Il-lum nibdew Sena Liturġika ġdida. Is-Sena Liturġika titqassam fi staġuni differenti: l-Avvent, il-Milied, ir-Randan, it-Tridu tal-Għid, l-Għid u Żmien ta’ Matul is-Sena. Iċ-ċiklu tas-Sena Liturġika joffri qafas fejn in-nisrani jista’ jkompli l-mixja ta’ fidi tiegħu u hu mezz ta’ kif jimmatura fil-fidi. Għalkemm is-sena tirrepeti ruħha waħda wara oħra, is- Sena Liturġika qatt ma għandha tkun waħda bħall-oħra. Kull sena trid twassalna biex nersqu aktar qrib ta’ Ġesù.
Matul din is-sena ser inkunu qegħdin nisimgħu qari mill-Evanġelju skont San Mark. Dan huwa meqjus bħala l-ewwel evanġelju li nkiteb.
Ġieli rajtu ritratt facebook, jew x’imkien ieħor u f’qalbek tgħid “Imma x’kumbinazzjoni! Kif kien hemm, eżatt f’dak il-ħin?” Min iħobb il-fotografija, il-ħin kollu, ikun fejn ikun, u jkun ma’ min ikun, ikun ippreparat, biex kif jara veduta, sitwazzjoni jew okkazzjoni li jixtieq jaqbadha fi stampa, ikun pront biex jieħu dak ir-ritratt.
Illum Ġesù jgħidilna biex bħall-fotografu professjonali, inkunu dejjem lesti għal dak il-mument speċjali, li għalkemm ma nafux meta ser ikun, nafu li ser jasal żgur. Ġesù jgħidilna biex inkunu dejjem ippreparati għal meta niltaqgħu miegħu. Huwa qari li jesprimi sew il-messaġġ tal-Avvent. Fl-Avvent niċċelebraw tlett miġjiet ta’ Ġesù. Dik li seħħet ħafna snin ilu f’Betlehem. Niċċelebraw ukoll, il-miġja ta’ Ġesù li għad trid tasal, meta ma nafux. Irridu nkunu dejjem ‘għajnejna miftuħa’.
Kif ser nishru? Kif ser inkunu attenti, biex meta jasal dan il-waqt, inkunu mħejjija tajjeb? L-aqwa mod li nippreparaw lilna nfusna huwa li nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, billi nsiru nafuh aktar mill-qrib u nagħmlu dak li jixtieq hu. Nagħmlu dan permezz tat-talb, kemm talb li nagħmluh waħedna, kif ukoll mal-oħrajn. Ġesù kien jitlob ħafna. La t-talb kien importanti għal Ġesù, ma nistgħux ngħaddu mingħajru lanqas aħna. Il-qari mill-Bibbja, jgħin ħafna wkoll, biex aħna nkabbru din ir-relazzjoni ma’ Ġesù. Għalhekk irridu naqraw, nisimgħu u anke nirriflettu fuq il-qari mill-Bibbja. Irridu wkoll, ngħixu kif għex Ġesù. Irridu nħobbu u nagħmlu dak li kien jagħmel hu. Meta nkunu qegħdin nagħmlu dan, inkunu qed nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna. Din hi t-tielet miġja, li niċċelebraw fl-Avvent. Ġesù jiġi għandna kuljum permezz tal-Kelma tiegħu, u permezz tas-Sagramenti.
Bniedem bil-għaqal, ma jgħix għall-mument, iżda jaħseb fil-futur. Fost affarijiet oħra, iġemma l-flus u jinvesti, jagħmel assikurazzjoni fuq id-dar, fuq is-saħħa tiegħu u tal-familja tiegħu, jagħmel assikurazzjoni qabel ma jsiefer, jagħti l-aħjar edukazzjoni lit-tfal tiegħu. Dan kollu tajjeb. Iżda, il-bniedem bil-għaqal, irid jaħseb u jipprepara wkoll għal dak li hu spiritwali.
It-tema tal-ewwel ġimgħa tal-Avvent hija t-tama. It-tama li jiġri x’jiġri, aħna dejjem nibqgħu nafdaw f’Alla, li hu dejjem preżenti, li hu dejjem qiegħed hemm għalina, li hu dejjem iħobbna, it-tama wkoll, li wara din il-ħajja, aħna ser ingawdu l-ħajja ta’ dejjem.