Illum il-Knisja tiċċelebra l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika. Il-Ħadd li ġej, tibda Sena Liturġika oħra, nibdew żmien l-Avvent. F’dan l-aħħar Ħadd niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Kristu li bħar-ragħaj, jieħu ħsiebna u jfittixna meta nintilfu jew inkunu l-bogħod minnu. Huwa kien minn dejjem Sultan ta’ kulħadd u jibqa’ Sultan ta’ kulħadd. Huwa Sultan differenti mis-slaten u mis-setgħana tad-dinja. Huwa mexxej li jrid jaqdi lilna u jkun magħna kull ħin. Huwa Sultan li jħobb is-sudditi tiegħu.
Ġesù isejjaħ lil dawk in-nies li għenu u ħabbew lill-oħrajn, nagħaġ, u lil dawk li ma tawx kas it-tagħlim tiegħu u njoraw il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, mogħoż. Fid-diskors ta’ Ġesù, iż-żewġ gruppi huma sorpriżi, kemm dawk li mxew fuq il-kelma tiegħu u anke dawk li għexu b’mod egoist. Jista’ jkun li tal-aħħar, il-mogħoż, ħasbu li jekk ma għamlu deni lil ħadd, kienu qed jogħġbu lil Alla. Din is-silta tal-lum tfakkarna f’diskors ieħor ta’ Ġesù, fejn kien qal li “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21). Għalhekk, għalkemm jista’ jkun vera li persuna ma tagħmilx deni lill-oħrajn, jista’ jkun ukoll li fl-istess ħin lanqas ma tat kas il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarha. L-imħabba tagħna lejn Alla trid tissarraf f’azzjonijiet tajba. Kliem biss mhux biżżejjed.
Ġesù mhux qiegħed jistenna affarijiet kbar ħafna mingħandna, imma jrid li nuru mħabba u ħniena mal-oħrajn. Jgħidilna li hu jinnota sal-iċken ħaġa tajba li nagħmlu, affarijiet li għalina forsi huma insinjifikanti. Mother Teresa kienet tħobb tgħid mhux kollha kemm aħna mistennija li nagħmlu affarijiet kbar għall-oħrajn, imma kollha hemm aħna mistennija li nagħmlu affarijiet żgħar b’ħafna mħabba. Ninnutaw li f’dan id-diskors, Ġesù ma jgħidx li għamilna affarijiet tajba lill-oħrajn f’ismu, imma li għamilna affarijiet tajba miegħu. Ġesù, jiddentifika lilu nnifsu mal-fqir u l-batut. Kull darba li ndawru wiċċna mill-bżonnijiet ta’ ħutna, nkunu qegħdin indawru wiċċna minn Ġesù. Id-diskors ta’ Ġesù mhuwiex dwar dak li għad jiġri fil-futur, daqs kemm hu dwar il-mod li qegħdin ngħixu llum. Ġesù jrid li nieqfu u nagħmlu eżami tal-ħajja tagħna; jekk ma aħniex qegħdin ngħixu ta’ aħwa mal-oħrajn, b’azzjonijiet ta’ mħabba u ħniena bejnietna, issa huwa l-mument li ninbidlu, qabel ma jkun tard wisq.