San Carlo Acutis

12 t’Ottubru

M’għandniex għalfejn immorru lura ħafna fiż-żmien biex insiru nafu lil Carlo Acutis. Hu parti minn żminijietna għax hu għex fi żmienna. Mela, x’għandu daqshekk speċjali?

Jekk tiġġudikah mid-dehra esterna, kien adolexxent sabiħ li kien jgħix ħajja ordinarja, bħal ħafna żgħażagħ Taljani oħra ta’ żmienu. Madankollu, fuq livell aktar profond, Carlo kien żagħżugħ tassew speċjali, b’ħajja spiritwali interna li kienet tisboq kull ma wieħed jista’ jistenna minn żagħżugħ tas-seklu wieħed u għoxrin.

Carlo Acutis għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-età ta’ 15-il sena. Hu kien iddikjarat Qaddej ta’ Alla fl-2016, Venerabbli fl-2018, u fl-10 t’Ottubru 2020 ġie ddikjarat Beatu. Il-Knisja approvat miraklu li seħħ bl-interċessjoni tiegħu, fejn tifel Brażiljan fieq minn kundizzjoni rari tal-frixa. Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku approva t-tieni miraklu li sar bl-interċessjoni ta’ Carlo.  Imbagħad tħabbar li Carlo kien ser jiġi kkanonizzat fl-2025, waqt il-Ġublew tal-Adoloxxenti f’April. Iżda, il-Papa Franġisku miet fil-21 ta’ April, għalhekk id-data tal-kanonizzazzjoni ġiet posposta. Il-Papa Ljun XIV, iddikjara lil Carlo Acutis qaddis fis-7 ta’ Settembru 2025, fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu u ta’ ħutu tewmin.

Id-dawl li kien jiddi fil-ħajja żagħżugħa tiegħu kien l-Ewkaristija. Il-motto li għażel għalih stess kien: “L-Ewkaristija, il-‘highway’ tiegħi għall-Ġenna.” Għalih, l-Ewkaristija kienet it-triq ewlenija, mgħaġġla u diretta lejn is-sema.

Nistgħu nsiru nafu aktar dwar Carlo minn intervista li għamlet ommu. Hi stqarret  li Carlo ma kienx perfett; kien żagħżugħ li “kellu d-difetti tiegħu, bħal kulħadd.” Kien iħobb jilgħab bil-PlayStation, kien jieħu pjaċir jiekol u kien jikellem ħafna – tip ta’ żagħżagħ li jħobb idaħħaq lill-oħrajn fil-klassi u jieħu pjaċir jiddeverti lil sħabu bil-karikaturi tiegħu. Kien isibha diffiċli jikkontrolla dawn il-karatteristiċi meta kienu jibdew jaqbżu l-limiti.

Carlo kien konxju ħafna li juża l-ħin tajjeb. Fil-fatt, ommu temmen li Carlo ma kienx ser jitħajjar juża Facebook jew Twitter; kien jiddejjaq bl-użu tal-messaġġi mmedjati. Għalih, it-teknoloġija kienet għodda għall-evanġelizzazzjoni. Kien jimpurtah mill-ambjent, kien jogħdos bil-maskla biex inaddaf qiegħ il-baħar, u kien joħroġ il-kelb għal mixja u jneħħi l-iskart mill-park. Kien konxju li n-nies għandhom bżonn l-għajnuna, jiddefendi lil sħabu bi bżonnijiet speċjali li kienu jiġu ‘bullied’ u joffri appoġġ lil sħabu li kellhom problemi fil-familja.

Carlo kien jagħmel sforz biex jattendi għall-Quddiesa kuljum, u jqatta’ ħin quddiem it-Tabernaklu. Kien imur iqerr regolarment u  jitlob ir-Rużarju.

Carlo Acutis jibqa’ mfakkar għal mod kif għaqqad il-passjoni tiegħu għall-kompjuters mal-imħabba kbira tiegħu għall-Ewkaristija. Hu għamel riċerka dwar 136 miraklu Ewkaristiku u ħoloq sit elettroniku biex joffri ‘mużew virtwali’ ta’ dawn il-manifestazzjonijiet mirakolużi.

Wara li taraw il-filmat, tista’ żżid aktar informazzjoni minn dik imsemmija hawn fuq biex Carlo Acutis isir figura aktar reali għat-tfal. Ħeġġiġhom jirriflettu dwar kemm huma simili għal Carlo fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Identifikaw karatteristiċi tal-ħajja ta’ Carlo fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.  Agħżlu mill-inqas tlieta minnhom li t-tfal jixtiequ jiffukaw fuqhom; iktubhom u żejnuhom, wara dendluhom f’post fid-dar fejn it-tfal jistgħu jarawhom u jiftakruhom  kontinwament. Rawwem ukoll lit-tfal id-drawwa li jqattgħu ftit ħin quddiem it-Tabernaklu qabel jew wara l-Quddiesa. Jista’ jkun hemm bżonn li tiggwida liċ-ċkejknin dwar l-iskop ta’ dan il-mument.

Komplu ħeġġu lit-tfal biex jitolbu maħfra għan-nuqqasijiet tagħhom fl-imħabba lejn l-oħrajn. Din it-talba għandha ssir l-ewwel lil Ġesù, imbagħad lill-membri tal-familja li jkunu preżenti.  Tistgħu tikkunsidraw ukoll, bħala familja, li tmorru għall-qrar flimkien. Iddedikaw ftit ħin ta’ talb mat-tfal biex tgħidu tal-inqas posta Rużarju.  Inkoraġġixxi lit-tfal il-kbar biex jagħmlu riċerka dwar Carlo Acutis u dwar il-Mirakli Ewkaristiċi.

Alla kellu missjoni għal Carlo. Hu kien imsejjaħ biex ikun ta’ eżempju għat-tfal u għaż-żgħażagħ ta’ żmienna. Ħalli lit-tfal iżommu moment ta’ silenzju u jitolbu lil Alla biex jurihom il-missjoni li jridhom iwettqu f’ħajjithom.

Carlo Acutis kien żgħażugħ li kien iħobb jilgħab il-PlayStation, jiekol u jitkellem ħafna u kien magħruf bħala dak li jħobb idaħħaq lil sħabu tal-klassi! Madanakollu, hu jibqa’ mfakkar għall-mod kif għaqqad flimkien il-passjoni tiegħu għall-komputers u l-imħabba kbira tiegħu għall-Ewkaristija.

Illum se nagħmlu bħal Carlo Acutis u se ngħaqdu t-talenti tagħna fil-kompjuter mal-imħabba tagħna għall-Ewkaristija.

Uża graphics editor sempliċi biex tpinġi xi tfisser l-Ewkaristija għalik. Inkella tista’ tniżżel l-istampa t’hawn taħt, tipprintjaha, tpinġiha u ddendilha f’post fejn tista’ taraha spiss biex tiftakar li inti wkoll – bħal Carlo Acutis u bl-għajnuna t’Alla – tista’ ssir qaddis! Tinsiex tibgħatilna t-tpinġijiet tiegħek biex intellgħuhom fuq is-sit tagħna.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.