Qegħdin noqorbu lejn l-aħħar tas-Sena Liturġika, u f’dawn il-ġimgħat il-Knisja tkompli tagħtina qari biex tgħinna nirriflettu dwar il-ħajja tagħna, dwar l-impenn tagħna biex ngħixu ħajja nisranija. Dan ma tagħmlux bħala ċanfira, iżda aktar bħala ċans ieħor biex nieqfu, naħsbu u ninbidlu skont kif hemm bżonn.
Fil-parabbola tal-lum, Ġesù jlaqqagħna ma’ sid sinjur li kellu jsiefer u qabel ma telaq, qasam il-ġid tiegħu ma’ tliet qaddejja. Ma jagħtix l-istess ammont lil kull wieħed, imma stenna l-istess minn kull qaddej. Is-sid xtaq li l-qaddejja, jinvestu l-flus li tahom, biex b’hekk meta jmur lura, huma jagħtuh aktar mill-ammont li kien tahom. Hekk jagħmlu tnejn minnhom. L-ieħor, għalkemm ma jitlifx il-flus li ngħata, lanqas ma għamel xejn bihom, u lis-sid jagħtih l-istess ammont li kien taf. Is-sid jirrabja ma’ dan il-qaddej u jfaħħar lit-tnejn l-oħra.
Lilna Alla tana ħafna talenti. Xi kultant naqgħu fin-nassa li nipparagunaw lilna nfusna mal-oħrajn. Niffukaw wisq fuq dak li għandu ħaddieħor u fuq in-nuqqasijiet li għandna aħna. L-Evanġelju tal-lum qiegħed jgħidilna biex inneħħu dawn il-ħsibijiet negattivi u minflok nikkonċentraw fuq dawk ir-rigali li tana Alla. Alla ma jinsa lil ħadd. Ma jagħtiniex l-istess talenti iżda jagħti talenti differenti lil kulħadd. Alla jagħtina dak li għandna bżonn. L-ammont għal Alla ma jagħmilx differenza. Alla jrid li niskopru dawn ir-rigali li tana, u nfittxu opportunitajiet biex nużaw dawn il-kwalitajiet sbieħ. Dan ma huwiex eżerċizzju li għandna nagħmluh darba biss. Lill-ewwel u tieni qaddejja, is-sinjur reġa tahom aktar talenti. Lilna wkoll, Alla jżid mat-talenti li jagħtina, skont iż-żmien li ngħixu fih, skont l-opportunitajiet li niltaqgħu magħhom, “kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll”. Niftakru li għalkemm nistgħu naħsbu li dak li nagħmlu huwa ċkejken, fl-Evanġelju tal-ġimgħa d-dieħla, Ġesù ser jgħidilna li “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.
Tajjeb li naħsbu ftit fuq it-tielet qaddej ukoll. Is-sid ma rrabjax mal-qaddej għaliex dan ipprova jagħmel xi ħaġa bil-flus u ma rnexxielux. Irrabja għaliex il-qaddej ħalla kollox kif kien. Alla huwa mħabba. Alla lest li jagħtina l-għajnuna fejn hemm bżonn. Huwa lest li jaħfrilna l-iżbalji li nagħmlu. Madanakollu, Alla ma jittolerax l-indifferenza u l-għażż.