Nagħmlu kuraġġ!

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena B

Il-lum nibdew Sena Liturġika ġdida. Is-Sena Liturġika titqassam fi staġuni differenti: l-Avvent, il-Milied, ir-Randan, it-Tridu tal-Għid, l-Għid u Żmien ta’ Matul is-Sena. Iċ-ċiklu tas-Sena Liturġika joffri qafas fejn in-nisrani jista’ jkompli l-mixja ta’ fidi tiegħu u hu mezz ta’ kif jimmatura fil-fidi. Għalkemm is-sena tirrepeti ruħha waħda wara oħra, is- Sena Liturġika qatt ma għandha tkun waħda bħall-oħra. Kull sena trid twassalna biex nersqu aktar qrib ta’ Ġesù.

Matul din is-sena ser inkunu qegħdin nisimgħu qari mill-Evanġelju skont San Mark. Dan huwa meqjus bħala l-ewwel evanġelju li nkiteb.

Ġieli rajtu ritratt facebook, jew x’imkien ieħor u f’qalbek tgħid “Imma x’kumbinazzjoni! Kif kien hemm, eżatt f’dak il-ħin?” Min iħobb il-fotografija, il-ħin kollu, ikun fejn ikun, u jkun ma’ min ikun, ikun ippreparat, biex kif jara veduta, sitwazzjoni jew okkazzjoni li jixtieq jaqbadha fi stampa, ikun pront biex jieħu dak ir-ritratt. 

Illum Ġesù jgħidilna biex bħall-fotografu professjonali, inkunu dejjem lesti għal dak il-mument speċjali, li għalkemm ma nafux meta ser ikun, nafu li ser jasal żgur. Ġesù jgħidilna biex inkunu dejjem ippreparati għal meta niltaqgħu miegħu. Huwa qari li jesprimi sew il-messaġġ tal-Avvent. Fl-Avvent niċċelebraw tlett miġjiet ta’ Ġesù. Dik li seħħet ħafna snin ilu f’Betlehem. Niċċelebraw ukoll, il-miġja ta’ Ġesù li għad trid tasal, meta ma nafux. Irridu nkunu dejjem ‘għajnejna miftuħa’. 

Kif ser nishru? Kif ser inkunu attenti, biex meta jasal dan il-waqt, inkunu mħejjija tajjeb? L-aqwa mod li nippreparaw lilna nfusna huwa li nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, billi nsiru nafuh aktar mill-qrib u nagħmlu dak li jixtieq hu. Nagħmlu dan permezz tat-talb, kemm talb li nagħmluh waħedna, kif ukoll mal-oħrajn. Ġesù kien jitlob ħafna. La t-talb kien importanti għal Ġesù, ma nistgħux ngħaddu mingħajru lanqas aħna. Il-qari mill-Bibbja, jgħin ħafna wkoll, biex aħna nkabbru din ir-relazzjoni ma’ Ġesù. Għalhekk irridu naqraw, nisimgħu u anke nirriflettu fuq il-qari mill-Bibbja. Irridu wkoll, ngħixu kif għex Ġesù. Irridu nħobbu u nagħmlu dak li kien jagħmel hu. Meta nkunu qegħdin nagħmlu dan, inkunu qed nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna. Din hi t-tielet miġja, li niċċelebraw fl-Avvent. Ġesù jiġi għandna kuljum permezz tal-Kelma tiegħu, u permezz tas-Sagramenti.

Bniedem bil-għaqal, ma jgħix għall-mument, iżda jaħseb fil-futur. Fost affarijiet oħra, iġemma l-flus u jinvesti, jagħmel assikurazzjoni fuq id-dar, fuq is-saħħa tiegħu u tal-familja tiegħu, jagħmel assikurazzjoni qabel ma jsiefer, jagħti l-aħjar edukazzjoni lit-tfal tiegħu. Dan kollu tajjeb. Iżda, il-bniedem bil-għaqal, irid jaħseb u jipprepara wkoll għal dak li hu spiritwali. 

It-tema tal-ewwel ġimgħa tal-Avvent hija t-tama. It-tama li jiġri x’jiġri, aħna dejjem nibqgħu nafdaw f’Alla, li hu dejjem preżenti, li hu dejjem qiegħed hemm għalina, li hu dejjem iħobbna, it-tama wkoll, li wara din il-ħajja, aħna ser ingawdu l-ħajja ta’ dejjem. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 13, 33-37)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kif tiddeskrivi ruħek? Qed tishar jew rieqed? Qiegħed tipprepara lilek innifsek għall-miġja ta’ Ġesù, jew inti indifferenti?
  4. Aħseb dwar kif dan l-Avvent tista’ tgħixu differenti mal-familja tiegħek. Fil-website https://bekids.mt/ issib għajnuna, anke ta’ kuljum, biex matul dan l-Avvent, ir-relazzjoni tal-familja tiegħek ma’ Ġesù tikber u tissaħħaħ.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (13, 33-37);
    ii. Girlanda tal-Avvent, tinxtegħel l-ewwel xemgħa vjola
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Intom qatt lgħabtu il-logħba jisimha noli? Min ikun “biha”, wara li jgħodd kemm kellu jgħodd, jgħajjat: “Wieħed, tnejn, tlieta, min hu barra barra, min hu ġewwa, ġewwa.” Ġesù, mhux ser ikellimna dwar kif nilgħabu noli, imma jekk nifhmu kif nilgħabu din il-logħba, nifhmu wkoll dak li jrid jgħidilna Ġesù.

  • Ġesù jrid li nkunu dejjem tfal bravi
  • Printout tal-worksheets
  • Kuluri

Fil-logħa tan-noli, ikun hemm tfal li jmorru jistaħbew u ieħor li jkun “biha”. Dak li jkun “biha”, joqgħod wiċċu mal-ħajt u jgħodd san-numru li jkunu ftehmu qabel, u sakemm jgħodd, sħabu jmorru jistaħbew mill-aħjar li jistgħu. Kif ilesti jgħodd, jgħajjat, “Wieħed, tnejn, tlieta, min hu barra barra, min hu ġewwa, ġewwa”, imbagħad idur u jmur ifittex lil sħabu. Lil min isib l-ewwel ikun biha, jirbaħ dak li jsib l-aħħar. Dak li jinstab l-ewwel, ġeneralment ma tantx ikun ipprova jsib moħba tajba, jew ma tantx kellu ċans jinħeba sew, dak li jinstab l-aħħar ikun ħaseb aktar. Dawk li jmorru jistaħbew, għalkemm jafu li l-ieħor ser jiġi jfittixhom, ma jkunux jafu eżatt meta ser jispiċċa jgħodd. Dawk li jistaħbew f’post tajjeb, ikunu marru fittxew moħba mal-ewwel, ma qagħdux jaħsbuha. Dawk li nqabdu mal-ewwel, ikunu, jew ma tawx kas u qagħdu fl-ewwel post li sabu, jew inkella ma kellhomx biżżejjed ħin. 

Ġesù, illum qiegħed jgħidilna li xi darba kulħadd imut. Ħadd ma jaf meta. Tiftakru dak li qalilna l-ġimgħa l-oħra dwar in-nagħaġ u l-mogħoż? In-nagħaġ kienu dawk li għamlu affarijiet li jogħġbu lil Ġesù, u l-mogħoż, dawk li ma tawx kas x’ried u x’kellu bżonn Ġesù. Qishom, bħal dawk li jilgħabu noli. In-nagħaġ huma dawk li ppreparaw sew, marru jiġru u sabu moħba tajba. Għalhekk rebħu, għax ma kienux tal-ewwel li nstabu. Il-mogħoż, huma bħal dawk li nqabdu minn tal-ewwel, għax ma tawx kas fejn ser jistaħbew, jew ma kellhomx ċans biżżejjed. Ġesù, irid li dak li nagħmlu, ikun tajjeb dejjem. Ma jridx li ngħidu, “jien għadni żgħir, mela ma jimpurtax jekk noqgħod imqareb, jekk ma nobdix, imbagħad meta nikber nibda nkun bravu.” Ġesù jrid lil kulħadd jagħmel għażliet tajba, għandu kemm għandu żmien. Biex meta tasal dik il-ġurnata li niltaqgħu miegħu, li ma nafux meta ser tkun, aħna nkunu ma’ dawk li nirbħu u mmorru l-ġenna.

Intom qatt rajtu tromba (binoculars)? Għandkom waħda fl-istampa tal-attività tal-lum. Meta xi ħadd juża t-tromba, jista’ jara aktar ċar, anke dak li hemm fil-bogħod. Aħna qisna jrid ikollna tromba biex il-ħin kollu nkunu attenti. Noqgħodu attenti li dak li nagħmlu ikun li jieħu gost bih Ġesù. Irridu noqgħodu attenti, il-ħin kollu, li nagħmlu għażliet tajba. Minbarra stampa ta’ tromba, għandkom oħra, b’ħames azzjonijiet li tistgħu tagħmlu. L-ewwel għatu l-kulur l-istampa tat-tromba, imbagħad, għatu l-kulur l-għażliet tajba biss. 

Illum bdejna żmien speċjali, iż-żmien tal-Avvent li jgħinna biex nippreparaw għall-festa tal-Milied. Il-Milied huwa l-birthday ta’ Ġesù u l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtuh huwa li nkunu bravi u nagħmlu għażliet tajba.

Meta tlestu, isimgħu There is a star . Fil-video clip taraw kif erba’ annimali ħbieb jgħinu lil xulxin biex imorru jaraw lil Ġesù fil-maxtura. U aħna l-istess, meta ngħinu lill-oħrajn, meta nħobbuhom, inkunu qegħdin ngħinu lil xulxin biex insiru ħbieb akbar ta’ Ġesù.

Irroddu s-salib.

Ġesù jien irrid li nagħtik rigal sabiħ għall-Milied. Jien irrid li nagħmel dak li tixtieqni inti. Għinni biex matul l-Avvent, nipprova aktar mis-soltu li nagħmel għażliet tajba. Grazzi Ġesù, jien inħobbok ħafna.

Fl-iskola l-għalliem dejjem jirrepeti dak li jkun l-aktar importanti, biex nitgħallmuh sew. Ġesù wkoll iħobb jirrepeti dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna. Ġesù ser jerġa jkellimna dwar il-bżonn li ngħixu ħajja tajba kuljum, biex inkunu ppreparati għal meta niltaqgħu miegħu.

  • Irridu ngħixu kif jixtieq Ġesù kuljum

  • Printout tal-worksheets
  • Lapes
  • Kuluri

Il-kamra tiegħek iżżommha nadifa, bl-affarijiet u l-ħwejjeġ kollha f’posthom? Wara li tagħmel xi crafts, tpoġġi l-affarijiet lura f’posthom? Il-mama ġieli tgħidlek biex tiżbarazza?

Hemm differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin?

Il-mama qaltlek biex tiżbarazza l-kamra u ser titla’ tara li kollox qiegħed f’postu wara li tiġi lura d-dar mix-xiri. X’tagħmel?

Issa jekk il-mama qaltek biex tiżbarazza l-kamra, u ma qaltlek xejn aktar, x’tagħmel? 

It-tweġiba tiegħek differenti minn tal-ewwel?

Xi drabi meta ma ningħatawx żmien u ħin ta’ meta jrid ikollna xi ħaġa lesta, ma nagħtux kasha daqstant. Xi drabi l-għalliem tal-iskola jgħidilna biex nirrevedu u nistudjaw dak li nagħmlu fil-klassi, għax jista’ jkun li jkollna test. Meta jgħidilna hekk, ma nagħtux daqstant kas, iżda jekk jgħidilna li l-ġimgħa ta’ wara minflok lezzjoni ser ikollna test, nirrevedu u nistudjaw ix-xogħol li għamilna. Meta ma jkollnix żmien u ħin, jista’ jkun li ma neħdux dak li jgħidulna bis-serjetà. 

Ġesù jgħidilna li ħadd ma jaf meta ser tkun dik il-ġurnata li niltaqgħu miegħu. Ħadd ma jaf meta ser imut. Għalhekk Ġesù jgħidlna li importanti li nippruvaw nagħmlu dak li jixtieq hu, kuljum. Din hi sitwazzjoni tixbaħ lill-eżempju msemmi hawn fuq, jiġifieri ta’ meta ma konniex nafu meta l-mama ser tiġi fil-kamra u tara li l-affarijiet kollha f’posthom, jew meta nafu li xi darba ser ikollna test, imma ma nafux meta. Kif ma rridux inħallu l-affarijiet jiġru ma’ kulimkien fil-kamra tagħna u kif irridu nirrevedu x-xogħol tal-iskola, anke jekk mhux ser ikollna test l-għada, l-istess irridu nagħmlu fil-ħajja tagħna. Irridu nippruvaw li nobdu lil Ġesù kuljum. Tafu, li jekk ma tirrevedux ix-xogħol tal-iskola b’mod regolari, meta mbagħad ikollkom test, issibu li hemm ħafna x’tistudjaw u forsi anke taqtgħu qalbkom? Kieku nagħmlu revision regolari, inkunu aktar ippreparati! Bl-istess mod jekk aħna ma nagħtux kas ta’ kif inġibu ruħna, u per eżempju, nibdew ngħidu l-gideb, ma nagħtux kas tat-tfal li qegħdin waħedhom, il-Ħadd ma mmorrux il-quddies, id-dar ma ngħinux, nieħdu gost inwaqqgħu lil tfal oħra għaċ-ċajt, ma nagħmlux il-homework u nikkuppjawh mingħand sħabna, mhux ser insibuha faċli li ninbidlu kif ġieb u laħaq. Għalhekk huwa importanti li l-għażliet ħżiena nieqfu nagħmluhom malajr kemm jista’ jkun. Fl-attività tal-lum ser nieqfu u naħsbu dwar kif ngħixu, dwar deċiżjonijiet li nieħdu. Irridu nieqfu nagħmlu dak li lil Ġesù ma jogħġbux u nkomplu nagħmlu dak li hu tajjeb. Għandkom żewġ printouts. Waħda b’dustbin u l-oħra b’qalb. Qegħdin fl-Avvent, żmien li nippreparaw lil qalbna biex nirċievu lil Ġesù ġo fiha. Madwar id-dustbin hemm il-karti. Fuq dawn ser niktbu dak li aħna sikwiet nagħmlu u nafu li hu ħażin (bħal pereżempju nieħdu affarijiet li ma humiex tagħna), dawn huma l-azzjonijiet li aħna rridu narmu, l-azzjonijiet li rridu nieqfu nagħmlu. Ħdejn il-qalb hemm uċuh ferħana, fuqhom ser niktbu dak li aħna nagħmlu tajjeb, u azzjonijiet tajba oħra li forsi bħalissa ma nagħmluhomx, imma nixtiequ li nibdew nagħmluhom. Meta aħna nagħmlu għażliet tajba, insiru nħobbu lil Ġesù u lill-oħrajn aktar u nkunu ferħana. Jekk tixtiequ, tistgħu tagħtihom il-kulur.

Inroddu s-salib

Ġesù, jien inħobbok. Mhux dejjem jirnexxieli nagħmel dak li tixtieq inti. Jien irrid nieqaf nagħmel għażliet ħżiena u nagħmel biss dak li jogħġob lilek, biex insir nixbah lilek. Nisimgħu I wanna be more like you.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jiftħu...

Correct! Wrong!

2. X'ordni jagħti sid id-dar meta jkun se jsiefer, lil dak li jieħu ħsieb il-bieb ta' daru?

Correct! Wrong!

3. Ġesù jwissi lill-qaddejja tiegħu li s-sid jista' jirritorna lura mis-safar tiegħu

Correct! Wrong!

4. X'ordni jagħti Kristu lid-dixxipli u lil kulħadd fi tmiem is-silta tal-lum?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.