bil-pellegrini jfittxu li jiltaqgħu ma’ Alla ta’ Iżrael. Minkejja dan, kienu biss żewġ persuni anzjani li jagħtu każ ta’ din it-tarbija li Marija u Ġużeppi jippreżentaw dakinhar. Xmun u Anna, jagħrfu s-sinjali u l-preżenza speċjali tal-Messija u Salvatur. Huma jaraw dak li kien qiegħed iseħħ, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, jsibu fit-tarbija Ġesù, dak li kienu ilhom jistennew u jixxenqu għalih. Xmun isejjaħ lit-tifel bħala, “dawl biex idawwal il-ġnus” u b’hekk jikkonferma t-twettieq tal-profeziji u s-sinifikat tal-missjoni ta’ Ġesù. Il-profetessa Anna, li kienet iddedikat ħajjietha għat-talb u qima lil Alla, tagħraf lil Ġesù bħala l-fidwa ta’ Ġerusalemm u taqsam din l-aħbar ma’ kulħadd.
Din il-festa li nsejħulha wkoll, il-Kandlora, tagħti aktar sinifikat lill-kliem ta’ Xmun. Id-dawl divin ta’ Ġesù, iġib is-salvazzjoni lill-poplu kollu u mhux biss lil-Lhud. Meta x-xemgħa titbierek u tinxtegħel, dan jisimbolizza l-preżenza ta’ Kristu, li jagħti dawl lill-ħajja tagħna u jwarrab kull dlam. Niftakru fid-dawl li jagħtina Ġesù, biex imexxina fil-vjaġġ spiritwali tagħna. Jalla d-dawl tiegħu dejjem imexxina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-ħajja tal-familja tagħna u jwassalna biex naqsmu l-imħabba, id-dawl u l-verità ta’ Ġesù mal-bqija tal-familja u ħbieb tagħna.