X’talent!

It-33 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Qegħdin noqorbu lejn l-aħħar tas-Sena Liturġika, u f’dawn il-ġimgħat il-Knisja tkompli tagħtina qari biex tgħinna nirriflettu dwar il-ħajja tagħna, dwar l-impenn tagħna biex ngħixu ħajja nisranija. Dan ma tagħmlux bħala ċanfira, iżda aktar bħala ċans ieħor biex nieqfu, naħsbu u ninbidlu skont kif hemm bżonn.

Fil-parabbola tal-lum, Ġesù jlaqqagħna ma’ sid sinjur li kellu jsiefer u qabel ma telaq, qasam il-ġid tiegħu ma’ tliet qaddejja. Ma jagħtix l-istess ammont lil kull wieħed, imma stenna l-istess minn kull qaddej. Is-sid xtaq li l-qaddejja, jinvestu l-flus li tahom, biex b’hekk meta jmur lura, huma jagħtuh aktar mill-ammont li kien tahom. Hekk jagħmlu tnejn minnhom. L-ieħor, għalkemm ma jitlifx il-flus li ngħata, lanqas ma għamel xejn bihom, u lis-sid jagħtih l-istess ammont li kien taf. Is-sid jirrabja ma’ dan il-qaddej u jfaħħar lit-tnejn l-oħra.

Lilna Alla tana ħafna talenti. Xi kultant naqgħu fin-nassa li nipparagunaw lilna nfusna mal-oħrajn. Niffukaw wisq fuq dak li għandu ħaddieħor u fuq in-nuqqasijiet li għandna aħna. L-Evanġelju tal-lum qiegħed jgħidilna biex inneħħu dawn il-ħsibijiet negattivi u minflok nikkonċentraw fuq dawk ir-rigali li tana Alla. Alla ma jinsa lil ħadd. Ma jagħtiniex l-istess talenti iżda jagħti talenti differenti lil kulħadd. Alla jagħtina dak li għandna bżonn. L-ammont għal Alla ma jagħmilx differenza. Alla jrid li niskopru dawn ir-rigali li tana, u nfittxu opportunitajiet biex nużaw dawn il-kwalitajiet sbieħ. Dan ma huwiex eżerċizzju li għandna nagħmluh darba biss. Lill-ewwel u tieni qaddejja, is-sinjur reġa tahom aktar talenti. Lilna wkoll, Alla jżid mat-talenti li jagħtina, skont iż-żmien li ngħixu fih, skont l-opportunitajiet li niltaqgħu magħhom, “kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll”. Niftakru li għalkemm nistgħu naħsbu li dak li nagħmlu huwa ċkejken, fl-Evanġelju tal-ġimgħa d-dieħla, Ġesù ser jgħidilna li “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Tajjeb li naħsbu ftit fuq it-tielet qaddej ukoll. Is-sid ma rrabjax mal-qaddej għaliex dan ipprova jagħmel xi ħaġa bil-flus u ma rnexxielux. Irrabja għaliex il-qaddej ħalla kollox kif kien. Alla huwa mħabba. Alla lest li jagħtina l-għajnuna fejn hemm bżonn. Huwa lest li jaħfrilna l-iżbalji li nagħmlu. Madanakollu, Alla ma jittolerax l-indifferenza u l-għażż.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 25, 14-30)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’taħseb li huma t-talenti tiegħek? Qiegħed/qegħda tużahom tajjeb?
  4. X’inhuma t-talenti tar-raġel/mara tiegħek? X’inhuma t-talenti tat-tfal? Qiegħed/qegħda tgħinhom biex jużawhom għal ġid tagħhom u tal-oħrajn?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew 25, (14-30);
    ii. Xemgħa mixgħula;
    iii. IIl-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja, xemgħa, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips.
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom.
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum Ġesù jrid li nagħmlu treasure hunt! Ser jgħidilna parabbola oħra. Nisimgħuha u wara nitkellmu dwar din it-treasure hunt.

  • Ġesù jgħidilna li kollha kemm aħna nafu nagħmlu ħafna affarijiet tajbin
  • Stampi ta’ tfal jagħmlu affarijiet differenti: jiżfnu, ikantaw, ipinġu, jgħinu fid-dar, jilgħabu, jagħmlu xi sport, man-nanniet, mal-ħbieb, isajru, jitolbu, jisimgħu lil xi ħadd jaqra mill-Bibbja. Importanti li fost dawn l-istampi ikun hemm dak li t-tfal huma tajbin fih. Jekk hemm bżonn minn ċertu stampi, ikun hemm aktar minn waħda
  • Qabel ma nibdew, il-ġenituri jaħbu dawn l-istampi f’postijiet differenti fil-kamra li ser ikunu
  • Karta fuq xhiex jitwaħħlu dawn l-istampi
  • Feltpen
  • Gloj

Fil-parabbola tal-lum, Ġesù jgħidilna storja dwar wieħed li kellu bżonn isiefer. Intom ġieli smajtu lill-mama jew lill-papa jgħidu li l-flus tagħhom ipoġġuhom fil-bank jew jinvestuhom? Kelma tqila hux hekk? Imma tfisser li jpoġġu l-flus x’imkien (jinvestuhom) biex wara xi snin ikollhom aktar flus. Dan ir-raġel ma poġġiex il-flus tiegħu l-bank, imma qassamhom ma’ tlett qaddejja tiegħu. Huwa b’hekk investihom. Jiġifieri, huwa stenna li meta jmur lura, huma jagħtuh aktar flus milli kien tahom. Tnejn minnhom hekk għamlu u s-sinjur kien ferħan ħafna. Imma t-tielet wieħed, beża’ li jitlef il-flus, u mar ħeba l-flus li tah is-sinjur. Meta tah l-istess ammont, is-sinjur iddispjaċih u rrabja wkoll.

Għalfejn Ġesù qiegħed ikellimna dwar il-flus? Dawn il-flus huma bħal dawk l-affarijiet sbieħ li nafu nagħmlu. Dawn l-affarijiet sbieħ u tajbin tahomlna Alla. Dawn huma bħal teżor li Alla jagħti lil kulħadd. Intom qatt rajtu xi film dwar il-pirati li jmorru jfittxu teżor? It-teżor ikun moħbi, għalhekk imorru jfittxuh! U anke aħna, mhux bil-fors nafu dwar dawn il-kwalitajiet sbieħ li nsejħulhom talenti, li tana Alla. Moħbijin f’din il-kamra hawn stampi tat-talenti tagħna. Mela ejjew, ħalli mmorru nfittxuhom! (il-ġenituri jgħinu skont kif hemm bżonn biex jinstabu l-istampi kollha).

Wara li jinstabu l-istampi kollha, it-tfal jiddeskrivu dak li qed jaraw. Jitqassmu skont dak li huma tajbin fih, pereżempju wieħed mit-tfal tajjeb fil-football, jingħata dik l-istampa, oħra tajba fil-kant, tingħata dik l-istampa. Għalhekk jista’ jkun hemm bżonn li minn xi stampi jkun hemm aktar minn waħda. Ukoll jista’ jkun hemm stampi li ma jitqasmux.

Fil-parabbola Ġesù qal li s-sid kien ferħan b’dawk il-qaddejja li użaw it-talenti tagħhom. Alla jkun ferħan meta aħna nużaw dawn it-talenti tagħna. Kif nistgħu nużaw dawn ir-rigali li tana Alla? (per eżempju, tpinġija: nagħmlu cards għal min hu marid, għan-nanniet, ġenituri, ħbieb; sport, nilgħabu fair, ma nqarrqux b’xulxin meta nilgħabu u nkunu ħbieb anke ma’ min jilgħab kontrina).

Wara li ssir din id-diskussjoni, it-tfal iwaħħlu t-talenti tagħhom fuq karta. Jiktbu isimhom u jistgħu jħallu din il-karta fil-kamra tagħhom. Waqt it-talba ta’ qabel l-irqad, il-ġenituri, ifakkruhom f’dawn it-talenti u flimkien jgħidu grazzi lil Alla.

Irroddu s-salib.

Grazzi Mulej, kemm tajtna rigali sbieħ! Grazzi li jien naf (kull persuna ssemmi wieħed mit-talenti tagħha). 

Meta aħna nużaw dawn ir-rigali li tana Alla, inkunu qegħdin nagħtu rigal lil Alla! Flimkien nisimgħu u nkantaw: A gift to you.

Alla, lil kulħadd jagħtih numru ta’ talenti, jew kwalitajiet sbieħ fil-karattru tiegħu. Illum Ġesù, jgħidilna parabbola, dwar raġel sinjur ħafna li ried isiefer. Qabel ma telaq, ta l-flus lill-qaddejja tiegħu. Dawn il-flus kienu jissejħu talenti.  Mhux lit-tlieta tahom l-istess ammont. Ħa naraw x’għamlu b’dawn il-flus.

  • Alla lil kulħadd jagħtih ħafna kwalitajiet sbieħ
  • It-talenti li jagħtina Alla nużawhom għalina u għall-oħrajn

  • Vażett tal-ħġieġ; wieħed għal kull persuna preżenti
  • Ċrieki maqtugħin minn kartonċina; iċ-ċirku jrid ikun daqs tajjeb li jidħol fil-vażett; nikkalkulaw erba’ jew ħames ċrieki kull wieħed
  • Acrylic paint jew glitter glue – jintużaw biex issir kitba fuq il-vażett
  • Oġġetti biex jiżżejjen il-vażett

X’ġara bil-flus li tahom is-sinjur?
Is-sinjur irrabja mal-ewwel u tieni qaddej?
Għalfejn irrabja mat-tielet qaddej?

Lilna lkoll Alla tana ħafna talenti. Xi wħud minn dawn għadna lanqas biss skoprejniehom! Is-sinjur tahom ammont differenti. Lilna wkoll, Alla jagħtina talenti differenti. Ma jagħtix l-istess ammont u lanqas l-istess talenti lil kulħadd. Tistgħu taħsbu għalfejn ma jagħtiniex it-talenti kollha li għandna bżonn? (nagħtu ċans għat-twegibiet tat-tfal)

Jekk jien ma nafx inpinġi ħafna u rrid nagħmel card sabiħa għan-nanna, u oħti taf tpinġi ħafna, x’nagħmel? (nistaqsiha tgħini)
Jekk jien ma nafx inpinġi ħafna u rrid nagħmel card sabiħa għan-nanna, u oħti taf tpinġi ħafna, x’nagħmel? (nistaqsiha tgħini)
Jekk jien tajjeb fil-maths, u hija li hu ftit iżgħar minni, għandu diffikultà, x’nista’ nagħmel? (ngħinu)
Kieku kulħadd tajjeb f’kollox, nistgħu nagħmlu kollox aħna. Imma Alla jrid li aħna nħobbu lil xulxin u li ngħinu lil xulxin.

Fil-parabbola, is-sinjur irrabja ma’ dak il-qaddej li ħeba t-talent tiegħu. Alla jrid li nużaw it-talenti tagħna, mhux naħbuhom! L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu huwa li nindunaw x’inhuma t-talenti tagħna.

X’inhuma t-talenti tagħkom? (nagħtu ċans u ngħinu skont il-bżonn. Jista’ jkun li t-tfal għadhom ma jagħrfux it-talenti li għandhom, għalhekk tajjeb li l-ġenituri juruhom dawk il-kwalitajiet sbieħ li għandhom. It-tfulija huwa żmien ta’ żvilupp kbir, jekk ninkorraġixxu lit-tfal biex jippruvaw affarijiet ġodda, infaħħruhom tal-isforzi tagħhom u ma naqtgħulhomx qalbhom, aktar ser jiskopru t-talenti li għandhom. Jiġri bil-maqlub, jekk ma nħalluhom jippruvaw xejn, nagħmlulhom l-affarijiet aħna u nċanfruhom meta dak li jagħmlu jiġi ħażin. Eżempji ta’ talenti: tpinġija, daqq ta’ strument mużikali, żfin, sport, jgħidu ċ-ċajt, qalb tajba, dejjem bi tbissima, lesti li jgħinu lill-oħrajn, jagħmlu ħbieb, jaqraw, jisimgħu lill-oħrajn, paċenzja, tisjir.

Wara li nkunu nafu dak li aħna tajbin fih, rridu naraw kif hu l-aħjar mod li nużaw dawn it-talenti. Alla ma jridx li nużaw it-talenti għalina biss, imma għall-oħrajn ukoll. Jekk aħna tajbin biex inkantaw, u anke nkantaw f’festivals, dan kollu tajjeb u għandna nagħmluh. Madanakollu m’għandniex nieqfu hemm. Kif nistgħu nużaw dan it-talent għall-oħrajn? (inkanta f’kor tal-knisja, jekk ikun hemm xi maratona biex jiġbru flus għal min hu fil-bżonn u bħala varjetà jkun hemm il-kant, nieħu sehem ukoll).

Niftakru fit-tielet qaddej, li ħeba t-talent tiegħu. It-talenti tagħna huma rigali mingħand Alla. Meta intom tagħtu rigal lil xi ħadd, xi tkunu tixtiequ li jagħmel bih? Iħallih imgeżwer fil-karta sabiħa, jew jiftħu u jużah? Kieku jħallih imgeżwer jiddispjaċina li lanqas biss fetħu! Aħseb u ara kemm użah! U aħna nkunu ħabbilna moħħna x’ser nagħtuh u anke immaġinnajnih kemm ser jieħu gost bih u x’jista’ jagħmel. Alla, l-istess. Meta jagħtina dawn it-talenti, ikun diġà qiegħed jimmaġinana kemm ser nifirħu bihom u jimmaġina wkoll kif nistgħu nużawhom għalina u għall-oħrajn. Iżda meta, bħat-tielet qaddej, naħbu dawn ir-rigali, Alla jiddispjaċih. Meta xi darba, mmutu, Alla ser jistaqsina x’għamilna b’dawn ir-rigali. Ejjew inkunu bħall-ewwel u tieni qaddej. Niskopru dak li aħna tajbin fih, u nużaw dak li aħna tajbin fih biex insiru persuni aħjar u ngħinu lil ħaddieħor ukoll.

Kif tistgħu tużaw it-talenti tagħkom biex tgħinu oħrajn?

Xi kultant inħossu li aħna, m’aħna tajbin għal xejn u kollox jiġi ħażin, li sħabna jafu jagħmlu kollox u aħna le. L-attività tal-lum ser tgħinna niftakru dak kollu li aħna tajbin fih, tfakkarna fit-talenti li tana Alla. Kulħadd jieħu vażett u jikteb fuqu: It-talenti tiegħi; iżejjen il-vażett kif jixtieq. Wara kulħadd jieħu ċirku tal-kartonċin u jikteb wieħed mit-talenti tiegħu u jpoġġi dan iċ-ċirku fil-vażett. Wara jieħu ċirku ieħor u jagħmel l-istess. Kulħadd jikteb ċrieki, kemm jixtieq. Jekk ikun hemm bżonn ta’ aktar ċrieki, jinqatgħu aktar. Waqt din l-attività, nisimgħu, God’s masterpiece.

Kulħadd ipoġġi dan il-vażett f’post fejn jarah. Meta jħoss li għandu talent ġdid, iżid maċ-ċrieki li diġà hemm fil-vażett. Meta jħoss li ma hu tajjeb għal xejn, jiftaħ dan il-vażett u joħroġ iċ-ċrieki u jiftakar dak li hu tajjeb fih. Minn żmien għal żmien, niftħu dan il-vażett, naqraw dak li ktibna u naħsbu aħniex qegħdin nużaw tajjeb dawn it-talenti. Kuljum, inħarsu lejn dan il-vażett u ngħidu grazzi lil Alla tat-talenti sbieħ li tana. (Għall-ġenituri: dan l-eżerċizzju huwa ta’ benefiċċju għall-kbar ukoll. Minflok vażett, il-ġenituri jistgħu jiktbu t-talenti li għandhom fuq karta u din titħalla x’imkien li sikwiet jarawha u bħat-tfal iżidu magħha meta jiskopru xi talent ieħor u minn żmien għal żmien jevalwaw kif qed jużaw it-talenti tagħhom).

Inroddu s-salib

Niftakru fit-talenti li semmejna, u kulħadd jirringrazzja lil Alla, għar-rigal li għandha persuna oħra mill-familja, pereżempju: Grazzi Mulej li l-mama taf tieħu ħsieb il-pjanti, u tagħmel id-dar tagħna sabiħa bihom. Grazzi Mulej, li oħti taf tgħid iċ-ċajt, għax meta ma nkunx ferħan, hi jirnexxielha ddaħħaqni. Grazzi Mulej, li l-papa jaf jilgħab il-football, għax nieħu gost nilgħab miegħu u qiegħed insir naf nilgħab il-football tajjeb jiena wkoll.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, is-sid ħalla ġidu lill-qaddejja tiegħu biex huma jamministrawh? Għaliex għamel hekk?

Correct! Wrong!

2. Skont il-parabbola tal-lum, kemm qala' talenti dak il-qaddej li s-sid kien ħallielu ħames talenti f'idejh?

Correct! Wrong!

3. X'qal is-sid lill-qaddejja li ħaddmu t-talenti li hu kien tahom u hekk kisbu oħrajn bil-qliegħ?

Correct! Wrong!

4. Lill-qaddej li mar u ħeba t-talent li s-sid kien tah, kif wieġbu dan tal-aħħar?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.