San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

18 ta' Marzu

Is-snin bikrin tal-Knisja kienu żminijiet ta’ sfida għall-Fidi.  Kienet imdawra  b’ereżiji li kienu jisfidaw it-twemmin u d-duttrina fundamentali tal-Fidi Kattolika.  Waħda minn dawn l-ereżiji kienet l-Arjaniżmu, imsemmija hekk għal Arju li kien bdieha.  Din l-ereżija kienet tgħallem li Ġesù ma kienx Divin u ma kienx ħaġa waħda mal-Missier.

San Ċirillu twieled għall-ħabta tas-sena 315 W.K.  Ftit huwa magħruf dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li l-ġenituri tiegħu kienu Nsara u li trabba f’Ġerusalemm.  Jidher li Ċirillu kien jagħmel parti minn grupp li kien magħruf bħala s-“Solitarji”.  Dawn kienu rġiel devoti li filwaqt li jibqħu jgħixu f’darhom stess  u mhux f’monasteru, kienu ddedikaw ruħhom għal ħajja ta’ kastità sħiħa. Kienu jitolbu u jagħmlu penitenza minbarra li kienu jservu lill-oħrajn.

Ċirillu ġie ordnat djaknu u wara saċerdot, mill-Isqof Massimu (li aktar tard sar Qaddis) u dan ħatru bħala dak li kien jipprepara u jgħallem lill-katekumeni.  Dawn kienu jitgħallmu l-katekiżmu bi preparazzjoni għall-Magħmudija li kienet issir nhar l-Għid.  Wara l-mewt ta’ Massimu, Ċirillu kien ikkonsagrat bħala Isqof ta’ Ġerusalemm.

Meta waqa’ għaks kbir fuq Ġerusalemm, il-fqar  daru lejn l-Isqof tagħhom għall-għajnuna. Meta beda jara ħafna nies qed imutu bil-ġuħ, biegħ xi affarijiet mill-knisja biex il-qligħ jintuża’ biex jitma’ lill-foqra. Akkużawh li kien biegħ oġġetti tal-Knisja biex jiġbor il-flus għall-gwadann tiegħu stess u b’hekk tkeċċa mid-djoċesi tiegħu.

Imma l-ikbar sfida li kellu jiffaċċja l-Isqof Ċirillu kienet meta nqabad fil-konflitt bejn l-Isqfijiet li baqgħu jżommu mat-twemmin tal-Knisja Kattolika u dawk l-Isqfijiet li bdew jiffavorixxu l-Arjaniżmu.  L-akbar konflitt tiegħu kien mal-Isqof Arjan Akaċju. Dan mhux biss minħabba d-differenzi fit-twemmin, imma wkoll minħabba l-problema tat-territorju, li bħala l-Isqof ta’ Ġerusalemm, Ċirillu ħass id-djoċesi tiegħu ma kinetx tagħmel parti minn dik tal-Isqof Arjan Akaċju.  Minħabba f’hekk l-Isqof Ċirillu ġie eżiljat minn Ġerusalemm f’żewġ okkażjonijiet oħra, b’wieħed minn dawn l-eżilji jdum għal ħdax-il sena!

Waqt il-Konċilju ta’ Konstantinopli, Ċirillu ġie meħlus minn kull akkuża ta’ inġustizzja u l-Arjaniżmu ġie kkundannat.  Ċirillu serva bħala Isqof ta’ Ġerusalemm għal tmien snin oħra fejn ħadem bla waqfien biex jistabbilixxi l-paċi, jieqfu l-konflitti u jippromovi t-twemmin fundamentali tal-Fidi Kattolika. 

San Ċirillu miet fis-sena 386 W.K., fl-età ta’ 70 sena.

Reflection for 3/18/09www.apostleshipofprayer.org

San Ċirillu jibqa’ mfakkar għat-tagħlim tiegħu lil dawk in-nies li kienu qed iħejju ruħhom biex jintlaqgħu bħala Nsara wara l-Magħmudija tagħhom.

Il-Ministeru għat-Tisħib tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija huwa programm li l-Knisja Kattolika għadha toffri lil dawn il-katekumeni. Il-biċċa l-kbira tal-parroċċi, dawn l-adulti jirċievu l-Magħmudija fil-Vġili tal-Għid.   Fl-istess ħin, huma jirċievu l-Ewkaristija Mqaddsa għall-ewwel darba kif ukoll is-Sagrament tal-Griżma.

Dawk li tgħammdu meta kienu trabi, meta jikbru, ikomplu jirċievu t-tagħlim tad-Duttrina li tgħinhom isiru jafu xi tfisser li tkun Nisrani.  Aktar tard, jirċievu l-maħfra fis-Sagrament tal-Qrar, wara l-Ewwel Tqarbina u imbagħad jirċievu s-Sagrament tal-Griżma.

  • Ikkunsidra li tmur mat-tfal għall-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid biex tkunu preżenti għall-Magħmudija tal-Adulti.  Tistgħu tistaqsu l-Kappillan meta ser ikun hemm Magħmudija u attendi għaliha flimkien mat-tfal.
  • Għid lit-tfal id-data li fiha tgħammdu u urihom iċ-Ċertifikat tal-Magħmudija.  Użaw kartonċina biex twaħħlu fuqha ritratti tal-Magħmudija; madwarhom iktbu l-isem tal-Knisja fejn tgħammdu, l-isem tas-Saċerdot li għammidhom, iktbu ukoll f’post prominenti d-data li fiha tgħammdu.

Mill-ħajja ta’ San Ċirillu tista’ tieħu l-opportunità li titkellem dwar l-esperjenzi tagħhom meta ħassewhom esklużi, pereżempju, meta tħallew barra minn xi grupp, ma intgħażlux bħala parti mit-tim, jew kienu mweġgħa minn dawk li kienu kkunsidrati bħala ħbieb.

Meta jaslu d-dar u jaqsmu xi esperjenza tagħhom fejn tħallew barra, ismagħhom, ifhimhom u appoġġjahom.  ogħġbu lill-oħrajn. Evita rimarki li jistgħu jiġu interpretati minnhom fis-sens li jridu jkunu differenti biex jogħġbu lill-oħrajn.

Evelwa s-sitwazzjoni, biex tara jekk l-esklużjoni qed issir xi forma ta’ ‘bullying’ sottili, minħabba l-fatt li din tista’ taffetwa l-imġieba u l-interazzjoni soċjali tagħhom.

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • mexxi talba ta’ ringrazzjament li intom membri tal-Familja ta’ Alla permezz tal-Magħmudija,
  • itolbu wkoll għal dawk li qegħdin jippreparaw biex jitgħammdu dan l-Għid,
  • għall-missjunarji madwar id-dinja li qegħdin ixandru u jgħammdu n-nies.

Tistgħu taraw:  The Apostles Creed  

The Apostles Creed  

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.