Inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum

Tifkira Solenni tal-Għid tal-Imwiet, Sena Ċ

Hekk kif il-bieraħ ftakarna f’dawk kollha li qegħdin igawdu minn ħajja eterna fil-ġenna, illum niftakru f’dawk li mietu u qegħdin jitħejjew biex jingħaqdu mal-qaddisin. L-Evanġelju tal-lum ma jkellimniex eżatt fuq dawk li qegħdin fil-purgatorju, iżda aktar jitkellem dwarna li għadna qed ngħixu. Huwa Evanġelju qasir, iżda li jimliena b’kuraġġ kbir. Huwa Evanġelju li lili u lilek qed jgħidilna li qegħdin fejn qegħdin, għamilna x’għamilna, Alla jħobbna u jrid isalvana. Ġesù miet biex isalva lilek u lili wkoll. Aħna lkoll dgħajfa u l-ħażen għandu ċerta attrazzjoni: li nigdbu, li nseksku, li nieħdu dak li mhux tagħna, li naħarbu d-dmirjiet tagħna, li ngħalqu għajnejna għall-bżonnijiet tal-oħrajn, u tant dnubiet oħra. Kull wieħed u waħda minna, tajnih raġuni biex ‘ikeċċina ’il barra’, imma Ġesù ma jrid ‘jitlef lil ħadd’. Għalkemm nagħmlu ħafna tajjeb ukoll, li hu żgur hu, li, bħal dawk li qegħdin fil-purgatorju, għandna bżonn ta’ ħafna purifikazzjoni. (għal aktar tarih dwar il-purgatorju żur.

X’aktarx aħna nies komuni, li ftit huma dak li jafuna. Mhux se jkollna isimna f’xi ktieb u jsemmuna fl-istorja, iżda Alla jaf isimna (La tibżax, għax jien fdejtek: jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi. Iżaija 43, 1); kull wieħed u waħda minna tant aħna prezjużi għal Alla, li hu jafna aktar milli nafu lilna nfusna! (U intom, sa x-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu. Luqa 12, 7) Jekk Alla għandu ċ-ċans u l-paċenzja li jgħodd kull xagħra li għandna fuq rasna, kemm aktar għandu r-rieda u x-xewqa li kulħadd, hu min hu, jsalva.  

Il-bieraħ fakkarna l-qaddisin kollha, dawk li diġà qegħdin igawdu l-ħajja eterna mal-Mulej. Aħna nsemmu u nafu, frazzjoni żgħira ħafna minn dawn il-qaddisin, ma’ dawn hemm miljuni oħra, fosthom nies li nafu aħna żgur. Lill-qaddisin nitolbuhom biex jinterċedu għalina. Illum niftakru fl-erwieħ kollha, u għal dawn, aħna fid-dmir li nitolbu għalihom u noffru sagrifiċċji għalihom.  

Ġesù jrid li kulħadd isalva, “jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani.” Imma min-naħa tagħna, irrdu nagħmlu l-parti tagħna, irridu “naraw l-Iben” u “nemmnu fih”, biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem. Bħala ġenituri, kemm qed nagħmlu l-almu tagħna biex nippruvaw nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, kemm nemmnu fih? Il-ħajja tagħna u l-għażliet tagħna, huma denji ta’ nies insara? Imbagħad nistaqsu wkoll, x’qegħdin nagħmlu, biex lit-tfal tagħna nwassluhom għall-ħajja ta’ dejjem. 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6: 37-40) 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lin-nies: “Dak kollu li missieri jagħtini jiġi għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema biex nagħmel mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”. 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex? 
  3. Matul dan ix-xahar, flimkien mal-familja tagħna nitolbu aktar għall-erwieħ, kemm dawk li jiġu minna, kif ukoll għal dawk li ma għandhom lil ħadd jitlob għalihom.  
  4. Jekk nistgħu mmorru bħala familja, iċ-ċimiterju fuq l-oqbra ta’ dawk li jiġu minna, inħallu l-fjuri, nixgħelu xemgħa u nitolbu għalihom. Matul dan ix-xahar b’mod speċjali, noffru quddies għall-erwieħ. Niftakru li fl-Opri tal-Ħniena li jmissu r-ruħ, aħna mitluba li nitolbu lil Alla, għall-ħajjin u għall-mejtin.  
  5. Aħna lkoll xi darba jew oħra se mmutu, meta ma nafux. Iżda kollha rridu nħejju ruħna biex fl-aħħar jum, Alla jqajjimna mill-imwiet. Dan iseħħ jekk aħna għamilna l-almu tagħna biex ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla. Naqraw Mattew 25, 35-36, u naraw kemm bħala individwi u kemm bħala familja qegħdin ngħixu dak li hu msemmi f’dan il-passaġġ.  
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (6: 37-40) 
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Nibdew Novembru b’żewġ festi. Il-bieraħ ftakarna f’dawk kollha li qegħdin ma’ Ġesù fil-ġenna, u lil dan insejħulhom qaddisin. U llum niftakru f’dawk kollha li mietu, u li meta jkun il-waqt, ikunu l-ġenna huma wkoll.  

  • Ġesù miet fuq is-salib għax iħobbna u jixtieq li aħna xi darba nkunu miegħu l-ġenna 
  • Ritratti/santi ta’ nies li mietu 
  • Nipprintjaw l-attività wara li tkun lesta 
  • Kuluri 
  • Imqass 
  • Spaga 
  • Paper punch 

Illum il-Knisja tixtieq li niftakru f’dawk in-nies kollha li kienu jħobbu lil Ġesù, li ppruvaw jgħixu kif xtaq Ġesù, u li mietu. Imma minħabba li kulħadd xi darba jew oħra jagħmel għażliet ħżiena, meta mmutu ma nkunux nixbħu lil Ġesù f’kollox. Għal din ir-raġuni, qabel ma mmorru l-ġenna, inkunu l-purgatorju fejn insiru bħal Ġesù. Kif jiġri dan, ma nafux. Imma nafu żgur li l-pass li jkun imiss tkun il-ġenna. Min qiegħed il-purgatorju ma jista’ jagħmel xejn biex isir bħal Ġesù. Imma aħna nistgħu ngħinnuh, billi nitolbu għalih. 

Fl-Evanġelju tal-lum smajna li Ġesù jrid li kulħadd, hu min hu, imur il-ġenna. Hu jagħtina ħafna għajnuna biex ngħixu ħajja tajba, imma mhux dejjem nisimgħu minnu.  

Kif jixtieqek tgħix Ġesù? (titlob, tħobb, tgħin, tagħmel għażliet tajba, tkun ħabib/a tajba…) 

Meta naqraw l-ġrajjiet mill-Bibbja nsiru nafu aktar dwar kif Ġesù jixtieqna ngħixu. Ġesù jagħtina ħafna nies li jħobbuna, u dawn ukoll jgħinuna biex nagħmlu għażliet tajba kif jixtieq Ġesù. 

Matul ix-xahar ta’ Novembru, ejjew nippruvaw insiru tfal aħjar, billi nagħmlu għażliet tajba u hekk insiru qaddisin. U wkoll nitolbu għal dawk li mietu u qed jistennew li jsiru qaddisin. Fl-attività tal-lum se nistaqsu lill-qaddisin jgħinuna nsiru tfal aħjar u nitolbu għal dawk li mietu u qegħdin il-purgatorju. 

Fl-attività tal-lum għandkom stampi ta’ qaddisin differenti. Ma hemmx il-qaddisin kollha! Jista’ jkun li mal-istampi li hemm, ma hemmx xi qaddis favorit tiegħek. Fittex u ara ssibx lil dan il-qaddis.  Hemm paġna fejn tista’ żżid lil dan il-qaddis. Meta jkollok il-qaddisin li tixtieq li jitolbu għalik, għamel printout tagħhom u agħtihom il-kulur. 

Hemm paġna vojta u din se nużawha biex nitolbu għal dawk li mietu u li jista’ jkun qegħdin il-purgatorju. Anke jekk dik il-persuna li qed nitolbu għalija, issa qegħda l-ġenna, ma jimpurtax, Alla ma jħallix it-talb tagħna jmur fix-xejn. Għandek santi ta’ dawn in-nies? Jekk iva għamel printouts biex twaħħal dawn is-santi fuqhom. Jekk le, ikteb isimhom, u pinġi wiċċhom jew tixtieq, fuq il-printouts. 

Meta jkollok il-printouts kollha lesti, u tkun qtajthom waħda waħda, għamel 2 toqbiet fuq in-naħa ta’ fuq u għaddi l-ispaga, biex tkun tista’ ddendel dawn il-qaddisin u erwieħ. Flimkien mal-familja tiegħek, sib ħin biex titolbu lill-qaddisin u titolbu għall-erwieħ. 

Illum niftakru f’dawk li qegħdin il-purgatorju. L-Evanġelju tal-lum ma jsemmix l-erwieħ, imma jitkellem dwar ix-xewqa kbira ta’ Ġesù li xi darba, kulħadd ikun miegħu fil-ġenna.

  • Aħna parti mix-xirka tal-qaddisin
  • Ġesù jrid lil kulħadd, hu min hu, isalva
  • Aħna fid-dmir li nitolbu u nagħmlu sagrifiċċji għal dawk li qegħdin il-purgatorju
  • Ritratti/santi ta’ nies li mietu
  • Aċċess għall-paġna
  • Nipprintjaw l-attività wara li tkun lesta
  • Kuluri
  • Imqass
  • Spaga
  • Paper punch

Illum, 2 ta’ Novembru, il-Knisja trid li niftakru f’dawk l-erwieħ li qegħdin il-purgatorju. Meta mmutu nemmnu li jekk aħna għexna ħajja tajba u tixbaħ verament dik li għex Ġesù, imorru dritt il-ġenna, inkella jekk hemm nuqqasijiet li għad irridu npattu għalihom biex inkunu perfetti bħalma hu Ġesù, allura wara li mmutu mmorru l-purgatorju, fejn se nissaffew minn dawn l-imperfezzjonijiet tagħna. Minn hawn hekk imorru l-ġenna. Jekk persuna għexet ħajja ta’ għażliet ħżiena sal-aħħar, mingħajr ndiema u ta’ ċaħda ta’ Alla, allura tmur l-infern.

Il-bieraħ, l-1 ta’ Novembru, il-knisja fakkret il-qaddisin kollha. Tafu ssemmu xi qaddis?

Hemm ħafna qaddisin li nistgħu nsemmu, imma ma’ dawn kollha hemm numru ħafna akbar li qegħdin il-ġenna u li għalhekk huma qaddisin.

Il-Knisja torbot dawn iż-żewġ festi, biex turi r-rabta li hemm bejn ix-xirka tal-qaddisin. Qatt smajtuha din il-frażi? Xirka tal-qaddisin? Ngħiduha kull darba li ngħidu l-Kredu.

Meta ngħidu x-Xirka tal-Qaddisin, inkunu qegħdin ninkludu lilna li għadna qegħdin ngħixu, lil dawk li qegħdin fil-purgatorju u lil dawk li qegħdin fil-ġenna. Ilkoll nifurmaw familja waħda.

Għalfejn immorru l-purgatorju jekk imorru nqerru? Għax dejjem se jkun hemm xi nuqqasijiet li aħna għandna, dejjem se jkun hemm xi dnub li mhux vera li nkunu dmina minnu bis-serjetà. Immaġinaw tuffieħa, lanġasa jew larinġa. X’jiġri jekk iddaħħlu labra fiha? Meta tneħħi l-labra, it-toqba tibqa’ tidher xi ftit. Id-dnub tagħna hekk jagħmel, meta l-indiema tagħna ma tkunx perfetta, se jibqa’ jimmarkana, u fil-purgatorju nissaffew (dik it-toqba fil-frotta mhux biss ma tibqax tidher, imma lanqas tibqa’ hemm).

Tfal, tafu li aħna nistgħu ngħinnu lill-erwieħ li qegħdin fil-purgatorju biex jissaffew u jkunu jistgħu jmorru l-ġenna? Meta nitolbu għalihom, meta noffru quddies għalihom u anke noffru sagrifiċċji għalihom, b’dan kollu, inkunu qegħdin ngħinuhom biex huma joħorġu mill-purgatorju u jmorru l-ġenna.

Fl-Evanġelju tal-lum smajna lil Ġesù jgħidilna, “min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra.” Kif se mmorru għand Ġesù? (nitolbu aktar, nitqarbnu ta’ spiss, insiru nafu lil Ġesù dejjem aktar u nagħmlu dak li jixtieq hu)

Għall-attività ta’ din il-ġimgħa araw l-attività li hemm għas-snin 4 sa 7. Minħabba li t-tfal huma akbar, minbarra li jlestu din il-girlanda tal-qaddisin u erwieħ, jistgħu wkoll, matul ix-xahar ta’ Novembru jsiru jafu aħjar lil dawk il-qaddisin li jagħżlu li jpoġġu fil-girlandna. Dwar dawn il-qaddisin jistgħu jsibu aktar informazzjoni hawnhekk.

Inroddu s-salib

Bil-qalb ngħidu t-talba tal-erwieħ tliet darbiet.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.